MediaToday

Aħbarijiet | 19 ta’ Ottubru 2008 Nr 103

Ħobżhom maħbuż għall-elezzjoni

Julia Farrugia
jfarrugia@mediatoday.com.mt

Din il-gazzetta tista’ tiżvela li fil-ġimgħat ta’ qabel l-elezzjoni fl-Isptar Zammit Clapp iddaħħlu jaħdmu xejn anqas minn 50 persuna.
Uħud minn dawn ftaħru pubblikament li “instabilhom xogħol wara li heddu li ma kinux se jivvutaw fl-elezzjoni ġenerali ta’ Marzu.”
Illum tista’ tikxef li persuni mqabbda għal tal-apposta kellhom struzzjonijiet minn persuna viċin tal-Prim Ministru biex jieħdu nota ta’ dawk il-persuni li qed jirreġistraw għax-xogħol u li qed jheddu li mhux se jivvutaw.
Ftit jiem biss qabel l-elezzjoni ġenerali din il-gazzetta rċeviet tagħrif dwar persuni li nqdew u nstabilhom xogħol biex il-vot tagħhom ma jintilifx.
Illum kompliet tinvestiga dan it-tagħrif u rriżulta li numru sew minn dawn il-persuni ntbagħtu jaħdmu l-Isptar Zammit Clapp.
Il-persuna viċin ta’ Lawrence Gonzi kienet f’kuntatt kontinwu ma’ nies li minħabba l-qadi ta’ dmirijiethom kienu jiltaqgħu b’mod regolari ma’ persuni li kienu qed ifittxu xogħol. F’Marzu, fi ċrieki differenti, din il-persuna ftaħret li “illum akkwistajna lura erba’ voti oħra. Sibnilhom xogħol Zammit Clapp.”
Din il-gazzetta stħarrġet kemm iddaħħlu jaħdmu ħaddiema f’dan l-isptar fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena. B’kollox kien hemm 61 ruħ li nstabilhom xogħol f’dan l-isptar.
Jirriżulta li l-akbar ammont ta’ ħaddiema ddaħħlu jaħdmu hemm fl-ewwel tliet xhur ta’ qabel l-elezzjoni ġenerali. Ironikament, l-aktar xahar li fih iddaħlu nies ġodda fl-Isptar Zammit Clapp kien dak ta’ Marzu, ix-xahar tal-elezzjoni.
Għal mistoqsijiet ta’ din il-gazzetta s-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-Anzjani u l-Kura fil-Komunità wieġeb li “f’Marzu ta’ din is-sena kien hemm 26 persuna li ddaħħlu jaħdmu Zammit Clapp.”
Minn dawk li ddaħħlu jaħdmu f’Marzu, 15 ingħataw xogħol ta’ care worker. Tmienja minn dawn il-carers ingħataw impjieg full time. F’Marzu ddaħħlu wkoll disa’ nursing aides li tnejn iddaħħlu full time u sebgħa fuq bażi part time. Kienu mpjegati wkoll staff nurse u social worker.
Waqt li fi Frar il-kampanja elettorali kienet fl-eqqel tagħha, fl-istess sptar iddaħħlu jaħdmu tmien persuni oħra li nofshom instabilhom xogħol ta’ xufier jew transport aide. Persuna oħra ngħatat xogħol ta’ reliever administrator jew ward clerk, enrolled nurse u żewġ social workers.
F’Jannar f’Zammit Clapp iddaħħlu 15-il ruħ oħra li sitta minnhom ġew impjegati bħala ward clerks.
Skont iċ-ċifri kkonfermati mas-Segretarjat Parlamentari, mill-61 ħaddiem li ngħataw xogħol f’Zammit Clapp matul l-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena kien hemm tmienja li f’Marzu ġew sekondati fid-Dar għall-Anzjani fil-Mellieħa. Dawn kienu kollha carers u ngħataw xogħol full time.

 

Intervista
Jonxru l-ħwejjeġ tal-mistħija

Franica Pulis tintervista tnejn mill-Brikkuni



Il Punt
Il-Patt dwar il-Migrazzjoni
Ralph Cassar


Peppi Azzopardi
Is-serq tal-passwords: każ serju jew storja minfuħa?



Emmanuel Micallef
Ħġieġ imtappan


Carmelo Mifsud Bonnici

Il-bniedem, il-politika u oħtna l-mewt



Wensu Mintoff
Mhemmx nejk


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format



Illum Search



 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan