MediaToday

Intervista | 28 ta’ Settembru 2008 Nr 100

Biex l-edukazzjoni ma tibqax suq tal-bhejjem

Franica Pulis tintervista lil Mario Mallia kelliem tal-AD għall-edukazzjoni

Kważi l-iskejjel kollha fetħu l-bibien tagħhom għas-sena skolastika l-ġdida. Imma l-affarijiet mhux dejjem huma ward u żahar daqskemm jidhru.
Din il-gazzetta ltaqgħet ma’ Mario Mallia, il-kelliem għall-edukazzjoni tal-Alternattiva Demokratika, biex tiddiskuti miegħu bosta kwistjonijiet.
Mallia ilu mat-tliet snin surmast tal-iskola tal-Knisja St Albert’s u mal-AD mindu nħolqot. Għandu ħuh tewmi u jixxiebħu daqs fula maqsuma. Ritratt li hemm fil-ġenb tal-iskrivanija fl-uffiċċju tiegħu jixhed li Mallia miżżewweġ u għandu tifel.
Jgħid li qatt ma kellu problemi fuq xogħlu minħabba l-politka.
“Pjuttost dejjem ippruvajt nuża l-ħajja pubblika mill-aspett edukattiv għat-tfal. Jekk dejjem nipprietkaw li t-tfal għandhom ikunu attivi, ma nistgħux aħna noqogħdu nħarsu.”
Nibdew bl-ewwel mistoqsija: Tħoss li l-Gvern jagħti wisq enfasi lill-bini aktar mill-istudenti?
“Xi kultant tingħata l-impressjoni li x-shift u r-riżorsi huma ffukati fuq il-bini – li hu tajjeb – fil-passat domna wisq biex nirrealizzaw li ċerti skejjel ma kinux tajbin għan-nies li jaħdmu fiha: tfal u għalliema.
“Imma fl-istess ħin il-bini biss mhux biżżejjed. Jekk ma tinvestix fin-nies u fis-servizzi tkun irranġajt il-qoxra biss. Eżempju minnhom hu s-servizzi ta’ appoġġ tas-social workers u l-psikologi li għadhom rudimentali. Il-ftit li hemm marbuta mal-iskola huma ftit wisq u qed jagħmlu l-impossibli.”
Iżid jgħid li aspett ieħor hu li mhemm l-ebda drive min-naħa tal-awtoritajiet edukattivi biex iħajru lill-istudenti universitarji jidħlu għal ċertu setturi fosthom l-għalliema tal-primarja, tax-xjenza u tal-matematika.
“Mhux qed isir eżerċizzju biex iħajru lin-nies permezz ta’ reklamar qawwi. L-Ingilterra għandhom sitwazzjoni tixbah lil tagħna u għandhom drive pubbliċitarja. Aħna kważi nirrenduha inviżibbli.”
Jitkellem ukoll dwar il-metodu ta’ tagħlim Let Me Learn li jgħallem lit-tfal skont il-mudell ta’ tagħlim li jaqbel magħhom u mhux dak li jaqbel mal-għalliema tagħhom kif ukoll iħeġġeġ l-inklużjoni ta’ tfal b’ħiliet differenti. Dan il-metodu hu applikat fl-iskola tiegħu u qed jiġi implimentat bil-mod il-mod fl-iskejjel tal-Gvern. Minbarra li l-istudenti tal-edukazzjoni saru jistudjawh ukoll.
“Il-Let Me Learn hi filosfija u jrid ikun hemm the right mindset. Il-mument li kulturalment għamilt dik il-qabża ta’ inklużjoni mbagħad tista’ tmur għaliha. Il-Kulleġġi qegħdin joffru dik l-infrastruttura li ilha teżisti bħal fi skejjel hawnhekk. Tipprovdi vjaġġ edukattiv migħajr skossi.”
Jinkwieta li l-kwistjoni tal-kulleġġi kienet saret kwistjoni politika taħraq. Iħoss il-proċess ma tawhx iż-żmien li kellu bżonn biex jindera u nħolqot l-istruttura mingħajr ma nħolqot il-kultura. Jittama li issa l-kultura titrawwem permezz tal-kulleġġi nnifishom. Isemmi problema oħra li
“Inħoss li parti mill-problema hi l-istruttura nnifisha. Ħlisna mill-burokrazija l-kbira u ħloqna oħrajn iżgħar. Sar hemm wisq ġerarkiji fis-sistema l-ġdida li biex tittieħed deċiżjoni iddum biex tasal għand min għandha tasal. Għax inti għandek il-prinċipal tal-kulleġġi, il-kapijiet tal-iskejjel, il-kapijiet assistenti mbagħad l-għalliema u warajhom it-tfal.
“L-għalliema għandhom imexxu huma wkoll imma qed jispiċċaw it-tekniċi f’dan il-kuntest mhux il-mexxejja. Il-policies għandhom jinħolqu mill-għeruq li huma l-għalliema, it-tfal u l-ġenituri tagħhom.”
Ikompli jgħid li għadha teżisti biżgħa għal ċerti bidliet minn min irid joħloq il-politka edukattiva minkejja li s-sistema hi aktar ġusta għat-tfal u tirrispetta d-dinjità tagħhom. “Ma tibqax suq tal-bhejjem fejn mingħalik tagħżel l-iżjed tajbin u titfagħhom f’post u li jifdal titfagħhom f’ieħor. Il-kunċett akkademiku u ta’ abbiltà rriduċejnieh għal sens dejjaq ta’ edukazzjoni meta nafu permezz tar-riċerka x’effett negattiv tħalli s-sistema ta’ selezzjoni fuq ħafna studenti. Jekk tifel falla, għaliex għandu jkompli jistudja, biex ikompli jaqlagħha fuq rasu?
“L-istima li jkollhom it-tfal tagħhom infushom hi dik li tbassar x’se jkun il-futur tagħhom. Ladarba kissirtha, kissirt dak li jistgħu jsiru. It-tifsira ta’ abbiltà: għalhekk importanti li noħolqu d-diskors fuq x’qed nifhmu biha. Fuq liema kriterji t-tfal huma abbli? Is-sabiħ tal-mudell Let Me Learn hu li t-tfal jitgħallmu b’modi differenti allura jgħin l-abbiltà f’kull tifel u tifla toħroġ.”
Jispjega kif dan hu vjaġġ li bih it-tfal jistgħu jintlaħqu b’mod differenti. Statistikament l-għalliema aktar huma preċiżi u sekwenzjali allura jgħallmu bil-mod kif jitgħallmu huma. Imma jekk għandek tfal li huma aktar tekniċi u konfluwenti u għalhekk jitgħallmu b’mod differenti mill-għalliema tagħhom, hi naturali li jirreżistuhom għax it-tagħlim mhuwiex jilħaqhom.
“Ladarba tiġbed l-attenzjoni tat-tfal u jħossuhom parti ta’ dak li qed jiġri, se tonqos il-problema ta’ dixxiplina għax jintilfu f’li qed jagħmlu. Trid issir il-qabża minn kif ngħallem jien għal kif kapaċi jitgħallmu t-tfal, li ma tantx nitkellmu dwarha. L-idea li tinħoloq sens ta’ komunità fil-klassi u tapprezza li fil-klassi hemm tfal b’ħiliet differenti.
“Meta jkun hemm xogħol fi grupp mhux se norganizzah b’nies li għandhom l-istess karatteristiċi. Nagħmel gruppi mħallta biex jgħinu lil xulxin bis-saħħiet ta’ xulxin.
Faċli? Le. Imma l-fatt li mhix faċli ma tfissirx li m’għandnix nimxu lejn dik is-sitwazzjoni.”
Jitħaddet dwar il-ħtieġa li s-sens ta’ komunità jrid jinħoloq biex taħseb għal futur tas-soċjetà li skont hu xorta qed tmur kontra l-kurrent għax is-soċjetà ta’ llum hi waħda individwalista u kompettitiva. Jistaqsi x’tip ta’ soċjetà rridu nimmiraw għaliha?
“Għandu jkollna l-idea ta’ edukazzjoni ġusta li tippromwovi l-idea ta’ koperazzjoni fuq l-idea ta’ kompetizzjoni. Mhux min jiflaħ iħawwel jiġi jitmejjel minn kollox u minn kulħadd u min ma jiflaħx jispiċċa jitħawwel. Nippromwovu l-valur ta’ flimkien u s-saħħa tal-grupp imma fl-istess ħin qegħdin ngħixu realtà oħra.
“Il-kurrikulu nazzjonali, li għandu saħħa legali u qabblu fuqu ħafna setturi mhux mill-edukazzjoni biss, isostni d-diversità, l-inklużjoni u x’soċjetà qed jimxi lejha. Ma nistgħux neżaltaw dawn il-prinċipji mbagħad nagħmlu l-kontra.”
Titqajjem it-tema tal-ħin tal-iskola u jekk din għandix tispiċċa fil-5pm. Mallia ma jqishiex kwistjoni ta’ ħin biss u jaraha pożittiva jekk il-ħin jintuża biex titnaqqas id-differenza soċjali li teżisti bejn it-tfal minbarra li jkun hemm żvilupp aktar sħiħ tagħhom.
“Il-possibbiltà li l-iskejjel jibqgħu jintużaw wara l-ħin għandha titħeġġeġ imma bi strutturi organizzati. Aħna noħduha wisq for granted li t-tfal għandhom l-għanjuna meta jmorru d-dar. Min għandu jirranġa. Imma min m’għandux? L-Istat irid iħares lejn mezzi kif jgħin is-sitwazzjoni biex jagħti lit-tfal dawk li huma intitolati għalih.”
Tissemma’ l-kwistjoni li l-iskejjel jispiċċaw babysitters tat-tfal minħabba li għandhom il-ġenituri jaħdmu.
“Xejn m’għandu jieħu post il-familja. L-ewwel kenn hu l-familja. Imma jeżistu realtajiet ta’ tfal li jingħataw iċ-ċavetta għax ma jsibu ’l ħadd id-dar. F’kuntest bħal dan, x’l-aħjar? Mhu qed inlum lil ħadd. Imma l-effett tagħha fuq it-tfal hu dak.
“Xi ħaġa li jista’ jagħmel il-Gvern hu li jraħħas il-proprjetà biex in-nies ma jinqatlux bix-xogħol u xorta ma jistgħux ikunu d-dar. Ir-riforma tal-Liġi tal-Kera tindirizza r-raġunijiet fundamentali tal-ġirja sfrenata li qed inbatu biex nieħdu ħsieb lil uliedna stess u fl-istess ħin it-tfal ma jistennewx. Mhemmx għażla għal ħafna nies.”
Kif jaħsibha dwar l-edukazzjoni mħallta ta’ subien u bniet f’daqqa?
“Meta qed nitkellmu fuq l-idea ta’ diversità u inklużjoni nara li hemm kontradizzjoni. Il-koedukazzjoni titlob nies imħarrġa li huma sensittivi għal affarijiet bħal mhuma gender issues li jistgħu anki jgħinu biex id-disparità bejn id-drittijiet tal-irġiel u n-nisa tiġi indirizzata u biex anki ma tiġix perpetwata s-soċjetà patrijarkali.
“Waħda mill-affarijiet li rridu nirrealizzaw hu li sar hawn ħafna familji b’wild wieħed li jekk ma jiltaqgħux mas-sess oppost tagħhom fl-iskola mhux se jkollhom ċans jiltaqgħu magħhom imkien ieħor.
“Magħhom trid iżżid ukoll il-familji b’ġenitur wieħed. Għalhekk l-importanza ta’ għalliema sensittivi li jistgħu jilqgħu għall-isfidi u sitwazzjonijiet ta’ inugwaljanza u poter li se tiltaqa’ magħhom fis-soċjetà imma li fl-iskola jista’ jkollok ċans tieħu ħsiebhom. Importanti li ssibu dak iċ-ċans.
“Dak li jiġri fil-kurrikulu moħbi hu aktar importanti minn dak li ngħidu: il-messaġġ sottili, ir-relazzjonijiet bejn l-għalliema, id-deċiżjonijiet meħuda u l-istutturi.”
It-taħdita taqa’ fuq jekk l-iskejjel Maltin jużawx wisq kotba siguri li ma jinstigawx ħsieb. Eżempju li ssemma’ kien li l-kotba tal-istorja għadhom sal-lum ma jmissux ma’ dik kontemporanja u ma jittrattawx s-snin 70 u 80.
“Nixtieq nemmen li qed inżidu fid-doża tas-sens kritiku. Is-sens ta’ tabù għadu b’saħħtu. Bil-mod il-mod jibda jitkisser imma dan hu proċess. Għalija għalliem ifisser persuna intellettwali u kritika. Ikiddni l-fatt li f’Malta l-korp edukattiv għadu ma evolviex sens politiku qawwi bħal meta qed nitkellmu dwar il-kritika. Min hu fl-edukazzjoni jrid il-ħin kollu jsaqsi. It-tfal għandhom jitrawmu b’din l-għodda.”
“Pereżempju kemm lesti li naċċettaw kritika mingħand it-tfal? L-idea tal-vuċi ta’ min qed jagħmel użu mis-servizz li qed nagħtu. Hemm moviment u fil-pożittiv. Imma allaħares ngħidu li sar hu biżżejjed għax għadna ’l bogħod.”
Mallia jaqbel li l-eżamijiet għandhom jingħataw bl-Ingliż u bil-Malti sakemm ma jkunux tal-lingwi. Jispjega li jekk l-eżami għandu l-iskop li l-istudent juri x’jaf għandu jservi ta’ għodda komunikattiva mhux ikun ta’ xkiel. Jistaqsi wkoll għadniex nagħtu wisq kas ta’ komunikazzjoni bil-kitba meta hemm alternattivi oħra.
“L-eżami tal-liċei fl-iskejjel tal-Gvern hu l-unika triq biex titla’ mill-primarja għas-sekondarja. Jekk tagħżel li ma tagħmlux tiġi ‘relegat’ għal skola sekondarja. Dik hi r-realtà tal-iskejjel tal-Gvern li qed ikollha effett fuq l-iskejjel primarji mir-raba’ sena.
“Aħna l-akbar vantaġġ li għandna hawnhekk hu li għandna l-primarja u s-sekondarja flimkien u tinduna kemm dan l-eżami hu irrilevanti.
Kif jista’ jkun li għad għandna t-tfal li joħorġu illitterati mill-iskejjel?
“Għax il-focus għadu ħażin. Aħna għadna niffukaw fuq il-kontenut aktar mill-ħiliet. Mhux qed inħallu biżżejjed spazju biex nindirizzaw sitwazzjonijiet ta’ tfal partikulari għax dejjem ġej l-eżami. Għandna sistema li tipprova tagħġen lit-tfal biex jadattaw għaliha milli hi titgħaġen skont it-tfal.”
It-taħdita taqa’ fuq il-bżonn li s-suġġett tar-reliġjon jiġi mgħallem b’mod aktar ħolistiku u ma jiffukkax biss fuq ir-reliġjon Kattolika biss. Hu jemmen f’din il-bidla u rrefera għar-rapport li ħarġet il-Kurja dwarha din is-sena.
“Naħseb li hemm bżonn iktar ta’ spazju spiritwali li jista’ jwassal għal esperjenza/i reliġjużi. Meta nitkellmu fuq reliġjon għadna nitkellmu wisq dwar il-fatti b’pappagallati milli l-esperjenza.
“Id-diskussjoni importanti li ssir b’mod assidwu għax qed ngħixu realtà ta’ diversità ta’ reliġjonijiet. Anki fl-iskejjel tagħna ma nistgħux nibqgħu naħarbuha. Filwaqt li jista’ jkollok skejjel li għandhom ethos partikulari xorta għandhom ikunu miftuħin għal nies bi twemmin differenti fil-każ ta’ reliġjon.
“Biex nifhmu lil xulxin għandna bżonn inkunu flimkien u nħabbtu rasna ma’ xulxin. L-isfida u l-kunflitt, li hu importanti nkella tibqa’ fejn int u ma tikbirx.
Jiddiskuti wkoll x’għajnuna għandhom bżonn l-aktar l-għalliema minbarra l-għarfien għal xogħolhom li dejjem qed jitqal minħabba t-tfal li qed ikollhom quddiemhom.
“Ħafna drabi nħarsu lejn l-iskejjel bħala duwa ta’ kull sitwazzjoni li teżisti fis-soċjetà li tagħmel ir-relatà aktar kumplessa u diffiċli. L-appoġġ irid jiżdied partikularment is-sistema ta’ networking bejn l-aġenziji differenti bħall-Appoġġ u s-Sedqa.
“It-tfal huma realtajiet kumplessi li qegħdin jikbru u l-għalliema hemm limitu ta’ x’jistgħu jagħmlu. Biex ikollhom it-tagħlim it-tfal iridu jħossuhom siguri u li huma ndukkrati fl-iskola u fid-dar.”

Intervista

Biex l-edukazzjoni ma tibqax suq tal-bhejjem

Franica Pulis tintervista lil Mario Mallia kelliem tal-AD għall-edukazzjoni



Il Punt
It-turiżmu jista’ jintlaqat mill-bdil tal-klima?
Leo Brincat



Toni u Peppi
Is-sistema tal-ġurija għandha tinbidel?



Carmelo Mifsud Bonnici

Il-vuċi fil-kapitlu



Wensu Mintoff
Pajjiż raħal


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format



Illum Search



 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan