Wenzu Mintoff | 28 ta’ Settembru 2008 Nr 100
Il-festi suppost jiġu biex jgħaqqdu u mhux biex jifirdu. Imma mhux hekk f’Malta. Jgħidu li fil-bidu tas-seklu li għadda, il-festi parrokjali kienu l-aktar ta’ min kien jiflaħ jiċċelebrahom. Min ma kellux wisq biex u għalfejn jiċċelebra, kien joqgħod jixxennaq u jittewweb.
Filwaqt li l-festa tal-patruna kienu jiċċelebrawha l-krema tar-raħal, l-aktar in-notabbli li jorbitaw ma’ djul il-kappillan, in-nutar il-manifk, l-ispiżjar li milli jkollu jagħtik u l-bqija tal-borgeżija u benestanti tar-raħal, kien hemm imbagħad il-festa sekondarja li kienet tiċċelebra kif tista’ l-bqija tal-merħla, ir-raħħala u l-gabilotti ta’ fuqhom senduqhom, dak li jaqilgħuha u jikluha.
Il-festa sekondarja isimha magħha. Kienet il-festa tan-nies sekondarji, taċ-ċittadini tat-tieni klassi. Ħafna drabi kien jiġri li l-festa sekondarja kienet tkun ta’ xi qaddis sajjied, bidwi jew mastrudaxxa, b’San Ġużepp il-favorit nett, li l-kotra faċilment kienet tassoċja miegħu.
Il-każin tal-banda li jiċċelebra l-festa tal-patruna normalment kien ikollu bħala president lil xi maġistrat jew imħallef, inkella xi professjonist jobrom il-mustaċċi. Eventwalment meta tfaċċaw il-baned tal-festi sekondarji hemmhekk l-iktar li kont issib fil-kumitat kienu ħaddiema tal-id jew xi kuntrattur li bilkemm jaf jaqra u jikteb. Insomma, anki fiċ-ċelebrazzjoni tal-festi kellna speċi ta’ Upstairs Downstairs bħall-bqija tas-soċjetà fejn il-ħajja kienet tixbaħ ħafna lil dik fis-serje komika Ingliza You Rang My lord?!
Ġużè Cassar
Ftit ftit bdiet tiġma’ l-pika bejn ‘ta’ fuq’ u ‘ta’ taħt’ u fl-aħħar tant inġemgħet li bdiet tisplodi. Tal-festa sekondarja kienu jħossuhom ikkuljunati l-aktar bil-fatt li għall-festa tagħhom il-kappillan ma kienx jarma l-knisja bl-istess pompa li kien jarma għall-festa tal-patruna. Barra minn hekk t-tiżjin li kienu jitħallew jarmaw barra t-triq kien tassew ftit li xejn.
Sakemm fl-1971 feġġ il-Ministru Ġużè Cassar li kellu kostitwenza miżgħuda b’irħula żgħar fejn il-piki parrokkjali mhumiex nieqsa, li ddeċieda li jagħmel ‘ġustizzja’ ma’ min kien ilu jiġma’ u jibla’ ġo fih. Cassar, ta’ ġurdien politiku xiħ li kien, bħal speċi mexa fuq il-prinċipju ta’ dak li hu ta’ Alla, ta’ Alla u ta’ Ċesri ta’ Ċesri, anki jekk il-kwistjoni kienet dwar festi suppost reliġjużi, u ħareġ il-permessi neċessarji biex tal-festi sekondarji jkunu jistgħu jarmaw kemm u kif iridu fl-imsieraħ u fit-toroq.
Li ġara hu li mal-milja tas-snin, wara li kienu xebgħu jistaportu, tal-festi sekondarji biex jiżvugaw iddeċidew li jagħtuha għall-ħala, bil-konsegwenza li f’ħafna rħula l-festi sekondarji llum spiċċaw jissuperaw u jispikaw fuq il-festi primarji.
Minħabba f’hekk il-festi esterni komplew jikbru u jinfirxu u minn festi ta’ tlett ijiem kif kienu qabel, illum espandew għal sebat ijiem jew aktar, bil-piki tribali li komplew jikbru u b’esaġerazzjonijiet li xi minn daqqiet jaqbżu kull limitu.
Festi nazzjonali
Li hu kurjuż hu kif dak li nsibu f’mikrokożmu ta’ raħal narawh ukoll replikat fuq il-livell nazzjonali, anki jekk qed nitħaddtu dejjem dwar pajjiż nanu. Ftit taż-żmien ilu kont ktibt xi ħaġa dwar x’għadda min-naħa Laburista lejn l-aħħar tas-snin Tmenin meta kien hemm tentattiv biex jintlaħaq kunsens man-Nazzjonalisti dwar il-festi nazzjonali.
Meta l-ftehim kien fil-qrib dwar tlieta, jekk mhux erba’ festi nazzjonali, kien hemm eks ministru partikolari, li llum m’għadux magħna, li ma ħamilx. U biex jagħmilha diffiċli ħalli ma jintlaħaqx ftehim, b’nofs ċajta u nofs serjetà kien qal ‘għalfejn ma nitolbuhomx ukoll is-Sette Ġunju u l-Vitorja?’
In-Nazzjonalisti daħlu għaliha u minn tliet festi nazzjonali spiċċajna b’ħamsa li naħseb hu rekord dinji ikbar minn tal-Olimpjadi. Tabilħaqq farsa traġika li m’aħniex kapaċi niċċelebraw dak li jgħaqqadna u għadna qed niċċelebraw dak li jifridna. Għax għalkemm qbilna fuq ħames avvenimenti li suppost sawruna bħala nazzjon u tawna identità bħala poplu, l-ewwel waħda minn dawn il-festi ma tinsabx fil-qalb tal-poplu Malti kollu kemm hu. Għal ħafna Maltin u Għawdxin, speċjalment iż-żgħażagħ, l-ebda waħda minn dawn il-festi ma tfisser xi ħaġa.
Festa isimha magħha, hix lokali jew nazzjonali, suppost li hi okkażjoni ta’ ferħ, avolja ta’ San Pawl il-Baħar, ma nafx kif, jiffesteġġaw id-Duluri. Fil-festi nazzjonali suppost li jispikkaw l-għaqda u s-sens ta’ kburija nazzjonali. Issa f’Jum ir-Repubblika kulma jsir hu t-tqassim tal-midalji li tant ilhom jitqassmu minnhom li llum il-ġurnata tista’ tgħid li kull min jaħseb li hu xi ħaġa, għandu waħda minnhom.
Fis-Sette Ġunju kulma jsir diskors ejja ħa mmorru mill-Ispeaker tal-Parlament fil-Main Guard kważi vojt jikwi taħt xemx tiżreġ.
Fit-8 ta’ Settembru jsir diskors ieħor ta’ ejja ħa mmoru quddiem il-Qorti biex ikun sar xi ħaġa. Imbagħad niġu għall-Indipendenza u l-Ħelsien, li fl-antik mhux daqstant imbiegħed, kien hawn xi mġienen rashom sħuna li kienu jiddilettaw jimpikaw fuq iċ-ċuċati daqs li kieku kienu festi tar-raħal ta’ fuq u tar-raħal t’isfel.
Show of force
‘Il-Ħelsien’ għandu l-problema li meta ma jaħbatx mal-Ġimgħa l-Kbira, lanqas il-Laburisti m’għadhom jiċċelebrawh b’wisq konvinzjoni. Għaddew kważi 30 sena minn fuq dan il-jum u b’dan ir-ritmu, għad jgħaddu 10, 20 sena oħra minn fuqu u ma nafx x’se jifdal minnu ħlief dak il-borġ ġebel tal-gagazza li jgħatti l-faċċata maestuża tal-knisja ta’ San Lawrenz.
L-ironija hi fost dawk l-iktar fietla, biex ma ngħidx bierda, għal din il-festa, hemm in-nies tal-Kottonera li għexu u tħalltu mal-Ingliżi, kienu jaqilgħu lira magħhom, u uħud minnhom saħansitra ħadu l-kunjomijiet tagħhom.
‘L-Indipendenza’ mill-banda l-oħra, apparti l-interpretazzjonijiet diverġenti li jista’ jkun hemm dwar is-sinifikat storiku ta’ dan il-jum, din qatt ma tista’ tkun il-jum tal-poplu kollu jekk in-Nazzjonalisti jibqgħu jorbtu magħha l-festi partiġġani li jsiru ta’ kull sena fuq il-Fosos. Ġimgħa sħiħa ta’ doża qawwija ta’ diskorsi partiġġani bil-quċċata tintlaħaq bil-Mass Meeting. L-Indipendenza spiċċat iddeġenerat f’tour de force Nazzjonalista, xejn iktar, xejn inqas.
Iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Istat isegwu ritwal monotonu u ripettitiv li ma jispira u ma jqanqal lil ħadd. Tant hu hekk li fi Strada Rjali, quddiem San Ġwann u fejn il-Mall, fit-triq ma jkun hemm ħadd ħlief xi erba’ turisti li jinzertaw hemm b’kumbinazzjoni. Tista’ taħseb b’liema ħeġġa l-Istat jiċċelebra din il-festa meta tqis li l-uniku diskors li jsir f’din l-okkażjoni hi l-omelija tal-Arċisqof waqt il-Pontifikal!
Imma din s-sena l-protokoll dejjaq tal-Istat għal daqsxejn ma kienx se jinfetaq għax il-mexxej Laburista Joseph Muscat poġġa l-fjuri fuq il-monument tal-Indipendenza xi nofs siegħa qabel il-President ta’ Malta. Forsi mingħajr ma jafu n-Nazzjonalisti taw l-impressjoni li ma ħadux wisq pjaċir b’din l-inizjattiva ta’ Muscat meta qagħdu jżeffnu fin-nofs regoli tal-protokoll li ġew miftiehma ma nafx kemm-il sena ilu.
Lil hinn mill-ħmerijiet kollha li ntqalu fl-istqarrijiet u kontra-stqarrijiet li ħarġu dwar sempliċi tqegħid ta’ kuruna tal-fjuri, in-Nazzjonalisti jridu jiddeċiedu jekk iridux li l-Indipendenza minn jum Nazzjonalista tassew issir jum Nazzjonali li jgħaqqad u mhux jifred.
|
|
Franica Pulis tintervista lil
Mario Mallia
kelliem tal-AD
għall-edukazzjoni
Editorijal

Il Punt
Leo Brincat

Toni u Peppi

Carmelo Mifsud Bonnici

Wensu Mintoff
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|