Aħbarijiet | 19 ta’ Ottubru 2008 Nr 103
Il-mewta ta’ Karl Chircop fil-fjur ta’ ħajtu poġġietu f’ħalq in-nies iktar minn meta kien politiku attiv. Iżda għal ħafna individwi, iċ-ċokon ta’ Karl fuq livell nazzjonali ma kienx jirrifletti l-kobor tiegħu fir-relazzjoni ta’ għożża li kellu man-nies tad-distrett. KURT SANSONE jirrapporta
Fil-politika jkun hemm dawk li b’diskorshom jixegħlu
l-udjenza, li jħallu mpatt qawwi, li jibqgħu magħrufin għal kliemhom jew għall-istil tagħhom. Imma l-politika magħmula wkoll minn dawk li ma jispikkawx fuq livell nazzjonali, li huma iktar kwieti, li isimhom ma jitniżżilx fl-Istorja iżda li fuq livell personali u distrettwali jagħmlu xogħol imprezzabbli.
Karl Chircop kien it-tieni tip ta’ politiku. Fuq livell nazzjonali ma kienx xi wieħed li qatt spiċċa f’kontroversja, jew spikka għal xi diskors memorabbli. Kien pjuttost kwiet u riżervat. F’dibattitu kien jispikka għall-moderazzjoni li juri, anki f’mumenti qabel l-2003 meta fil-Partit Laburista kien hemm atmosfera ta’ gwerra kontra l-isħubija fl-UE.
Għal min kien jaf lil Karl fuq livell personali l-istil kwiet tiegħu kien virtù. Seta’ jifhem il-weġgħat tan-nies li kien jiltaqa’ magħhom bħala politiku u tabib.
Il-vot qawwi li kien iġib fuq id-distrett kien xhieda tal-ħidma ma taqta’ xejn tiegħu qalb in-nies. Ħidma ispirata fuq kollox mill-prinċipji tal-ġustizzja soċjali li sawruh sa minn età żgħira.
F’paġna mill-websajt tiegħu fuq l-internet hemm is-CV sħiħa ta’ Karl. F’sentenza minnhom jiddeskrivi meta ġie elett għall-ewwel darba fl-1996. Jiddeskrivi d-distrett bħala ż-żona fejn trabba u għex “mal-pazjenti tiegħi u l-ħbieb.”
Għax għal Karl l-eletturi li tellgħuh għal erba’ darbiet fil-Parlament ma kinux biss numri imma pazjenti u ħbieb. Il-politika kienet mezz li biha seta’ jservi lin-nies.
Din il-ġimgħa ma naqsux fuq l-internet u r-radju tal-Partit Laburista l-messaġġi ta’ kondoljanzi. Spikkaw id-deskrizzjonijiet ta’ Karl bħala raġel, onest, ħabrieki u dedikat.
Imma forsi l-ikbar ġest li jissimbolizza l-prinċipji li kien jemmen fihom Karl tawh il-familjari tiegħu stess meta aċċettaw li l-organi tal-għażiż tagħhom jingħataw lil ħaddieħor fil-bżonn.
Minkejja s-sitwazzjoni diffiċli għarfu l-bżonn li kien iħoss Karl li jingħata għal ħaddieħor. Hekk dejjem għamel f’ħajtu u hekk għamel ukoll f’mewtu.
Iżda minkejja li l-ħidma tiegħu ta’ tabib u politiku kienet tlaqqgħu mal-problemi tan-nies, Karl kien ukoll bniedem bi tbissima għal kulħadd. Kienet tbissima ġenwina mhux bħat-tbissim ta’ ħafna politiċi li jagħmlu hekk għax jaraw vot fil-persuna l-oħra, numru ieħor li jiżdied mal-oħrajn.
Kien persuna li jaf jieħu gost. Il-futbol kien passjoni għalih u t-tim ta’ qalbu kien il-Liverpool. In-namra għat-tim Ingliż tmur lura għal meta kellu seba’ snin. Skont ma qal f’intervista mal-MaltaToday fl-2002 l-aħjar tim tal-Liverpool kien dak tas-sebgħinijiet bi plejers bħal Hughes u Clements.
Imma namra li qajla kien jitkellem pubblikament dwarha kienet dik għall-annimali. Fl-2002 kien stqarr fl-intervista li beda jrabbi pony u mogħża. Ma ddejjaq xejn jippoża għar-ritratti mal-membru l-ġdid tal-familja, il-mogħża.
Karl twieled fis-7 ta’ Awwissu tal-1965 u trabba f’Raħal Ġdid u Santa Luċija. Mar jgħix il-Gudja meta żżewweġ. Ħa l-edukazzjoni tiegħu fil-Kulleġġ De La Salle. Hu stess jammetti li s-sens ta’ dixxiplina ħadu mill-Brothers.
Tilef lil missieru Charles ta’ età żgħira. Charles, bħal Karl, kellu biss 42 sena meta miet b’attakk tal-qalb. Dan in-nuqqas tal-figura paterna jidher li għamel tajjeb għalih it-tabib Ċensu Moran li kien ħabib kbir tal-familja. Karl stess kemm-il darba ddeskriva lil Moran bħala t-tieni missier tiegħu.
Karl iggradwa tabib fl-1988 u beda jinvolvi ruħu fil-Partit Laburista fl-1992 fuq livell lokali f’Santa Luċija.
Erba’ snin wara kkontesta għall-ewwel darba l-elezzjoni ġenerali u ġab 1,286 vot fl-ewwel għadd fuq ir-Raba’ Distrett. Rifes l-għatba tal-Parlament għall-ewwel darba f’dik il-leġislatura u baqa’ jkun elett b’iktar voti f’kull elezzjoni li ġiet wara.
Karl kien miżżewweġ lil Adriana u kellhom erbat tfal: Jan, Francesca, Christian u Keith. |
|
Franica Pulis tintervista tnejn mill-Brikkuni
Editorijal

Il Punt
Ralph Cassar
Peppi Azzopardi

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

Wensu Mintoff
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|