Aħbarijiet | 12 ta’ Ottubru 2008 Nr 102
Fix-xhur sajfin l-irħula Maltin ikunu mixegħla waħda ta’ lwien differenti. Dawk l-ilwien għandhom ukoll l-iswed tagħhom. Julia Farrugia tagħti ħarsa lejn ir-rapport tal-Kummissjoni Ambjent tal-Knisja li jiffoka fuq l-impatt ambjentali tal-festi
Lil hinn mill-ilwien tal-murtali tal-kulur, il-mixegħla tal-knejjes, il-purċissjonijiet u l-imwejjed tal-qubbajd hemm elementi oħra minsuġa fil-festi li b’xi mod qed iħallu l-marki tagħhom fuq l-ambjent u fuq iċ-ċittadin Malti.
Il-Gzejjer Maltin huma mdewda bil-festi. Fix-xhur sajfin kważi f’kull tmiem il-ġimgħa ssib xi festa jew oħra f’irħula differenti Maltin. Qajla sar studju li jgħarbel sew il-ħsus li jġibu magħhom il-festi f’pajjiżna. Il-Kummissjoni Ambjent fi ħdan l-Arċidjoċesi ta’ Malta tefgħet subgħajha direttament fuq il-ferita u hekk kif żarma l-istaġun tal-festi ppubblikat it-tieni dokument tagħha dwar l-impatti ambjentali tal-festi.
Il-pubblikazzjoni tagħti sens ta’ tama għal dawk l-eluf ta’ Maltin li għal snin sħaħ sofrew kawża ta’ ksur ta’ regolamenti fil-ħruq ta’ nar jew daqq esaġerat ta’ mużika waqt il-jiem tal-festa. Dan għaliex teknikament hemm sena ċans biex dawk responsabbli, fosthom il-Gvern u l-kappillani li wħud minnhom huma responsabbli mill-festi ta’ barra, jieħdu azzjoni biex l-abbuż ma jibqax għaddej.
Fl-istudju li sar mill-Kummissjoni Ambjent bejn l-2005 u l-2007 kienu nvestigati b’kollox 14-il festa differenti. Minn stħarriġ li għamlet Illum jirriżulta li l-14-il festa taħt il-lenti tal-Kummissjoni Ambjent kienu f’dawn l-irħula: il-Birgu, Dingli, Għargħur, Isla, Kirkop, Lija, Mġarr, Mosta, Mqabba, Qormi San Bastjan, Qrendi, Tarxien, Żurrieq tal-Karmnu, Żurrieq Santa Katerina. Fl-irħula fejn ma tissemmhiex il-festa b’isimha, il-festa nvestigata kienet dik maġġura u mhux il-festa sekondarja.
F’dan l-aħħar seklu f’pajjiżna 150 ruħ tilfu ħajjithom minħabba l-logħob tan-nar.
Ir-rapport jiġbed l-attenzjoni li “jidher ċar li Malta għandha l-akbar rata ta’ mwiet meta mqabbla ma’ pajjiżi oħra, anke maċ-Ċina. Wieħed mill-akbar kaġun ta’ inċidenti fil-kmamar tan-nar huwa l-użu ta’ potassium chlorate.”
Din hi taħlita ta’ aluminju (bħal fuel) u potassium chlorate. Dan it-trab hu sensittiv ħafna u faċli jisplodi. Fil-konklużjonijiet tagħha l-Kummissjoni Ambjent tappella lill-Gvern biex ibiddel il-liġi b’tali mod li l-użu ta’ dan il-materjal jibda jinqata’ u jkun hemm perjodu fiss sakemm l-aħħar jista’ jintuża.
“L-awtoritajiet ċivili għandhom juru rieda ferm aktar soda sabiex jirranġaw ir-regolamenti li jikkontrollaw il-produzzjoni u l-ħruq tal-logħob tan-nar. Inħossu li s’issa din ir-rieda għadha ma dehritx biżżejjed,” issostni l-Kummissjoni.
Ir-rapport iqanqal numru ta’ argumenti u jistabbilixxi fost l-oħrajn li “il-livell aċċettabbli ta’ ħsejjes mill-murtali, jidher ċar li nqabeż f’diversi okkażjonijiet.”
Suppost il-livell medjan tal-ħsejjes ivarja minn 100 sa 110dBA. Iżda r-rapport jiżvela li “f’ċerti każi dawn il-livelli jaqbżu l-115dBA u saħansitra anke l-120dBA.
Il-Kummissjoni tikkonkludi li “filwaqt li r-regolamenti jikkontrollaw id-daqs fiżiku tal-murtali u l-bombi, hemm bżonn li jsir ukoll kontroll kemm tan-numru kif ukoll tal-livell ta’ ħsejjes permessi minn dan il-logħob tan-nar.” Dan kien konfermat ukoll fl-istudju li l-Kummissjoni għamlet fl-2006.
Ir-rapport isemmi wkoll li kien hemm tliet festi li kisru l-Liġi u baqgħu jaħarqu n-nar wara l-ħin. Investigazzjoni li għamlet il-gazzetta Illum aktar kmieni din is-sena sabet li l-Pulizija qatt ma ressqet persuni l-Qorti fuq dan il-ksur tal-liġi. Dan għaliex skont il-Korp tal-Pulizija ħadd m’għamlilha rapport dwar dan!
Intervistat minn din il-gazzetta l-Professur Victor Axiaq, Chairman tal-Kummisjoni Ambjent, ma riedx jiżvela liema kienu l-festi li kisru l-Liġi.
Axiaq ikkonferma li “fejn għandu x’jaqsam is-sehem tal-kappillani fil-festi, il-Kummissjoni Ambjent qed tappella lil dawk il-kappillani li għandhom kontroll fuq dak li jsir fil-festi ... speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam mal-logħob tan-nar, sabiex ikunu minn ta’ quddiem nett li jnaqqsu l-eċċessi u kull esaġerazzjonijiet, ħalli l-festa tkun denja għall-padrun/a tal-parroċċa.
“Fuq din il-ħaġa l-Kummissjoni taħdem fil-qrib ħafna mal-Kulleġġ tal-Kappillani. Fl-istess waqt il-KA taf li mhux il-kappillani kollha għandhom kontroll fuq x’jiġri fil-festi ta’ barra.”
Ir-rapport tal-Kummissjoni Ambjent jiffoka wkoll fuq il-konsum tal-elettriku mill-mixegħla tal-knejjes.
“Fejn għandu x’jaqsam l-użu tar-riżorsi, il-Kummissjoni Ambjent qed taħdem fuq linji gwida sempliċi u prattiċi li se tippubblika u tqassam lill-kappillani u lil kull min jamministra xi knisja jew kappella f’Malta sabiex ikun jista’ juża r-riżorsi bħal elettriku u ilma b’mod aktar għaqli,” sostna l-Professur Axiak.
Id-dokument kollu dwar l-impatti tal-festi Maltin jista’ jitniżżel minn fuq il-website: http://www.maltadiocese.org
“Il-ħsejjes tal-murtali huma magħrufa bħal impulse noise għax iseħħu f’perjodu qasir ħafna ta’ ħin, anqas minn nofs sekonda. Din l-għamla ta’ ħoss, minbarra li tikkawża nkonvenjent, xorta waħda tista’ tagħmel ħsara lill-widnejn.
Impulse noise ta’ 120dBA (bħal fil-każ tal-bombi tan-nar tal-festa) jistgħu jikkawżaw ħsara f’widnejn it-tfal żgħar. Diversi esperti jsostnu li l-livell massimu ta’ ħoss permess għandu jkun bejn 97 u 115 dBA. Fil-liġijiet Maltin ma nsibu l-ebda kontroll fuq il-livell massimu ta’ ħsejjes li hu peremess fil-festi Maltin.
“Ir-riżultati tal-istudji li saru fl-2005 u l-2007 nvestigaw 14-il festa differenti.
Fuq perjodu ta’ sentejn ittieħdu ’l fuq minn 10,000 kejl ta’ ħsejjes tal-logħob tan-nar u tal-ajru.
“Jekk nieħdu l-110 dBA bħala l-livell aċċettabbli ta’ ħsejjes, allura jidher ċar li dan il-livell jinqabeż f’diversi okkażjonijiet. F’ċerti każi dawn il-livelli jaqbżu l-115 dBA u saħanistra anke l-120dBA.”
Waqt l-investigazzjonijiet il-perjodu tal-ħruq tal-kaxxa infernali jvarja sew minn festa għall-oħra, minn żewġ minuti għal 30 minuta.
“Ir-regolamenti dwar il-ħinijiet li fihom jista’ jinħaraq in-nar tal-ajru kienu mħarsa sew kważi fil-każijiet kollha, minbarra għal tliet każijiet fejn ix-xogħol kompla jinħaraq minn 10 sa 30 minuta wara l-ħin permess mil-Liġi.”
Fil-każ tan-nar tal-art jew ġigġifogu l-livelli f’dan il-każ tkejlu minn anqas minn 25 metru ’l bogħod minn fejn isir il-ħruq. Ir-rapport jikkonkludi li: “aktar minn nofs il-każi investigati qabżu l-100 dBA u sa 16 fil-mija qabżu l-limitu ta’ 110 dBA. Jidher ċar li l-ġigġifogu jista’ wkoll jikkaġuna ħsejjes qawwija speċjalment fil-każi meta tintuża r-rota ta’ Santa Katerina.”
Ir-rapport iwissi li “minbarra l-fatt tal-periklu ta’ dan il-logħob tan-nar minħabba li jinħaraq viċin sew ta’ l-ispettaturi, dawn ir-riżultati juru li l-istess spettaturi huma wkoll esposti għal livelli ta’ ħsejjes kultant eċċessivi.
“Ċertament li tfal żgħar ħafna, nisa tqal u ċerti nies f’kundizzjoni ta’ saħħa batuta għandhom joqogħdu attenti li ma jesponux rwieħhom għal dawn ir-riskji.”
Ir-rapport jiġbed l-attenzjoni li mhumiex biss l-ispettaturi li jmorru l-festi li qed ikunu milquta mill-impatti imma wkoll nisa tqal, morda, trabi, anzjani u oħrajn li joqogħdu fil-qrib tal-festi u li jibqgħu d-dar. “Hemm ċerti lokalitajiet li huma mdawrin bl-irħula u bliet u għalhekk ikollhom jissaportu numru ma’ jaqta’ xejn ta’ festi u bombi matul is-sajf kollu.”
Il-Kummissjoni twissi dwar il-ħtieġa li jkunu protetti l-annimali kemm dawk domestiċi u oħrajn li mhumiex li “kultant ikunu esposti għal riskji minn dawn il-ħsejjes qawwija.”
Dwar id-daqq tal-qniepen ir-rapport iwissi dwar il-ħtieġa ta’ protezzjoni adegwata. “Dawk li jitilgħu fil-kampnari, kultant tfal, biex idoqqu l-qniepen mingħajr protezzjoni adekwata għal widnejhom jistgħu jesponu ruħhom għal ħsarat permanenti f’widnejhom.”
Il-Kummissjoni investigat ir-rata ta’ konsum tal-elettriku ta’ tliet festi partikolari. Irriżulta li kien hemm medja ta’ konsum ta’ 4,400KWh kull festa.
“Jekk iżżid il-konsum tal-elettriku mill-kjosks, wieħed jista’ jasal għal stima globali ta’ madwar 390,000 kWh sa 400,000 kWh fis-sena għall-festi kollha li jsiru f’Malta.
“Minn dawn il-figuri ta’ konsum tal-elettriku nistgħu nikkalkulaw li l-ammont ta’ carbon dioxide mitfugħ fl-arja f’sena bħala riżultatat tal-produzzjoni ta’ din il-kwantità ta’ elettriku jammonta għal madwar 350 tunnellata.”
Dan l-ammont ma jinkludix l-enerġija meħtiega biex nipproduċu l-ilma għall-festi u ħwejjeġ oħra.
Skont studju tal-MEPA jirriżulta li kull bniedem f’Malta jipproduċi madwar 7.58 tunnellata ta’ dijossidu tal-karbonju fis-sena.
“Dan ifisser li l-festi tagħna jiġġeneraw dijossidu tal-karbonju daqskemm jiġġeneraw kważi 60 Malti f’sena.
“Minkejja li l-impatt mhux wieħed kbir xorta waħda mhux qed jgħin fl-użu sostenibbli tar-riżorsi u fit-titjib tal-kwalità tal-ħajja… bil-ħela xejn ma jimtela. Il-Kummissjoni tinkoraġġixxi lil kull min hu konċernat biex juża r-rażan u l-moderazzjoni u jevita l-ħela bla bżonn.”
- Ir-regolamenti diġà eżistenti u dawk li jistgħu jkunu ppubblikati għandhom ikunu infurzati fit-totalità tagħhom. Kull min għandu liċenzja li jaħdem in-nar għandu jġorr ir-responsabbiltà ta’ xogħlu.
- Il-fire brigade għandha tibqa’ fuq il-post fejn ikun sar il-ħruq tan-nar għall-inqas sa tliet sigħat wara l-aħħar sparatura.
- L-għaqdiet tal-kmamar tan-nar għandhom ikollhom polza ta’ assigurazzjoni li tipproteġi lil terzi persuni.
- Il-kors għall-ħruġ tal-liċenzja għandu jitwal, jiftaħ għal min ikollu ċerti kwalifiċi bażiċi ta’ edukazzjoni u li l-eżami jsir bil-miktub u mhux orali biss.
- Minħabba li l-użu tal-klorat tal-potassa jġib miegħu aktar riskji, il-kwota allokat għal kull kamra tan-nar għandha titnaqqas bin-nofs bħala l-ewwel pass. Sadanittant, l-awtoritajiet għandhom iħejju pjan ta’ azzjoni matul perjodu ta’ żmien speċifikat li jwassal għal projbizzjoni kompleta ta’ din il-kimika u s-sostituzzjoni tagħha jkun il-potassium perchlorate li jifforma taħlit pirotekniku li hu anqas perikoluż.
|
|
Kurt Sansone jintervista lis-Segretarju Ġenerali tal-UĦM Gejtu Vella
Editorijal

Il Punt
Kirill Micallef Stafrace
Toni Abela

Emmanuel Micallef
Carmelo Mifsud Bonnici

Wensu Mintoff
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|