MediaToday

Il-Punt - Kirill Micallef Stafrace | 12 ta’ Ottubru 2008 Nr 102

Tmunier li jnissel tama

Kulħadd jaf li għal kull partit politiku l-għażla ta’ mexxej ġdid hi avveniment kbir li jitnaqqax fl-istorja tiegħu. Dan jgħodd għall-Partit Laburista bl-għażla ta’ Joseph Muscat. Il-jum sa minn filgħodu juri x’qed ilesti. Kull kamp politiku għandu japprezza li Muscat hu mexxej li wera mill-ewwel li lest jaqbel bla tlaqliq ma’ dak li hu tajjeb, jagħmlu min jagħmlu u jikritika dak li għandu jikkritika. Madanakollu kien hawn min ikkritikah għax tela’ bl-għajta ta’ mħabba fuq fommu. Tela’ jitbissem. Juri l-palma tal-paċi. Anki għax għamel hekk kien hawn min ikkritikah! Forsi kien hawn min xtaqu tela’ bl-arja u bil-mibegħda ħa jkollu żgur ma’ xiex jiggranfa.
Imma mhux dan hu l-punt li rrid nagħmel: jgħid x’jgħid min irid, hu x’kulur hu, nemmen li rridu nisfruttaw il-kwalitajiet sbieħ ta’ demokrazija u qalb u moħħ miftuħ tal-mexxej Laburista. U mezz wieħed ikun billi nsarrfu l-filosofija ta’ Muscat fir-relazzjonijiet tagħna mal-Ewropa, fejn diġà hu familjari għax kien MEP distint. Anzi rridu nibnu fuq dawn il-kwalitajiet fl-Ewropa għax Muscat hu diġà maħbub u rrispettat fuq il-bażi tiegħu personali.
Dak ir-rispett personali jrid jissarraf f’rispett lejh bħala Mexxej tal-Oppożizzjoni tar-Repubblika Maltija. Jafu li f’Muscat hemm mexxej li diġà ikkopera mal-Ewropa. Jafu li l-futur sabiħ Malti taħt Gvern Laburista ma jġorr l-ebda dell ta’ biża’ jew inkwiet ta’ xi ewrofobiku li ma tafx x’sa jivvinta għada.
Il-karriera politika ta’ Muscat issaħħet u ffjorixxiet fi ħdan l-Ewropa. Hu mexxej modern li jitkellem l-ilsien politiku tal-Ewropa moderna. Hu bniedem li jaf it-tajjeb u l-ħażin tal-Ewropa .
U l-Ewroparlamentari Maltin kollha b’mexxej bi sfond bħal tal-mexxej Laburista għandhom iħossu saħħa ġdida. Għalkemm għandhom iżommu t-tbissima fuq fommhom u jikkonservaw l-arti tad-diplomazija, iridu wkoll jiftakru li huma s-sejf u t-tarka tal-poplu Malti – tal-poplu Malti kollu – Laburist jew Nazzjonalist, hu x’kulur hu. Anke n-Nazzjonalisti serji għandhom ikunu kburin li l-mexxej Laburista preżenti għandu sfond qawwi ta’ politika Ewropea.
Il-Prim Ministru Lawrence Gonzi messu ta widen lil Joseph Muscat meta nsista miegħu li jkun iebes meta jiddiskuti l-andament tal-Ewropa ma’ Malta fil-konfront tal-problema tal-immigrazzjoni rregolari. Fil-fatt kien ċar li wara dak il-parir Joseph Muscat kien qiegħed jgħid lil Prim Ministru: “Aħna wkoll miegħek għax il-ġlieda hi iebsa u pajjiżna hemm jiżfen fin-nofs!”
Dawn l-immigranti huma nies bħalna u jeħtieġu l-għajnuna. Imma aħna wkoll neħtieġu l-għajnuna qabel ma jkun tard wisq. U l-għajnuna li neħtieġu mhix l-ebusija tal-qalb ma’ min hu dgħajjef, ma’ min hu ħafi u qed jegħreq. Ejja nkunu ibsin ma’ min hu b’saħħtu: jigifieri mal-Ewropa. Kemm u kif inkunu ibsin hi l-qalba tal-problema u hawnhekk iridu jaħdmu flimkien l-imħuħ legali, diplomatiċi u Parlamentari ta’ kull konvinzjoni politika Maltija.
Kemm ħalliena delużi l-ftehim li ntlaħaq dan l-aħħar fi Brussell dwar l-immigrazzjoni llegali! Il-Gvern Malti feraħ għax l-Ewropa wegħdet li tgħin fuq bażi volontarja u bla ebda rabta ta’ żmien! Il-prinċipju tal-burden sharing waħdu hu bużżieqa tas-sapun. Ebda rabta vera li sserraħħlek rasek!
Kliem diġà smajna biżżejjed. Il-fatti li jgħoddu u kif jiġi nterpretat kull ftehim miktub huma meta jiġi biex jitħaddem fil-prattika.
L-istorja politika mimlija bi stejjer bħal ta’ David u Gulija. Qed nitkellmu dwar konvinzjoni politika tal-affari tagħha. U dan japplika għall-orizzonti kollha li l-Ewropolitiċi Maltin jiffaċċaw fi Brussel. Kif żvolġiet l-istorja politika Maltija, kienet ġrajja unika li Ewroparlamentari, bl-esperjenza kollha miksuba u l-irsistar eżemplari tiegħu b’din il-kariga jsib ruħu jaqdi d-dover ta’ mexxej ta’ partit politiku u Kap tal-Oppożizzjoni. Dan għandu jkun ta’ ġid kbir għall-poplu Malti u jkun qed juri għaqal il-Gvern Malti jekk, b’sens patrijottiku awtentiku, juri spirtu ta’ kollaborazzjoni b’riżq artna, għall-benefiċċju tal-Maltin kollha.

Kirill Micallef Stafrace hu kandidat prospettiv tal-MLP għall-Parlament Ewropew

 

Intervista
Meta ċ-ċifri jsiru iktar importanti min-nies

Kurt Sansone jintervista lis-Segretarju Ġenerali tal-UĦM Gejtu Vella



Il Punt
Tmunier li jnissel tama
Kirill Micallef Stafrace


Toni Abela
Daqshekk housing soċjali?



Emmanuel Micallef
Jekk mhux ħmar, felu!


Carmelo Mifsud Bonnici
L-isfidi l-ġodda



Wensu Mintoff
Mhemmx nejk


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format



Illum Search



 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan