MediaToday

Sports | 12 ta’ Ottubru 2008 Nr 102

Titwieled plejer kbir…ma ssirx

Għal min jiftakru jaf biżżejjed x’kategorija ta’ plejer hu dak li ltqajt miegħu nhar it-Tnejn li għadda wara nofsinhar fil-grawnd tal-5-a-side. Sakemm nistenna lil Alex Azzopardi jiġi nosserva ftit il-faċilitajiet li għandha din in-nursery. M’hemm l-ebda dubju li hija fost l-aktar organizzata u professjonali li hawn f’Malta.
Mhux l-istess jista’ jingħad għat-tim tal-kbar fil-preżent. L-atmosfera li qed tirrenja mhix xi waħda trankwilla u bl-aħħar post tal-klassifika aktar minn ġustifikata s-sitwazzjoni tista’ ssir waħda aktar inkwetanti aktar ma jintlagħbu partiti.
Il-Ħamruniżi joħolmu u għadhom jiftakru ż-żminijiet ta’ meta kienu jiċċelebraw b’mod regolari. Jisperaw li xi darba dak iż-żmien jerġa’ jiġi. Qabel ma beda l-istaġun kien hemm xamma ta’ din l-aspirazzjoni. Il-fatti qed juru li għadhom ferm u ferm ’il bogħod minn dak li ħafna antiċipaw.
Għax biex tasal għas-suċċessi tas-Snin Tmenin irid ikollhom il-maġġoranza tal-plejers tal-istoffa li kien Alex. Hekk ngħidlu kif inpoġġu quddiem xulxin għaż-żiffa friska li bdiet għaddejja fil-mument.
“Jien ukoll ma stennejtx bidu daqshekk ħażin. Is-sena l-oħra spiċċajna mal-ewwel sitta. Kien l-għan tal-klabb u rnexxa. Din is-sena ġabu barranin ġodda li għalija kien hemm question mark fuqhom. Fil-fehma personali tiegħi l-barranin ma kinux tal-kalibru tal-flus li qed jitħallsu. Iżda dak jarawh il-kumitat u l-kowċ. Il-fatti juru li r-riżultati m’humiex jiġu. Naħseb li fl-opinjoni tiegħi m’hemmx għaqda bejn il-kumitat u l-plejers.”
Minkejja dan kollu Alex jistqarr miegħi li l-atmosfera qalb il-Ħamruniżi baqgħet l-istess u fil-faċilitajiet tal-Ħamrun Spartans saru avvanzi kbar.
“L-atmosfera baqgħet dik li jħobbu l-Ħamruniżì. Jien noqgħod H’Attard imma l-mara mill-Ħamrun u dejjem għext man-nies ta’ hawn. Iż-żminijiet inbidlu. Hawnhekk saru proġetti kbar u hawn faċilitajiet tajbin. In-nies nafhom kważi kollha u kulħadd ħabib ma’ kulħadd. Ħafna minnhom jiftakruni plejer tal-Hamrun u dawk żgħar li ma jiftakrunix semgħu bija żgur. Hawn atmosfera familjari.”
Alex Azzopardi twieled fl-24 ta’ Marzu 1961 u joqgħod Ħ’Attard. Miżżewweġ lil Elaine u għandhom żewġt itfal, Zuleika ta’ 12-il sena u Zeron ta’ 4 snin. Lagħab dejjem ma’ Ħamrun Spartans mis-sena 1977 sal-1991 fejn matulhom kellu wkoll perjodu twil mat-tim nazzjonali.
“Fil-ħajja privata jien raġel miżżewweġ b’żewġt itfal. Għalkemm irtirat mill-futbol erġajt issiħibt man-nursery ta’ Ħamrun Spartans. Għandi t-tim ta’ taħt is-17-il sena u tal-futsal. Dejjem bqajt attiv u viċin il-logħba permezz tal-IASC, l-Ħamrun Liberty, l-iSwan League u l-Futsal. Kellna tim jismu ‘El Mundos’ iżda issa peress li ġejt nikkowċja fil-Hamrun ingħaqadt magħhom. Qegħdin fil-raba’ diviżjoni.”
Ikompli miegħi meta ngħidlu li l-Ħamrun Spartans baqgħu parti minn ħajtu.
“Iva, parti minn ħajti għax qattajt il-karriera kollha magħhom. Bdejt fiċ-ċentru sportiv ma’ Fr Hilary imbagħad spiċċajt fit-tim ta’ taħt is-16-il sena. Wara sena lgħabt mal-kbar.
“Dak iż-żmien Ħamrun Spartans kienu tilgħin mit-Tieni Diviżjoni. Kienu tim normali u mhux wieħed li jisfida għall-unuri. F’daqqa waħda ġie Victor Tedesco u bdejna narmaw. Kienu ġew plejers bħal Ronnie Cocks, Tony Damanin, Fitz Gerald u Joe Vella. It-tim ħa żvolta kbira. Wara dawk reġgħu ġew grupp ieħor bħal Ray Xuereb, Gorg Xuereb u Edwin Farrugia. Daħlet is-sistema tal-barranin. Magħhom konna dħalna jiena, Michael Degiorgio, l-aħwa Refalo u Marco Grech. It-tim u s-suċċessi bdew minn hemm. Is-Snin Disgħin kienu ddominati minn Hamrun Spartans.”
Lil Alex nistaqsih x’jara differenti u x’inbidel mill-futbol ta’ dak iż-żmien għal dak tal-lum.
“Illum il-ġurnata l-futbol sar kummerċjali. Illum il-plejers ma tagħtihomx tort li għal kull ħaġa ta’ xejn ibiddlu l-klabb. Qabel riedet tkun xi ħaġa vera rari biex tibdel klabb. Illum sar hawn ħafna kuntratti u l-plejers għamlu avvanz anki finanzjarjament. Iżda bħala livell narah li baqa’ l-istess jew jekk żdied bi ftit. L-ispejjeż kibru. Pagi għolew u jien naħseb li llum il-klabbs m’għadhomx jifilħu jlaħħqu mal-ispejjeż tal-ġurnata. Jien nisma’ ċerti affarijiet u flejjes li nibqa’ skantat.”
Allura taqbel miegħi jekk ngħidlek li int u sħabek ta’ dawk iż-żminijiet kontu plejers żvinturati la ma kellkomx il-flejjes li hawn illum?
“Ma ngħidlekx li żvinturat għax għal dak iż-żmien konna mħallsin tajjeb u konna ntellgħu ħafna bonuses. Għamilna ħabta kien ikollna bonus kull gowl. Darba minnhom lgħabna ma’ Ħaż-Żebbuġ u tawna 10 liri kull gowl. Konna skurjajna xi 10. Għal dak iż-żmien 100 lira kienu flus. Illum saret differenti u nitkellmu bl-eluf. L-istess fil-kwistjoni tagħna. Ta’ qabilna kienu jieħdu inqas minna.”
Huma ħafna dawk li jibqgħu jiftakru lil Alex għall-intelliġenza li kellu bil-ballun u għal mod kif kien jitla’ jattakka mal-faxxa laterali. L-esperti tal-futbol Malti jgħidu li kien il-bniedem li vvinta l-overlaps f’Malta.
“Jien kont nilgħab sistema li nattakka. Bdiet tintlagħab ftit qabli. Jien għalija li tkun tiġri u tkun plejer tajjeb huwa don. Id-don titwieled bih u ħadd ma jagħtihulek. ’Il quddiem f’ħajtek issib min ikompli jiżviluppak. Plejer kbir trid titwieled, ma ssirx. Kont fortunat li kont ma’ tim tajjeb għax forsi kieku jien ma kontx nissemma daqshekk. Imma la tkun mat-tajjeb anki l-ħażin jidher tajjeb, aħseb u ara.”
Nitkellem miegħu fuq il-plejers ta’ dak iż-żmien. Alex jirrakkonta…
“Meta kont żgħir kont nammira lil Ronnie Cocks, Raymond Xuereb u Edwin Farrugia. Mat-tim nazzjonli, kien spiċċa Edwin u dħalt jien minfloku. Aħna spiċcajna li għalkemm konna għadna żgħar spiċċajna l-kbar għax ta’ qabilna rtiraw kollha. Il-barranin kienu dejjem ikbar minna u l-livell tagħhom kien għoli ħafna. Ma niftakarx barrani wieħed ħażin fis-snin tad-deheb tal-Hamrun Spartans.
“Imbagħad daħal Raymond Vella u Michael Degiorgio. It-tim ġie komplut meta daħal il-Mundu. Kien plejer kbir u umli. Għadu sal-lum hekk. Kif ġie mal-Ħamrun ġie mgħajjat fit-tim nazzjonali. Tinduna kemm kien plejer kbir il-Mundu meta konna nilagħbu mal-barranin u tara l-gazzetti tagħhom x’jiktbu fuqu.
“Kellu teknika kbira. Iżda li kien umli kienet xi ħaġa li tagħmlu plejer differenti minn ħaddieħor u l-aqwa plejer li qatt kellna Malta. Għadna niltaqgħu sal-lum. Kultant nagħmlu xi ikla flimkien.
“Biex telaq Ray Vella minn mal-Marsa kienet qamet gwerra. Kulħadd jgħajjar lil Tedesco miġnun u jgħidlu li xtara Mercedes. Imnalla ġara hekk għax forsi kieku Raymond baqa’ fejn kien ma kien jissemma qatt.”
Alex kien parti mil-logħba kontroversjali li ntlagħbet f’Sivilja, fi Spanja, fejn fiha t-tim nazzjonali sofra l-akbar telfa ta’ kull żmien bi skor finali ta’ 12-1.
“Dik il-logħba għadha tissemma sal-lum. Jekk tmur Spanja jsemmuhielek. Kienet saret anki nkjesta li jien kont parti minnha imma ma ħareġ xejn. Kien George Abela President. Spanja kienu tim qawwi u ibqa’ ċert li kieku riedu kienu jiskurjaw aktar gowls. Konna mitlufin u anqas nafu fejn qegħdin. Naħseb kienet l-iktar esperjenza negattiva ta’ ħajti.
“L-Olanda kienu tawna ħamsa xi ftit jiem qabel u mingħalihom għaddew. Imbagħad morna Spanja u qlajna 12. Ma konniex nifilħu għal żewġ partiti bħal dawk waħda wara l-oħra fi ftit jiem barra minn darna. Għalija kienet farsa.”
Alex ma jonqosx li jsemmi l-partiti li fihom għamlu wirjiet kbar.
“Konna ksibna żewġ draws kontra l-Portugall ta’ 2-2 u r-Repubblika Ċeka ta’ 0-0. Iżda kien hemm tal-Olanda li tlifna 1-0 b’penalty dubjuż ferm għax jien kont viċin l-azzjoni. Kull tim seta’ jitlef faċilment kontra t-tim ta’ Gullit, Van Basten u Riijkard. Kienet partita kbira.
“Fil-futbol tagħmilha ma’ ħafna nies u tagħmel ħafna ħbieb. Issiefer għal dik ix-xi ħaġa li tkun tħobb. L-iktar importanti kienet li tipprattika l-isport. Sal-lum għadni niltaqa’ ma’ nies li ma nafhomx u jkellmuni fuq dawk iż-żminijiet.”
Kienu ħafna dawk l-attakkanti avversarji li kienu jiddarrsu meta jsiru jaf li se jkun Alex Azzopardi li jimmarkahom matul il-partita. Iżda kien hemm xi ħadd li Alex kien jiddejjaq minnu?
“Malta l-iktar plejer intelliġenti bil-ballun kien Jesmond Zerafa. Kellu ħafna teknika u lgħabt kemm-il darba kontrieh. Naħseb li hu kien l-aktar wieħed li kien idejjaqni l-bqija kont narahom kollha f’livell wieħed.
“Fuq livell internazzjonali ma tantx tilgħab kontra l-istess plejers għax meta u jekk terġa’ tiltaqa’ kontra l-istess plejer ikun għadda ż-żmien. Iżda ma nistax ninsa dak il-left wing li kellhom Spanja fit-telfa ta’ 12-1. Kien ġenninni bil-ħeffa u t-teknika li kellu.”
Qabel ma ntemmu din l-intervista jkellimni fuq il-futur tiegħu.
“Il-futur qiegħed hawnehkk. Bħalissa rrid nagħmel suċċess bit-tim ta’ taħt is-17-il sena ta’ Ħamrun Spartans imma nixtieq li ’l quddiem nikkowċja tim tal-kbar fl-Ewwel Diviżjoni jew il-kampjonat Premier. Għandi diġà l-B license u nista’ nikkowċja sal-Ewwel Diviżjoni u Assistent fil-kampjonat Premier. Naħseb dik hija l-ħolma tal-futur.
“Erba’ snin ilu kont kowċ tal-Mosta ta’ taħt it-13-il sena u qam intopp. Anqas naf x’kienet ir-raguni li spiċċajt għax kont diġà ftehmt kollox mal-head kowċ, John Holland. Illum qiegħed għal qalbi ħafna. S’issa għandna erba’ rebħiet minn erba’ logħbiet u jekk nibqgħu sejrin hekk se nitilgħu Sezzjoni A żgur. Kuntent ħafna u għandi grupp tajjeb ħafna wkoll.”
Nistaqsih jemminx li xi darba jerġgħu jiġu ż-żminijiet tal-Ħamrun Spartans tas-Snin 80 u 90?
“Mhux se ngħidlek li ma jistax jerġa’ jiġi żmien hekk imma diffiċli. Illum jekk ma jkollokx sponsor qawwi jew jinqala’ xi bniedem bħal Victor Sciriha l-ispejjeż huma kbar ħafna. Issa jien qiegħed nitkellem fuq il-Ħamrun li hu tim b’faċilitajiet kbar aħseb u ara ħaddieħor li għadu ma wasalx s’hawn. Iżda inutli li jkollok kollox kif suppost imbagħad tim ma jkollokx.”
Alex jagħmel ir-ringrazzjamenti tiegħu.
“Lill-kowċis li dejjem kelli u lill-familja tiegħi kollha. Meta bdejt il-futbol kont taħt Fr Hilary u Ronnie Attard. Għadni sal-lum napprezza dak iż-żmien. Dak iż-żmien ma kienx hawn nurseries iżda minn hemm ħarġu ħafna plejers kbar.”

Intervista
Meta ċ-ċifri jsiru iktar importanti min-nies

Kurt Sansone jintervista lis-Segretarju Ġenerali tal-UĦM Gejtu Vella



Il Punt
Tmunier li jnissel tama
Kirill Micallef Stafrace


Toni Abela
Daqshekk housing soċjali?



Emmanuel Micallef
Jekk mhux ħmar, felu!


Carmelo Mifsud Bonnici
L-isfidi l-ġodda



Wensu Mintoff
Mhemmx nejk


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format



Illum Search



 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan