MediaToday

Editorjal | 26 ta’ Ottubru 2008 Nr 104

Ma nixxuttawx il-flus fil-but

Fid-29 ta’ Ottubru tal-1929 ikkrollat il-borża ta’ Wall Street f’New York. Dak l-avveniment, magħruf bħala t-Tlieta l-Iswed, wassal għall-bidu ta’ riċessjoni kbira fl-Amerka li mbagħad tferrxet madwar id-dinja.
Ir-riċessjoni wasslet għat-tkeċċija ta’ ħafna ħaddiema, l-għeluq ta’ postijiet tax-xogħol, inqas dħul għall-familji u żieda fil-faqar b’rata allarmanti li d-dinja tal-Punent qatt ma rat bħalha. Ir-riċessjoni tant kienet profonda li l-perjodu bejn l-1929 u l-1939 hu deskritt bħala ‘the great depression’.
Illum, kważi 80 sena wara, id-dinja għal darb’oħra tinsab f’xifer ta’ riċessjoni kbira. Bl-ekonomija Amerikana fl-agħar livelli tagħha u bil-kriżi fis-settur finanzjarju li xxuttat il-flus fl-idejn, id-dinja qed tħares lejn perjodu twil ta’ instabbiltà.
L-ewwel sinjali ta’ riċessjoni fil-kontinent Ewropew ħarġu fl-Ingilterra din il-ġimgħa biċ-ċifri għat-tielet kwart tas-sena juru tnaqqis fl-ekonomija Ingliża, l-ewwel darba f’16-il sena.
Mhemmx dubju li r-riċessjoni se tħalli l-impatt tagħha wkoll fuq Malta. F’dan il-kuntest toħroġ l-importanza tat-tmexxija bil-għaqal li jrid juri l-Gvern bid-deċiżjonijiet li se jieħu fil-baġit li jmiss. F’mument ta’ inċertezza kbira fejn il-mewġ minn barra se jkun qawwi l-ekonomija ma tiflaħx xokkijiet interni maħluqa mill-Gvern stess.
It-tariffi tad-dawl u l-ilma mħabbra mill-Gvern huma xokk li l-pajjiż jista’ jgħaddi mingħajru. F’mument fejn il-gvernijiet qed jaraw kif se jsostnu l-intrapriża u jħarsu l-poter tal-konsum taċ-ċittadini, ma jagħmilx sens li jitneħħa s-sussidju lill-Enemalta u lill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.
Apparti l-kwistjoni tal-capping għall-industriji l-kbar, hi t-tneħħija tas-sussidju li qed twassal biex il-kontijiet il-ġodda għall-familji jkunu ogħla mill-kontijiet bis-soprataxxa ta’ 95 fil-mija.
Iżda t-tariffi tad-dawl u l-ilma huma biss fattur wieħed fil-ħolqa ta’ deċiżjonijiet li jrid jieħu l-Gvern fil-baġit. Nisperaw li f’dawn iż-żminijiet diffiċli l-Gvern jieħu l-parir tal-Mexxej Laburista Joseph Muscat u tal-Ministru tal-Finanzi Ingliż Alistair Darling biex iħalli iktar flus fil-bwiet tan-nies.
Hu l-konsum personali li se jgħin biex id-dinja toħroġ minn dan l-għawġ. U f’sitwazzjoni fejn il-kreditu mill-banek nixef minħabba l-kriżi li laqtet lis-settur, se jkun aktar importanti li l-gvernijiet jgħinu biex jibqgħu iktar flus fil-bwiet tan-nies.
Il-Ministru tal-Finanzi se jkollu għadma iebsa biex jikkoreġi t-tbassir ħażin, jew ottimist iżżejjed, li kien għamel fil-baġit ta’ sena ilu. Tonio Fenech irid jinsa għall-mument il-mira tal-Gvern li jibbilanċja l-kotba sal-2010. Dan mhux il-mument opportun.
L-iżbilanċ fil-finanzi pubbliċi s-sena li għaddet kien ta’ 1.8%. Biex ma jagħsarx l-ekonomija l-Gvern jista’ jżid l-iżbilanċ u xorta jibqa’ taħt il-mira ta’ tlieta fil-mija.
Fenech irid jaħrab it-tentazzjoni li jżid it-taxxi jew jintroduċi xi taxxi ġodda.
Li jista’ jagħmel biex jissalvagwardja l-kompetittività tal-industrija hu li minflok iż-żieda tal-għoli tal-ħajja tingħata mal-paga, għas-sentejn li ġejjin din tingħata bħala bonus wieħed mhux taxxabbli fl-aħħar tas-sena. B’hekk l-industrija ma jkollhiex iġġorr il-piż taż-żidiet fil-pagi minn sena għall-oħra. Dan hu aktar importanti għall-kumpaniji li jesportaw.
Din il-proposta kien hemm qbil dwarha meta fl-2005 kienu fallew id-diskussjonijiet dwar il-Patt Soċjali u għalhekk jista’ jkun hemm qbil magħha anki mill-unions.
Biex l-ispiża tiegħu ma taħrabx il-Gvern jista’ wkoll jaqta’ mill-infiq f’ċerti setturi.
Bl-istipendji tal-Università kull sena jieħdu parti ikbar mill-kejk il-Gvern jista’ jdaħħal riforma biex l-għajnuna li tingħata fl-ewwel sentejn tiżdied imma tinqata’ għal kollox sakemm l-istudent jilħaq l-aħħar sena tal-kors, meta ħafna mill-ispejjeż marbuta mal-istudju jkunu diġà saru u meta ħafna mill-istudenti jkollhom dħul ieħor minn xi xogħol part-time. Hekk il-flus iffrankati mill-istipendji jistgħu jmorru direttament fuq il-qasam edukattiv biex titjieb l-esperjenza fil-klassi tal-eluf ta’ studenti fil-primarja u s-sekondarja mingħajr pressjoni żejda fuq il-baġit.
Apparti dan il-Gvern jeħtieġ jidħol f’impenn biex inaqqas il-ħela u d-duplikazzjoni tax-xogħol fil-ministeri, id-dipartimenti u l-awtoritajiet varji.
Ikun opportun jekk titnaqqas it-taxxa fuq id-dħul imqar billi titwessa’ l-faxxa tal-15 fil-mija, għalkemm il-morsa li daħal fiha l-Gvern bit-tbassir ħażin qajla se tagħtih ċans jagħmel dan.
It-toroq li għandu quddiemu Fenech huma ftit u diffiċli ħafna. Nittamaw li l-għażliet tiegħu jkunu mnebbħa minn viżjoni wiesa’ tal-ekonomija u tal-ħtiġijiet tal-familji f’dan il-perjodu mċajpar.

Intervista
Id-destin tal-Libanu u ta’ Hariri

Waqt żjara fil-Libanu JULIA FARRUGIA tintervista lil Saad Hariri, iben l-eks prim ministru assassinat Rafik Hariri, u lil Nawwaf Massaoui kelliem tal-grupp militanti Hezbollah


L-okkupazzjoni li ġġiegħlek taqbad l-armi



Il Punt
L-iskandlu tal-MITTS
Chris Cardona



TONI u PEPPI
Joanne saret mara. Għandha dritt tiżżewweġ?



Emmanuel Micallef
Tariffi bla kont!


Carmelo Mifsud Bonnici

Il-kwistjoni tal-vjolenza domestika



Wensu Mintoff
Sweet and sour


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format



Illum Search



 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan