Aħbarijiet | 12 ta’ Ottubru 2008 Nr 102
Illum taqbad l-istess ammont f’20 minuta
Julia Farrugia
jfarrugia@mediatoday.com.mt
Figuri li għandha f’idejha din il-gazzetta jikkonfermaw li din is-sena l-Pulizija mmultat biss tliet trakkijiet li ma kienux mgħottija.
F’investigazzjoni li għamlet din il-gazzetta rnexxielha taqbad l-istess ammont ta’ trakkijiet jiksru l-Liġi, f’20 minuta.
Il-Liġi, skont avviż legali li ħareġ fl-2003, tistipula li “vettura tal-merkanzija wżata fit-triq għandu jkollha t-tagħbija maqfula tajjeb jew mgħottija kif imiss biex jiġi pprevenut li xi parti minnha taqa’ fit-triq jew mod ieħor li tipperikola s-sigurtà tat-traffiku jew tal-persuni.”
Minkejja li l-Liġi hi ċara ta’ kuljum għexieren ta’ trakkijiet mimlija ġebel u terrapien jgħaddu mit-toroq Maltin mingħajr l-għata meħtieġa jew b’inċirata li jkollha iktar toqob milli drapp.
Trabijiet u saħansitra żrar u bċejjeċ oħra ta’ ġebel ta’ sikwit jispiċċaw mhux biss iħammġu t-toroq Maltin imma jaqgħu fuq il-bonnet tal-karozzi li jkunu għaddejin wara t-trakk.
Minbarra l-ħsara li jistgħu jsoffru s-sidien tal-karozzi, hemm periklu kbir fuq ħajjet is-sewwieqa, passiġġieri u nies li jkunu mexjin fit-triq.
Din il-gazzetta fuq medda ta’ jiem investigat ix-xejriet fin-naħa t’isfel ta’ Malta.
Bħala medja, f’20 minuta fit-triq li tagħti mill-Imqabba għall-mina ta’ ħdejn l-ajruport għaddew tliet trakkijiet mhux mgħottija.
Dan hu l-istess ammont li l-pulizija rnexxielha timmulta f’seba’ xhur sħaħ.
Il-Korp tal-Pulizija ammetta ma’ Illum li bejn Jannar u Lulju mmultat biss tliet persuni fuq dan ir-reat.
Fl-eqqel tal-kampanja elettorali bejn Jannar u Marzu ta’ din is-sena ma nħarġu l-ebda multi. Din is-sena jirriżulta li l-uniċi ċitazzjonijiet li ngħataw ħarġu kif ġej: tnejn f’April u oħra f’Lulju.
Kollox jindika li kull sena n-numru ta’ trakkijiet li l-Pulizija qed timmulta dejjem qed jonqos.
Filwaqt li fl-2006 il-Pulizija ħarġu 36 ċitazzjoni għal trakkijiet mhux mgħottija, fis-sena ta’ wara kienu mmultati biss in-nofs, 18.
Jekk wieħed jifli ċ-ċitazzjonijiet maħruġa bejn l-2006 u l-2008 isib li f’29 fil-mija tax-xhur ma ngħataw l-ebda ċitazzjoni.
L-investigazzjoni ta’ Illum sabet li minn żewġ barrieri fin-naħa t’isfel ta’ Malta, b’mod regolari ħarġu trakkijiet bit-tagħbija tal-ġebel mikxufa.
Trakk minnhom li ma kienx mgħotti saħansitra kellu l-ġenb tal-pjanċa tar-reġistrazzjoni mgħaffeġ b’tali mod li jekk xi ħadd ried jirrappurtah isibha diffiċli li jagħraf it-tielet numru tal-vettura.
Sal-lum huma biss il-Pulizija li jistgħu jagħtu taħrikiet taħt dan l-artiklu tal-Liġi.
Madankollu kelliem għas-Segretarju Parlamentari Chris Said ikkonferma li bħalissa “għaddejjin diskussjonijiet biex din tkun devoluta wkoll lill-gwardjani lokali.”
B’dan il-mod il-gwardjani lokali jkunu jistgħu jagħtu taħrikiet għal trakkijiet bit-tgħabija mikxufa.
Sal-lum il-ksur tal-Liġi jġib miegħu multa ta’ €58.23 u tibqa’ fid-diskrezzjoni tal-Maġistrat jekk jagħtix penali oħra.
|
|
Kurt Sansone jintervista lis-Segretarju Ġenerali tal-UĦM Gejtu Vella
Editorijal

Il Punt
Kirill Micallef Stafrace
Toni Abela

Emmanuel Micallef
Carmelo Mifsud Bonnici

Wensu Mintoff
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|