Carmelo Mifsud Bonnici | 28 ta’ Settembru 2008 Nr 100 Il-vuċi fil-kapitlu 1. Id-dinja demokratika li niffurmaw parti minnha għandha għal vantaġġ tagħna l-użu tar-raġuni. Ir-raġuni li ma tridx forza u mhux kulħadd jifhem kemm għandha piż fil-ħajja ta’ kuljum fl-istituzzjonijiet Ewropej. Għad għandna l-mentalità, forsi Mediterranja, li deċiżjoni trid tittieħed minn persuna waħda u l-possibbiltà ta’ ġabra ta’ bnedmin li jiddeċiedu f’daqqa mhix ikkunsidrata. Iktar minn hekk, “ħafna” hu indikazzjoni ta’ konfużjoni u strument ta’ anti-deċiżjoni. Dan wieħed mill-argumenti li bażikament jitressqu kontra s-sistema demokratika minn dawk li b’mod żbaljat jaħsbu li d-dittatorjati huma xi vantaġġ. 2. Għalhekk fiha ħafna x’torganizza u x’tibni biex tassigura li numru ta’ bnedmin ikunu kapaċi jiddiskutu, jifhmu u wara jiddeċiedu. Il-parlamenti Ewropej u tad-dinja jafu dan xi jfisser u kemm fih attenzjoni u regoli preċiżi. Imma anki f’dan, id-deċiżjoni tittieħed fuq il-bażi ta’ maġġoranza. Il-figuri, in-numru ta’ dawk li jaqblu, jaqbeż f’mument il-konsiderazzjoni tar-raġuni. Mhux kull vot tal-maġġoranza hu assigurazzjoni ta’ deċiżjoni tajba, imma almenu deċiżjoni ttieħdet. Il-fatt li l-Kamra tar-Rappreżentanti qatgħetha naħa jew oħra mexxiet l-affarijiet. Hemm volontà ġenerali u din ġiet stabbilita. 3. Wieħed għalhekk jifhem quddiem dan kemm kien ta’ iktar diffikultà biex tibni għaqda bħall-Unjoni Ewropea. Għaqda ta’ pajjiżi li ġejjin minn realtajiet differenti li iżda stabbilew fuq livell ta’ Kunsill ta’ Ministri li, kemm jista’ jkun, id-deċiżjonijiet ikunu unanimi. Mhux il-maġġoranza ta’ naħa jew oħra tapplika llum, iżda proċess li permezz tiegħu wieħed jiddiskuti, jevalwa, jara, jgħarbel u jagħti l-kunsens tiegħu. Proċess li fih innifsu hu wieħed twil. Hemm trapass taż-żmien għax kull pajjiż membru jħares lejn ir-realtà li hu jiffaċċa, jara lejn x’inhu sejjer u jiddeċiedi xi jrid li jiġi modifikat u emendat biex iħossu ċert li jista’ jħaddem. 4. L-istrutturi sħaħ tal-Unjoni Ewropea nbnew fuq il-premessa li biex regola, liġi, direzzjoni ġdida taqbad tajjeb f’kull pajjiż hemm bżonn li kull pajjiż iħossu parti minnha. Il-garanzija li direttiva se tiġi applikata, interpretata u infurzata f’kull Stat, l-istess, tiddependi proprju minn dan. Għalhekk ikun hemm ċertu żmien biex kull pajjiż jgħarbel sew. Hekk ġiet assigurata l-linja tal-progress: dik tal-paċi, tal-istabbiltà, tas-sigurtà u tal-libertà. Għax hemm mhemmx impożizzjoni, imma kull pajjiż, kull Stat Membru volontarjament u mingħajr id iebsa minn fuqu, jaċċetta. Jagħraf il-bżonn ta’ miżura, jaqbel u jimplimentaha. 5. Hekk fil-fatt ġara nhar il-Ħamis li għadda fil-Kunsill tal-Ministri tal-Intern. Wara li konna ilna mill-1 ta’ Lulju niddiskutu u niddibattu l-Patt tal-Immigrazzjoni u l-Ażil li l-Presidenza Franċiża ressqet, wasalna f’dokument li naqblu fuqu lkoll. Dan għamilnieh volontarjament, kull pajjiż għaraf li fil-proposti u konsiderazzjonijiet li hemm jista’ jaħdem biex jipparteċipa fis-sħiħ fl-implimentazzjoni tiegħu. Issa din mhux sempliċi dikjarazzjoni bħad-diversi li jsib f’numru ta’ konferenzi li wieħed jattendi għalihom. Dan hu ferm u ferm iktar minn hekk. Dan hu l-inkarigu, id-direzzjoni, l-ordni ta’ ħidma li fuqu l-Kummissjoni hi mistennija li taħdem fix-xhur li ġejjin. 6. Il-Patt issa m’għadux dokument ta’ pajjiż wieħed jew ta’ ġabra limitata, iżda ta’ 27. Dawn kollha unanimament għażlu li jagħtu l-kunsens sħiħ tagħhom biex il-kontenut tiegħu jitwettaq mill-Unjoni Ewropea. Dan sar volontarjament. Minn rajhom għażlu li jidħlu għal dan il-proġett. Pajjiżna ta s-sehem sħiħ tiegħu fid-diskussjonijiet. Ma kienx hemm laqgħa li saret li ma ħadniex sehem fiha. Il-vuċi fil-kapitolu tagħna użajniha, bl-użu tar-raġuni. Għalhekk fit-test li aħna, bħala Ministri responsabbli minn dan is-settur wasalna biex naqblu lkoll fuqu, jgħid li hemm bżonn mekkaniżmu li permezz tiegħu jkun hemm tqassim aħjar tal-persuni li għandhom dritt ta’ protezzjoni minn dawk il-pajjiżi membri li għandhom piż qawwi li ma jifilħux, bħalna, għall-oħrajn. 7. Din hi l-għażla volontarja ta’ dawn il-pajjiżi kollha. Għalhekk dak li qabel kienet biss l-aġenda nazzjonali li nibagħtu persuni umani mingħandna għal pajjiżi oħra fuq bażi volontarja u bilaterali issa saret waħda Ewropea. Hi issa parti mill-proġett tal-Unjoni kollha kemm hi li titwettaq. Għalija dan hu l-vantaġġ kbir li ġie reġistrat. Ovvjament l-għażla partikolari ta’ min minn dawn se jieħdu trid tkun waħda volontarja. Għax pajjiż jista’ jippreferi li jieħu persuni minn reġjuni partikolari, jew li jitkellmu lingwa partikolari, jew li għandhom fidi partikolari, jew li għandhom membri tal-familja, jew snajja’ partikolari. Il-kontra ta’ dan iġib biss sistema, mekkaniżmu, li ma jistax jaħdem tajjeb. Is-suċċess tal-proċess qiegħed proprju f’dan: li tħaddem bil-loġika tal-affarijiet. Dan hu frott tal-ħidma tal-użu tar-raġuni. Jiswa għalhekk li għandna vuċi fil-kapitolu. Jiswa sew.
|
IntervistaBiex l-edukazzjoni ma tibqax suq tal-bhejjem
Franica Pulis tintervista lil Mario Mallia kelliem tal-AD għall-edukazzjoni Editorijal Il Punt
Ebba von Fersen Balzan
|
Illum Search
|
Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan