MediaToday

Intervista | 19 ta’ Ottubru 2008 Nr 103

Jonxru l-ħwejjeġ tal-mistħija

Franica Pulis tintervista tnejn mill-Brikkuni

“Inzertajna qed nittawlu fil-lista tan-nuqqasijiet f’ħajjitna. ‘Mużika pop Maltija tajba’ dehret li kienet l-unika għażla li nistgħu naslu għaliha. Is-CD Kutrabanda twieldet minn din il-ħtieġa.”
Probabbilment il-band Brikkuni twieldet minn dan il-ħsieb mhux is-CD biss, u hi magħmula minn ħames ġuvintur. L-imħuħ wara l-grupp huma Mario Vella, eks kantant tal-Lumiere u d-drummer Michael Galea li kien idoqq mal-End of John fost gruppi oħra. Ix-xahar id-dieħel il-grupp se jniedi l-ewwel CD tiegħu wara tliet snin mit-twaqqif tal-band.
Il-kanzunetti tal-Brikkuni kultant jafu jniggżu minħabba li huma kontemporanji u kultant jagħmlu referenzi speċifiċi. Għaliex dawn il-kanzunetti?
“Ma naħsibx li tikteb kanzunetta b’għan primarju jew b’mira partikulari imma hi żvogatura. Mhemm l-ebda intenzjoni li nkunu kelliema ta’ xi ħaġa. Jekk se niktbu xi ħaġa se tkun bla kantunieri u mingħajr awtoċensura. Dak hu l-ethos tagħna,” spjega Vella, li hu l-kantant u l-kittieb tal-lirika.
Żied miegħu Galea, “Aħna as such mhux inniggżu n-nies. It-temi huma kontemporanji. Daqshekk. Inzerta li f’temi partikulari kien hemm bżonn li nkunu iżjed diretti. Il-maġġoranza tal-kanzunetti ma joffendu lil ħadd. Huma iżjed universali milli offensivi.”
“Nisperaw,” qal Mario. Iżid jgħid li l-lyrics mhux se jippubblikawhom fuq is-cd għax ma kienx fadal flus għall-ktejjeb mal-artwork. Imma hemm ċans li jittellgħu fuq il-websajt. Il-kantant mill-Imġarr tenna li raġuni oħra kienet li togħġbu l-idea, li dak li jkun jekk tkun għoġbitu kanzunetta u ma fehemx kliemha, jerġa’ jismagħha.
“Bħala kontenut mużikali u liriku, ippruvajna nsibu bilanċ ideali bejn guffagni u eleganza, xi ħaġa li frankament ma naħsibx li tiġri spiss fil-mużika Pop Maltija.”
Id-drummer jinfaqa’ jidħaq, “Jiġifieri l-eleganza ma tagħmilniex Maltin.”
Vella jitħaddet ukoll dwar l-influwenza fuq il-mużika tagħhom li ġejja l-aktar mill-kantawturi Taljani tas-Sittinijiet.
“Hemm xi ħaġa fil-kontenu u l-ħoss ta’ dawk il-kanzunetti li nħosshom qrib tiegħi. Forsi l-fatt li aħna ġeografikament daqstant viċin jikkontribwixxi għal dan il-fattur.”
X’għandkom kontra Peppi Azzopardi, Lou Bondì, Daphne Caruana Galizia u Eileen Montesin?
Jibda Vella, “Dwar Peppi, idejjaqni l-fatt li hu sar istituzzjoni fi ħdan ix-xandir. L-istess istituzzjoni li tant kien jissatirizza f’żgħożitu.”
Kompla miegħu Michael, b’daħqa nejjieka daqshiex fuq wiċċu, “Bir-rispett kollu lejhom.”
Ikompli Vella, “Lou Bondì hu daqsxejn evidentament partiġġan meta l-pożizzjoni tiegħu titlob veduta inqas żbilanċjata. Nifhem li kulħadd jista’ jkollu simpatiji imma naħseb li f’dan il-każ l-isfaċċataġni tiżboq is-simpatija. Apparti l-fatt li jaħseb li l-mużika waqfet mindu sfaxxaw il-Beatles.”
Jinfaqa’ jogħxa. Iżid dwar Caruana Galizia.
“Fuqha, inqas ma ngħidu iktar aħjar, għax tieħu gost tkun fiċ-ċentru tal-attenzjoni.”
U Montesin?
“Montesin mara sew,” jgħid Galea sarkastikament.
Ikompli Vella, “Hi l-oraklu tal-medjokrità li jippropaga iżjed medjokrikà.”
Galea jistaqsi jekk Montesin iddoqqilhomx is-CD fil-programm tagħha jekk jibgħatuhielha.
Id-diskussjoni taqa’ fuq il-kanzunetta Brussell li skont Vella primarjament hi Jitbiegħdu ta’ Freddie Portelli.
“Iżjed milli hu xi attakk għal min dabbar rasu hi stqarrija ta’ diżappunt għal dawk li qatgħu qalbhom li jibnu xi ħaġa hawnhekk. Nifhimha li hemm ċerti bżonnijiet finanzjarji u l-frustrazzjoni li ġġib magħha nuqqas ta’ opportunitajiet.”
Galea jistqarr li tliet kwarti minn sħabhom telqu li hi ħasra. Il-brain drain mhijiex biss fis-settur tal-mediċina u tal-edukazzjoni imma jinħass anki fl-arti. Minn hemm tqum diskussjoni dwar l-emigrazzjoni tal-Maltin. Kemm hi ġusta jew inġusta u kemm f’ċerti każi għamlet ġid speċjalment fis-settur tal-mediċina u li kieku dawn il-Maltin baqgħu Malta probabbilment ma kien jiġri xejn.
Imma Brussell hi reazzjoni għall-Maltin li jitilqu u jiġu lura jikkritikaw li ħallew warajhom?
Iwieġeb Galea, “Semmili xi ħadd li ma jikkritikax Malta jew pajjiż ieħor li joqgħod fih b’mod ġenerali. Dawk li jsiefru ma jikkritikawx aktar minn dawk li baqgħu jgħixu hawn. Jidhru aktar koroh għax telqu.”
“Għalxejn tibqa’ tibki għal problemi li huma iżjed loġistiċi, iktar minn ħaġ’oħra,” kompla Vella. Fost l-oħrajn semma t-tradutturi.
“Hi ħasra li l-ħila tagħhom mhi sfruttata f’oqsma oħra speċjalment dawk letterarji u teatrali. Naħseb ikunu aktar gratifikanti kieku b’xi mod jittraduċu xi ħaġa ta’ sugu flok dokumenti tal-UE. Imma mhemmx qligħ.
“Wasal iż-żmien li n-nies li jafu l-lingwa jħaddmuha f’taqsimiet letterarji, mużikali u teatrali biex xi darba jkollna aktar punti ta’ referiment kulturali għall-ġenerazzjoni ta’ warajna. Ġwann Mamo, Trevor Żahra u Francis Ebejer mhumiex biżżejjed.”
Jitkellmu dwar il-mużika tagħhom.
“Ma naħsibx li hemm mużika pop bil-flessibiltà tagħna li kapaċi mmissu ma’ iktar minn ġeneru mużikali wieħed mingħajr ma noħorġu ta’ ħmir. M’aħniex staġnati f’wieħed. Nistgħu noffru xi ħaġa differenti mużikalment,” jgħid Vella.
Galea jkompli miegħu, “Bħala niche ta’ stil mużikali f’Malta żgur li għadha vojta.”
Id-diskussjoni ddur fuq jekk hix kwistjoni patrijottika li jkantaw bil-Malti. Iż-żewġ Brikkuni ma tantx jimpressjonaw irwieħhom bil-patrijottiżmu. Mistoqsijin x’jagħmilhom Maltin, wieħed irrisponda l-passaport u l-ieħor il-lokazzjoni ġeografika. Għalkemm skont il-kanzunetta Rendikont hu ‘l-pastizz li jagħmilna Maltin’.
“Ma naħsibx li l-patrijottiżmu jidħol fiha,” jibda Galea.
“Hu iktar sens ta’ min int u minn fejn ġej li jinteressana. Il-patrijottiżmu żejjed hu ħażin,” ikompli miegħu l-ieħor.
Galea jispjega ruħu. “Kull poplu kellu l-mużika tiegħu. Hu r-riżultat naturali ta’ kwalunkwe kultura minn dejjem u kullimkien u nispera li tibqa’ għal dejjem. Issa f’Malta għal xi raġuni kellna blockage. Il-bands Maltin jippruvaw jimitaw stil mużikali Ingliż jew Amerikan. Imma allura anki l-lingwa?
“Jekk kull min jipprova jagħmel xi ħaġa artistika f’Malta qed iħoss bżonn naturali li jikteb bl-Ingliż u awtomatikament jimita stil Ingliż jew Amerikan, mela kien hemm mument fejn li l-identità Maltija ġiet hijacked.
“L-identità m’għandiex bżonn il-mużika. Imma suppost hi r-riżultat tagħha. Hemm xi ħaġa ħażina fl-identità Maltija li hi r-riżultat tal-postkolonjaliżmu. Hawn kriżi ta’ identità qawwija. Min ma jarahiex hu għami.”
Kulħadd artist f’Malta?
“Ma nafx xi tkun artist u lanqas irrid inkun naf,” jgħid Vella.
“Diffiċli, imma naħseb hawn wisq li jaħsbu li huma,” iżid Galea.
Nitħaddtu dwar l-immigrazzjoni, tema ispirata minn L-Assedju ż-Żgħir, waħda mill-kanzunetti tagħhom. Din il-kanzunetta tirrakkonta l-istorja ta’ Musadebi Dauda mill-Kosta tal-Avorju li “ġie biex jisirqilna xogħolna u jiklilna xi tarbija”.
Dauda jgħaddi minn ħafna keded ta’ diskriminazzjoni u inġustizzja. Iżda fl-aħħar sħabu tax-xogħol “laqgħuh għax miksi bl-għabra tal-franka sar abjad.”
“Naħseb l-immigrazzjoni mhix problema ta’ kulur jew razza imma ta’ loġistika. L-affarijiet l-oħra li jsemmu n-nies bħal razza, kulur, kultura, eċċ, ma nħossx li jidħlu fiha wisq. Imma ma naqbilx ma’ min jgħid li l-immigrazzjoni mhix problema,” isostni Vella.
Galea iżid jgħid: “Aħna qisu tajna our take. Kull m’għamilna hu li rrakkuntajna l-istorja ta’ wieħed minnhom. Indubjament hawn ħafna injoranza fid-dinja kollha dwar dan il-fenomenu li hu r-riżultat tad-dinja li ħloqna: sistema ekonomika, politika u soċjali tad-dinja.”
Taħseb li l-Maltin għandhom bżonn l-immigranti biex iħossuhom patrijotti, meta normalment jagħtu bis-sieq lil-lingwa, lill-wirt storiku u lill-kultura?
Jibda Galea. “Dak għalija argument faxxist. Ma ngħidx hekk jien.”
Min-naħa tiegħu Vella jħoss li t-theddida hi aktar finanzjarja milli kulturali.
“Ma nemminx li l-Maltin huma razzisti iżjed mill-Isqallin jew it-Taljani tan-naħa t’isfel. Il-Maltin għandhom aktar bżonn lill-partiti politiċi biex iħossuhom Maltin milli l-immigrazzjoni għax iħobbu jxejru l-bnadar. Hawn min hu Nazzjonalist jew Laburist qabel ma hu Malti. Għalkemm issa naqset ftit.”
Il-bqija tal-band magħmula minn Danjeli fuq il-keyboards, il-kitarrist Matthew Cuschieri, Daniel Cassar il-Flambu fuq il-baxx. F’uħud mid-diski jdoqqu wkoll Roberta Attard fuq il-vjolin u l-vjolinċell, Ruth Abela fuq il-klarinett u l-kitarrist Steve Delia Id-Delli. Maria Pia Meli tkanta magħhom bħala backing vocalist.
It-tnedija tas-CD Kutrabanda se ssir bi spettaklu live nhar il-Ħadd 16 ta’ Novembru. Il-bibien tal-Liquid Club f’San Ġwann jinfetħu fis-6pm. Il-biljetti jiswew €7 jew €11 li jinkludi s-CD. Għal aktar tagħrif żur
http://www.myspace.com/brikkuni.

 

Intervista
Jonxru l-ħwejjeġ tal-mistħija

Franica Pulis tintervista tnejn mill-Brikkuni



Il Punt
Il-Patt dwar il-Migrazzjoni
Ralph Cassar


Peppi Azzopardi
Is-serq tal-passwords: każ serju jew storja minfuħa?



Emmanuel Micallef
Ħġieġ imtappan


Carmelo Mifsud Bonnici

Il-bniedem, il-politika u oħtna l-mewt



Wensu Mintoff
Mhemmx nejk


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format



Illum Search



 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan