Aħbarijiet | 12 ta’ Ottubru 2008 Nr 102
Charlot Zahra
czahra@mediatoday.com.mt
Il-Gvern Malti għadda l-pjan rivedut dwar il-privatizzazzjoni tat-Tarzna lill-Kummissjoni Ewropeja (KE) fil-jiem li għaddew skont tagħrif li għandha din il-gazzetta.
Kelliem għall-Kummissjoni qal lil Illum: “Irċevejna l-proposta riveduta fis-6 ta’ Ottubru.”
Il-KE kienet irrifjutat il-proposta originali tal-Gvern minħabba li kien fiha element ta’ għajnuna mill-Istat li ma kienx aċċettabli għall-UE.
Mistoqsi għar-reazzjoni tal-KE dwar il-pjan rivedut, il-kellem kien kawt fit-tweġiba tiegħu.
“Il-Kummissjoni tinsab f’kuntatt mal-awtoritajiet Maltin rigward it-termini u l-kundizzjonijiet tal-bejgħ imma ma nistgħux nagħtu aktar kummenti f’dan l-istadju,” sostna l-kellem.
Wara l-ftehim bejn il-Gvern u l-General Workers’ Union (GWU) fil-5 ta’ Settembru dwar il-privatizzazzjoni tat-Tarzna u t-titjib tal-erba’ skemi ta’ irtirar, kulħadd kien qed jittama li l-front magħqud bejn il-Gvern, l-Oppożizzjoni u l-imsieħba soċjali kien se jgħin biex il-KE taċċetta l-pjan oriġinali tal-Gvern.
Iżda bilkemm laħqet għaddiet ġimgħa mill-iffrimar tal-ftehim meta fil-11 ta’ Settembru, il-Kummissarju għall-Kompetizzjoni Neelie Kroes għamlitha ċara li l-pjan tal-Gvern li jaħfer €100 miljun fi djun akkumulati mill-azjenda mill-aħħar pjan ta’ ristrutturar qabel ma jbigħ il-Malta Shipyards Limited kienet tmur kontra r-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni.
“Fil-prinċipju dan mhux aċċettabbli,” Kroes kienet qalet. “Ir-regoli tal-UE jipprojbixxu għajnuna mill-Istat u l-każ tal-Malta Shipyards ma jidħolx f’xi waħda mill-eċċezzjonijiet kontemplati f’dan il-każ,” sostniet Kroes.
Kroes kienet f’Malta għal żjara ta’ ġurnata biex tiddiskuti l-privatizzazzjoni tat-Tarzna mal-Gvern.
Min-naħa tiegħu, Tonio Fenech, il-Ministru għall-Finanzi kien esprima kunfidenza li “l-Kummissjoni Ewropea maż-żmien għad taċċetta dak li l-Gvern kellu f’moħħu fejn jidħol il-proċess tal-privatizzazzjoni tat-Tarzna.”
Iżda r-ragħad minn Brussell baqa’ ġej meta ġimgħa wara, fit-18 ta’ Settembru, sar magħruf li l-KE kienet qed tagħfas lill-Gvern Malti biex jiddikjara lill-Malta Shipyards bħala falluta u jxolji l-kumpanija qabel ma jkompli bil-privatizzazzjoni tal-assi kollha tagħha jew parti minnhom.
“Taħt ċirkostanzi kummerċjali normali, kumpanija li m’għadhiex aktar vijabbli u qed tirreġistra telf, bħall-Malta Shipyards, tiġi ddikjarata falluta u titqiegħed għal-likwidazzjoni.
“Għalkemm naraw dan bħala l-aktar pass loġiku ’l quddiem, m’aħniex se nimponuh fuq il-Gvern sakemm il-proċess ta’ privatizzazzjoni ma jinvolvix aktar għajnuna mill-Istat,” sorsi qrib il-Kummissjoni Ewropeja kienu qalu.
Din l-informazzjoni wasslet lill-ħaddiema tal-Malta Shipyards biex japplikaw bil-massa għal xi waħda mill-erba’ skemi ta’ irtirar kmieni offruti mill-Gvern.
Meta fit-30 ta’ Settembru għalaq iż-żmien sabiex il-ħaddiema tat-Tarzna japplikaw għall-iskemi kien hemm total ta’ 1,485 minn 1,626 ħaddiem b’kuntratt indefinit tax-xogħol li applikaw.
Il-mira oriġinali tal-Gvern kienet ta’ 1,000 ħaddiem li jirtiraw, iżda l-kliem tal-Kummissarju Kroes dwar il-Malta Shipyards ħallew impatt sew fuq il-ħaddiema li kien għad fadal.
Il-Ministru Fenech qal li dan il-fattur għandu jgħin fin-negozjati li għaddejjin bħalissa bejn il-KE u l-Gvern dwar il-privatizzazzjoni tal-Malta Shipyards, iżda s-sorpriżi min-naħa ta’ “Steely Nellie”, il-laqam li bih hija magħrufa l-Kummissarju Ewropew, jistgħu jerggħu ifiġġu f’dan l-istadju delikat għall-aħħar.
B’hekk issa fadal biss 141 ħaddiem fuq il-kotba tal-Malta Shipyards, li fosthom 91 għandhom aktar minn 56 sena u għaldaqstant se jkunu intitolati għas-somma sħiha jekk japplikaw matul dan ix-xahar.
Il-50 ħaddiem li fadal li huma taħt is-56 sena jkunu initiolati biss għal 85 fil-mija tal-pakkett finanzjarju marbut mal-iskemi tal-irtirar kmieni.
Il-Gvern żamm fommu sieket ukoll dwar l-għadd u l-ismijiet tal-azjendi li wrew interess fil-privatizzazzjoni tat-Tarzna jew partijiet minnha. Meta għalaq iż-żmien għas-sottomossjonijiet fil-15 ta’ Settembru, kelliem għall-Ministru tal-Finanzi kien qal li l-għada kienu se jingħataw aktar dettalji dwar l-espressjonijiet għall-interess.
Iżda l-għada kulma ħarġet kienet stqarrija b’kummenti ġenerali min-naħa tal-Ministru Fenech jesprimi ottimiżmu dwar l-espressjonijiet tal-interess li saru. “Kien hemm espressjonijiet ta’ interess minn kull qasam tal-Malta Shipyards, sew għall-facilità sħiħa kif ukoll għall-taqsimiet indivdwali,” Fenech qal.
Skont Fenech, dan kien “proċess delikat” u li “m’huwa fl-interess ta’ ħadd li jingħataw dettalji u numri.”
Kien fl-istqarrija tiegħu fil-Parlament dwar il-privatizazzjoni tat-Tarzna fit-2 ta’ Lulju li l-Prim Ministru Lawrence Gonzi ħabbar għall-ewwel darba l-intenzjoni tal-Gvern li jassorbi €100 miljun tat-telf li għamlet il-Malta Shipyards sal-2003.
Hu rrikonoxxa li dan kien se jkun aktar diffiċli wara li l-Kummissjoni kienet diġà aċċettat li Malta tingħata id-deroga oriġinali meta sar il-pjan oriġinali tar-ristruttur tat-Tarzna fl-2003.
“Il-Gvern se jkun qed jagħmel każ mal-KE biex din taċċetta l-pjan tal-Gvern li x’aktarx se jkollu jinkludi l-ħlas li hemm bżonn biex id-dejn tat-Tarzna akkumulat mill-2003 ta’ €100 miljun oħra jitħallas mill-Gvern,” Gonzi kien stqarr.
Il-proposta tal-Gvern li t-Tarzna tnaqqas il-ħaddiema tagħha minn 1,700 għal 700 ruħ kienet waħda mill-punti l-aktar kontroversjali fil-pjan tal-Gvern biex jipprivatizza, bil-GWU tieħu l-ħaddiema tat-Tarzna fit-toroq biex tipprotesta kontra n-nuqqas ta’ konsultazzjoni effettiva min-naħa tal-Gvern.
Fl-24 ta’ Awwissu, il-gazzetta Illum kienet żvelat li l-awtoritajiet Maltin għarrfu lill-KE bl-intenzjoni tagħhom li jkopru t-telf finanzjarju tal-Malta Shipyards b’fondi pubbliċi u li jipprivatizza t-Tarzna waqt laqgħa li saret f’nofs Lulju, xahar sħiħ wara l-konferenza tal-aħbarijiet li kien ta l-Prim Ministru fejn kien ħabbar il-privatizzazzjoni tat-Tarzna għall-ewwel darba.
|
|
Kurt Sansone jintervista lis-Segretarju Ġenerali tal-UĦM Gejtu Vella
Editorijal

Il Punt
Kirill Micallef Stafrace
Toni Abela

Emmanuel Micallef
Carmelo Mifsud Bonnici

Wensu Mintoff
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|