MediaToday

Intervista | 12 ta’ Ottubru 2008 Nr 102

Meta ċ-ċifri jsiru iktar importanti min-nies

Kurt Sansone jintervista lis-Segretarju Ġenerali tal-UĦM Gejtu Vella

Gejtu Vella hu trejdunjonista rrabjat f’dawn il-ġranet.
Niltaqa’ miegħu fil-kwartieri tal-UĦM. Nagħżel li nitla’ fit-tieni sular bit-taraġ biex nikkonferma b’għajnejja jekk il-posters il-kbar tal-faċċati tal-gazzetti li jfakkru fil-ġlieda li kienet għamlet il-UĦM fuq it-tariffi tad-dawl u l-ilma fl-1998 għadhomx imwaħħlin mal-ħajt.
Hemm għadhom. Tifkira tat-taqlib industrijali li nqala’ meta l-Gvern Laburista kien ħabbar tariffi ibsin ħafna fil-baġit mingħajr ma kkonsulta mal-korpi kostitwiti u l-unions.
Meta nistaqsi lil Vella jekk illum, 10 snin wara dak it-taqlib industrijali, il-pajjiż tgħallimx xi ħaġa, ixengel rasu u ma jomgħodhiex.
“S’issa ċ-ċirkostanzi huma identiċi għal dawk li kellna fl-1998 jekk il-Gvern jonqos li jikkonsulta b’mod serju u tajjeb,” jgħidli b’ton sod.
Nistaqsih ikunx lest iniżżel in-nies fit-toroq. “Jien bħala rappreżentant tal-UĦM ma neskludi xejn.”
Vella jinsisti li tkun sfortuna kbira jekk il-Gvern iwebbes rasu. “Il-figuri finanzjarji huma importanti imma mhumiex iktar importanti min-nies,” jgħid.
Għal Vella d-djalogu soċjali jibqa’ l-iktar għodda importanti.
“Id-djalogu soċjali nagħmluh man-naħa l-oħra tal-mejda u llum fuq in-naħa l-oħra tal-mejda hemm il-Gvern waħdu għax l-oħrajn kollha qegħdin fuq naħa waħda. Jekk il-Gvern jiġi mal-mejda nemmen li jistgħu jinstabu s-soluzzjonijiet għall-ġid ta’ min jinvesti, tal-ħaddiem, tal-pensjonanti u tal-ekonomija.”
Kliem Vella hu iebes. Jixhed rabja għall-mod ħabta u sabta kif il-Ministru Austin Gatt tefa’ fuq il-mejda l-proposti biex jogħlew b’mod drastiku d-dawl u l-ilma mingħajr ma ttieħed kont tal-impatt soċjali u ekonomiku ta’ dak li qed ikun propost.
Meta nistaqsih jekk l-akbar inkwiet hux it-tariffi goffi jew l-attitudni tal-Gvern, Vella jwieġeb li waħda tirkeb fuq l-oħra.
“Il-miżuri se jfissru żieda sostanzjali fuq dak li qed iħallsu n-nies illum. Imma n-nuqqas ta’ konsultazzjoni kompla fixkel is-sitwazzjoni. Il-Gvern ippreżentalna d-dokument ta’ qabel il-baġit u kien qed jistenna r-reazzjoni tagħna għalih u f’salt qabbeż fin-nofs il-kwistjoni tat-tariffi,” jgħid Vella.
Iżda l-ikbar ħarqa hi li fil-bidu tas-sajf meta s-soprataxxa għoliet għal 95 fil-mija, il-unions u l-korpi kostitwiti kienu lmentaw fuq in-nuqqas ta’ konsultazzjoni tant li saħansitra kellhom laqgħa mal-Prim Ministru fl-aħħar ta’ Lulju fejn wasslulu dan l-ilment.
“Dakinhar il-unions u l-korpi kostitwiti kollha tkellmu dwar in-nuqqas ta’ konsultazzjoni effettiva. Qisha l-konsultazzjoni rriduċejniha għal photo session fejn il-ġurnalisti jkunu preżenti għall-bidu, imbagħad joħorġu, u tibda l-laqgħa fejn kulma jkollna hi preżentazzjoni ta’ x’se jsir.
“Dakinhar li ltqajna mal-Prim Ministru llum nafu li r-rapport tal-KPMG kien diġà kkummissjonat u ħadd ma qalilna bih. Fl-istess laqgħa fejn qed nilmentaw dwar in-nuqqas ta’ konsultazzjoni fuq il-prezz tal-enerġija lanqas biss konna nfurmati fuq l-intenzjonijiet tal-Gvern. Għalija, bħala union, dan hu nuqqas kbir.”
Vella jsostni li d-djalogu soċjali jrid jinbena fuq il-fiduċja li bl-attitudni li addotta l-Ministru Gatt jidher li xxellfet sew.
“Nafu lkoll x’jaħseb Austin Gatt dwar l-MCESD, li hu talking shop. Għandu merti kbar ħafna imma l-metodi tiegħu ma jwasslux għal djalogu soċjali effettiv. Id-djalogu żgur mhux il-forte tiegħu,” Vella jgħid dwar l-attitudni ta’ Gatt.
Fost l-ikbar nuqqasijiet fir-rapport tal-KPMG hu li mhemmx studju tal-impatt soċjali u ekonomiku tat-tariffi proposti. Jispjega li t-tariffi huma biss l-ewwel rawnd ta’ spiża ikbar li se jkollhom iġorru l-familji. Vella jgħid li hemm it-tieni rawnd ta’ effetti fuq l-għoli tal-ħajja u l-affarijiet essenzjali li jixtru l-familji.
“Aħna tlabna li jkollna studju tal-impatt soċjali u ekonomiku biex ikollna kejl ta’ kemm u kif se jintlaqtu l-familji, ċerti setturi tal-industrija, l-ekonomija b’mod ġenerali, l-anzjani u l-kompetittività tal-pajjiż. Mingħajr studju li juri l-impatt reali tat-tariffi x’se jkun inkunu qed nieħdu deċiżjonijiet fil-għama,” jinsisti Vella.
Prinċipju ewlieni li qed jisħaq fuqu Gatt hu li s-sussidju ta’ €55 miljun li qed jagħti l-Gvern lill-Enemalta għandu jieqaf. Nistaqsi lil Vella jaqbilx ma’ dan il-prinċipju.
“Meta tara lil pajjiżi kbar jgħinu lill-ekonomiji tagħhom bi flus pubbliċi fil-klima internazzjonali li ninsabu fiha se nkunu aħna, pajjiż ta’ 400,000 ruħ, li nkissru l-ekonomija tagħna?”
It-ton ta’ Vella hu iebes ħafna. Jinsisti li l-proposti huma soċjalment inġusti u ma jistax jifhem kif il-Gvern qed jitfa’ dawn is-sinjali “koroh” fil-klima internazzjonali negattiva li hawn bħalissa.
Nistaqsih jekk il-‘prinċipju’ li jitneħħa s-sussidju hux ġej mill-konvinzjoni tal-Gvern li s-sussidju hu nġust jew inkella għax għandu problemi fil-finanzi tiegħu.
Ma jdurx mal-lewża. “Il-finanzi mhumiex on track u d-defiċit reġa’ għolla rasu. Il-Gvern għandu din il-mira li sal-2010 jibbilanċja l-kontijiet tiegħu ħalli minflok żbilanċ negattiv ikollu żbilanċ pożittiv. Tajjeb li jsir dan imma mhux a skapitu li nġibu għawġ kbir fuq il-familji tagħna. Iċ-ċittadin irid jibqa’ fiċ-ċentru ta’ kull deċiżjoni ekonomika u xogħolna bħala moviment trejd unjonistiku hu li niżguraw li dan jibqa’ hekk.”
Daqs ġimgħa ilu l-imsieħba soċjali kollha mingħajr eċċezzjoni kitbu ittra iebsa ħafna lill-Prim Ministru dwar il-proposti li tressqu lilhom minn Gatt. F’kor wieħed urew id-diżapprovazzjoni tagħhom għat-tariffi l-ġodda u l-mod ta’ kif kienu ffaċċati minn deċiżjoni diġà meħuda. Nistaqsi lil Vella jekk irċevewx tweġiba għal dik l-ittra.
Wiċċu jibqa’ baħħ. “S’issa ma kellna l-ebda reazzjoni uffiċjali għal dik l-ittra. Konvint li s-soluzzjonijiet jistgħu jinstabu b’negozjati serji madwar il-mejda.”
Vella jgħid li l-UĦM għamlet rakkomandazzjoni quddiem l-MCESD biex il-partijiet kollha jippreżentaw rapport wieħed ta’ analiżi dwar it-tariffi l-ġodda li jieħu kont ta’ kif se jintlaqtu l-familji u n-negozji.
Fil-borma hemm ukoll il-kwistjoni tal-capping għall-industriji l-kbar u l-lukandi. Il-Gvern qed jargumenta li bir-regoli tal-UE ma jistax jibqa’ jissussidja permezz tal-capping lil ċerti setturi u għalhekk dawn iridu jibdew iħallsu l-kont kollu tal-konsum.
Vella jaqbel li għandu jitneħħa l-capping?
“Irridu naraw l-affarijiet fil-perspettiva tagħhom. Meta daħal il-capping kien hawn klima ekonomika mhux tajba fil-pajjiż b’numru ta’ fabbriki jagħtu s-sensji u bis-settur tat-turiżmu għaddej minn perjodu ħażin ħafna. Dakinhar ħafna qablu, inkluż il-Gvern, li l-capping kien bżonjuż.
“Minħabba r-regoli tal-UE l-capping irid jitneħħa u permezz ta’ dan il-konsumatur domestiku se jiggwadanja għax mhux se jibqa’ jerfa’ parti mill-piż li kienet qed tiffranka l-industrija. Iżda rridu nagħtu każ tar-realtà. Jekk it-tneħħija tal-capping se tfisser it-telf tal-impjiegi jeħtieġ naraw insibux soluzzjonijiet oħra għax lill-familji tkun qed tħaffifilhom il-piż bħala konsumaturi imma tkun qed theddidilhom ħobżhom bħala ħaddiema.”
Vella jinsisti li dawn huma l-affarijiet li l-Gvern messu ddiskuta mal-unions u l-għaqdiet ta’ min iħaddem.
Għal darb’oħra Vella jikkritika l-attitudni tal-Ministru Gatt dwar it-tneħħija tal-capping. Fuq it-televiżjoni l-Ministru pprova jġelled lill-konsumatur ma’ tal-lukandi u l-industrija billi insista għal kemm-il darba li l-familji ilhom tliet snin iġorru piż li ma kellhomx għalfejn iġorru.
“Tliet snin ilu l-UĦM għarfet il-bżonn li jkun hemm capping biex ma jintilfux l-impjiegi. Dakinar il-Ministru Gatt kien ukoll favur il-capping. Imma li llum l-istess ministru jipprova jġib l-argumenti bil-kontra biex jiġġustifika l-pożizzjoni tiegħu, allura tkun qed titnaqqar il-kredibbiltà.”
Imma għal trejd unjonista t-theddid bl-impjieg li qed jagħmlu wħud mis-sidien tal-lukandi u l-industrija hu ġustifikat?
“Jien nieħdu bis-serjetà. Ma ninsewx li numru kbir ta’ impjegati fis-settur turistiku ilhom ma jieħdu żieda fil-ftehim kollettiv numru ta’ snin. Aħna niltaqgħu mas-sidien u l-amministraturi tal-kumpaniji u juruna ċerti affarijiet li fil-pubbliku ma jistgħux jintwerew.”
Il-fatt li l-kwistjoni tat-tariffi qed titqajjem issa, qabel il-baġit, tista’ twassal lill-Gvern biex jippreżenta baġit li ma jkollu l-ebda referenza għall-kontijiet ogħla li se jħallsu l-familji bħalma ġara meta kienet iddaħħlet is-soprataxxa fil-livell ta’ 55 fil-mija fl-2005.
Dan jinkwetah lil Vella?
“Il-kwistjoni tat-tariffi ma tistax tinqata’ mill-baġit. Se ninsistu bħala UĦM li dan ma jiġrix. Se nibqgħu ninsistu fuq id-djalogu soċjali għax nemmnu li dik hi l-aħjar triq għal kulħadd.”

Intervista
Meta ċ-ċifri jsiru iktar importanti min-nies

Kurt Sansone jintervista lis-Segretarju Ġenerali tal-UĦM Gejtu Vella



Il Punt
Tmunier li jnissel tama
Kirill Micallef Stafrace


Toni Abela
Daqshekk housing soċjali?



Emmanuel Micallef
Jekk mhux ħmar, felu!


Carmelo Mifsud Bonnici
L-isfidi l-ġodda



Wensu Mintoff
Mhemmx nejk


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format



Illum Search



 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan