MediaToday

Aħbarijiet | 12 ta’ Ottubru 2008 Nr 102

Malta tiċħad lill-Amerka ta’ Bush u tagħżel lil Obama

Stħarriġ ta’ Illum juri li l-Maltin jippreferu lil Obama minn McCain fit-tmun tal-Istati Uniti. Fl-istess waqt huma ħafna li jqisu l-Amerka bħala forza għall-ħażen fid-dinja. James Debono jirrapporta

Kważi nofs il-Maltin jaħsbu li l-Amerka ta’ Bush hi forza għall-‘ħażen’ fil-kamp internazzjonali.
Huma biss 13 fil-mija li llum iqisu l-Istati Uniti bħala forza għat-tajjeb. Għalhekk mhix b’sorpriża li l-maġġoranza tal-Maltin jixtiequ lid-Demokratiku Barack Obama u mhux lir-Repubblikan John McCain, li ġej mill-istess partit ta’ Bush, bħala President tal-Istati Uniti.
Kien Bush innifsu li wara t-traġedja tal-11 ta’ Settembru qasam lid-dinja bejn il-forzi għat-tajjeb li jiġġieldu t-terroriżmu u l-forzi għall-ħażen li jgħinu t-terroriżmu.
Il-Maltin mhumiex waħedhom tant li stħarriġ tal-gazzetta Ingliża The Telegraph kien wera li l-maġġoranza tal-Franċiżi, tal-Ġermaniżi u tar-Russi jaħsbu li l-Istati Uniti llum hi forza għall-ħażen.
Ironikament meta mitluba jsemmu liema pajjiż hu l-ikbar riskju għall-paċi tad-dinja f’moħħ il-Maltin l-Istati Uniti hi biss ħarira inqas perikoluża mill-ikbar għadu tagħha l-Iran li kien deskritt minn Bush bħala “fus tal-ħażen.”
L-istħarriġ juri li s-sentiment anti-Amerikan hu mifrux sew f’Malta tant li huma biss 26 fil-mija li jixtiequ relazzjonijiet eqreb bejn Malta u l-Istati Uniti. 45 fil-mija jixtiequ li Malta tkun inqas qrib tal-Istati Uniti.
Dan is-sentiment hu mifrux fost votanti Laburisti u votanti Nazzjonalisti għalkemm il-Laburisti huma daqsxejn iktar anti-Amerikani.
Filwaqt li 46 fil-mija tan-Nazzjonalisti jridu relazzjonijiet iktar bierda mal-Istati Uniti, l-istess fehma għandhom 51 fil-mija tal-Laburisti.
Id-differenza toħroġ iktar ċara fl-għażla tal-ikbar theddida għall-paċi fid-dinja.
Filwaqt li n-Nazzjonalisti jaraw l-Iran bħala l-ikbar theddida għall-paċi, għal-Laburisti l-ikbar theddid ġejja mill-Istati Uniti.
L-istħarriġ juri biċ-ċar ukoll li l-maġġoranza tal-Maltin jaħsbu li l-Istati Uniti mhux qed tirbaħ il-gwerrra kontra t-terroriżmu.

Obama kontra Mc Cain
Għalkemm il-maġġoranza tal-Maltin jippreferu lil Obama, McCain jidher li jgawdi ftit iktar appoġġ milli jgawdi fil-biċċa l-kbira tat-22 pajjiż li fihom kien sar stħarriġ tal-BBC.
Fil-fatt filwaqt li f’pajjiżi oħra McCain hu l-għażla ta’ 12 fil-mija tal-popolazzjoni, huma 16 fil-mija tal-Maltin li jagħżlu lill-politiku konservattiv.
Sinjal ċar li parti mis-soċjetà Maltija hi infettata minn sentimenti razzisti joħroġ mill-fatt li 10 fil-mija jaraw l-elezzjoni ta’ President Amerikan iswed bħala xi ħaġa negattiva.
Fuq in-naħa l-oħra tal-munita, 64 fil-mija jqisu l-fatt li l-Amerka jista’ jkollha l-ewwel president iswed bħala xi ħaġa pożittiva.
Fost l-irġiel taħt l-età ta’ 34 sena huma 25 fil-mija li jaraw l-elezzjoni ta’ President iswed bħala xi ħaġa negattiva.
L-istħarriġ ma juri l-ebda qasma ideoloġika bejn Nazzjonalisti u Laburisti fuq din il-kwistjoni tant li l-votanti taż-żewġ partiti jippreferu lill-Obama b’marġni qawwija.
Madankollu l-istħarriġ juri li l-votanti Nazzjonalisti huma iktar interessati f’dak li qed jiġri fl-Istati Uniti. Filwaqt li kienu biss 50 il-mija tal-Laburisti li esprimew preferenza bejn iż-żewġ kandidati, 67 fil-mija tan-Nazzjonalisti għaddew il-ġudizzju tagħhom.

Metodoloġija
L-istħarriġ ta’ Illum sar bejn id-29 ta’ Settemru u l-1 ta’ Ottubru u kienu kkuntattjati 468 persuna li minnhom aċċettaw li jipparteċipaw 300. L-istħarriġ għandu marġini ta’ żball li tvarja bejn +/- 5.7 fil-mija
.

 

Intervista
Meta ċ-ċifri jsiru iktar importanti min-nies

Kurt Sansone jintervista lis-Segretarju Ġenerali tal-UĦM Gejtu Vella



Il Punt
Tmunier li jnissel tama
Kirill Micallef Stafrace


Toni Abela
Daqshekk housing soċjali?



Emmanuel Micallef
Jekk mhux ħmar, felu!


Carmelo Mifsud Bonnici
L-isfidi l-ġodda



Wensu Mintoff
Mhemmx nejk


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format



Illum Search



 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan