MediaToday

Intervista | 21 ta’ Settembru 2008 Nr 99

Is-sulari politiċi

Julia Farrugia tintervista lil Marthese Portelli

Liebsa libsa sewda qasira maqtugħa b’ċintorin irqiq abjad u żarbun tal-alakka iswed bi trufijiet bojod pariġġ il-libsa, il-mara għandha ċertu faxxinu u stil.
Iżda mhumiex biss dawn l-elementi li jiġbdu l-għajnejn fuq din iż-żgħażugħa ta’ 32 sena imma l-preżenza qawwija li għandha.
Mill-mod kif titkellem Marthese Portelli tarmi kunfidenza kbira li bla ma trid issammrek biex issegwi l-argumenti tagħha.
Imma meta tagħsar u timbotta aktar bil-mistoqsijiet issib li l-mara toħroġ ħelu ħelu mill-argumenti kontroversjali u tistrieħ fuq il-kelma ‘studju’.
Imwielda r-Rabat Għawdex, Marthese hi omm ta’ tifel ta’ sentejn, avukata, Business Development Executive ma’ kumpanija privata, lekċerer, direttur fil-Wasteserv kif ukoll kunsilliera fix-Xewkija, u riċenti l-ewwel mara President tal-Eżekuttiv tal-PN.
F’inqas minn sena kellha toqgħod għal erba’ elezzjonijiet: l-elezzjoni ġenerali, elezzjonijiet tal-kunsilli lokali, dawk tal-eżekuttiv tal-PN u dik ta’ President tal-Eżekuttiv. F’kollha tat wirja tajba anke jekk ma kinitx eletta fl-elezzjoni ġenerali rnexxielha sal-aħħar minuta tissielet għat-tielet siġġu.
Meta nistaqsiha jekk ġietx avviċinata biex tikkontesta għal membru parlamentari Ewropew tfakkarni f’dawn l-erba’ elezzjonijiet u b’sens ta’ ‘isma’ erba’ elezzjonijiet mhux biżżejjed?’ titbissem u tgħidli li direttament mill-partit ma kinitx avviċinata imma kien hemm nies li urew ix-xewqa li toħroġ.
“Onestament, naħseb li minħabba r-riżultat sodisfaċenti li kelli fl-aħħar elezzjoni ġenerali, kif ukoll fl-elezzjonijiet tal-kunsilli, għandi nibqa’ noffri s-servizzi tiegħi hawn,” tkun it-tweġiba.
“Meta toħroġ toħroġ biex titla’ imma llum meta nħares lura ngħid li aħjar hekk. Għax bħal meta dar tibniha bil-pedament imbagħad tibqa’ tiela s-sulari, l-istess il-karigi politiċi,” tistqarr il-mara.
Portelli titkellem dwar l-isfidi ta’ mara li minkejja l-karriera trid trabbi familja u trid tikseb suċċess fl-istrutturi politiċi.
“Il-bażi ta’ kollox hi d-determinazzjoni u l-ambizzjoni. Jekk ma jkollokx dawn ma tasalx. Però għandi appoġġ kbir mhux biss mir-raġel li jgħini anki f’affarijiet tad-dar li ġeneralment assoċjati man-nisa, imma wkoll il-familjari u l-ġirien.”
Din tal-ġirien xi ħaġa ħelwa u tixhed il-fibra soċjali fl-irħula Maltin. Tiżvela li fl-elezzjoni l-ġirien tagħha kienu t-tieni baby sitter għat-tarbija tagħha biex hi u żewġha jagħmlu l-house visits.
“Nixtieq li ħafna aktar kumpaniji jaddottaw il-kunċett li sibt fuq il-post tax-xogħol tiegħi. Stajt ma nersaqx lejn l-uffiċċju matul il-ġurnata u ntella’ x-xogħol bil-lejl.” Tagħmilha ċara li din tal-kwoti ma tinżlilhiex.
“Jien dejjem nagħmilha ċara li rrid nitla’ bil-ħila tiegħi u mhux bil-kwoti,” u tistqarr li għandu jasal żmien li meta jgħaddi ż-żmien wieħed għandu jirrevedi jekk il-kwoti għandhomx jibqgħu hemm.
Nistaqsiha x’tifhem b’Għawdex bħala eco-island, proposta mill-manifest elettorali tal-PN.
“Il-kunċett hu vast ħafna. Tibda minn sempliċi ndafa fejn irridu nbiddlu l-kultura tan-nies, għall-użu ta’ materjal favur l-ambjent anki jekk mal-ewwel daqqa t’għajn hi spiża akbar. Meta konna żgħar kellna reklam li jgħid ‘kull qatra tgħodd’. Illum x’għandna nagħmlu?”
Nistaqsiha x’inhuma l-aktar fatturi li jilmentaw dwarhom l-Għawdxin dwar meta tkun iddur Għawdex.
“Wieħed mill-fatturi ewlenin hu aktar xogħlijiet, f’Għawdex stess.”
F’Għawdex il-qagħad jibqa’ persistenti. Tinkwetak din is-sitwazzjoni?
“Qatt m’għandna biżżejjed. Jien ma nikkuntenta qatt, meta nilħaq mira rrid waħda akbar minnha. Din tattika li nuża f’kull qasam ta’ ħajti nkluż biex navvanza fil-karriera. Għandna ammont kbir ta’ Għawdxin li ġew jaħdmu Malta għax ma sabux dak ix-xogħol f’Għawdex u nemmen li meta Għawdex tiġi eco-island se tikkontribwixxi biex jinħoloq ix-xogħol.
“Meta dan il-proġett isir se jkun hemm bżonn minn blue collar workers sa professjonijiet oħra, cleaners, waiters, drivers, sales people, managers, avukati, periti, inġiniera…”
Inwaqqafha u nistaqsiha meta timmaġina li eco-island tkun titlesta.
“Jien dejjem ngħid il-bieraħ qabel illum imma rridu nkunu realistiċi. Il-Gvern naħseb li addotta politika tajba li jagħmel diskussjonijiet intensi biex meta jiġi varat ikun varat tajjeb. Żgur li sal-2015 parti minn eco-island tkun qed taħdem.”
Marthese Portelli temmen li Għawdex għandu jkun reklamat bħala prodott differenti minn Malta b’enfasi fuq it-turiżmu tal-isports, dak tas-saħħa u l-agro turiżmu. Tinsisti fuq il-possibbiltà li f’Għawdex jibdew imorru timijiet kbar tal-futbol.
Taqbel ma’ korsa tal-golf f’Għawdex?
“Wieħed irid jara l-impatt tagħha. F’dan l-istadju ma nixtieqx ngħid iva jew le. Wieħed irid jagħmel studju u jekk jara li se jkun hemm impatt pożittiv ngħid iva jekk bil-maqlub ngħid le.”
Taqbel mad-dħul tad-divorzju f’Malta?
“Id-divorzju kwistjoni sensittiva ħafna.Wieħed irid jagħmel studju u evalwazzjoni tajba. Jien nemmen li l-familja m’għandniex inkissruha imma min kien sfortunat għandna nsibu rimedju għalih. M’hemmx bżonn ikun id-divorzju. Nemmen li jrid isir studju tajjeb fejn ninvolvu esperti minn oqsma differenti u nisimgħu l-effetti differenti speċjalment fuq it-tfal.”
Nistaqsiha jekk f’suġġett li jolqot direttament liċ-ċittadini u mhux lill-Knisja jew lill-Gvern direttament wasalx iż-żmien li nagħtu din l-għażla direttament f’idejn il-poplu.
“Jien ma nixtieqx nara sistema fejn għal konvenjenza biex indaħħlu ċertu income żejjed ejja niddivorzjaw.”
Imma Portelli tiddejjaq li min għandu l-flus qed iġib divorzju minn barra u min m’għandux il-mezzi jibqa’ mwaħħal fl-istess ħofra?
“Ma nistax ngħid li din ma ddejjaqnix. Ma jfissirx li minħabba dan jien naqbel li jidħol id-divorzju.”
Targumenta li wieħed irid jevalwa s-sitwazzjoni tat-tfal. “Bħala avukata ġieli nara separazzjonijiet fejn ġenituri jikkoperaw imma għandek numru qawwi li jisseparaw b’tali mod li jbatu t-tfal,” twieġeb Portelli.
“Rajt affarijiet negattivi fil-proċess tas-separazzjonijiet. Nixtieq li kulmin ikollu żwieġ isib metodu fejn isib ħajja feliċi imma mhux għall-prezz tat-tfal. Inħoss li l-partijiet m’għadhomx jerfgħu r-responsabbiltà kif kienu qabel. Mal-inqas ġlieda ejja nisseparaw u dik l-attitudni ddejjaqni.”
Imma din is-sitwazzjoni mhux diġà teżisti bis-separazzjonijet u annullamenti li qed jingħataw f’Malta?
Skont hi l-element tat-tfal xorta qiegħed hemm. “Imma f’każ ta’ ġenituri annullati t-tfal meta tispjegalhom jifhmu. Irridu noqogħdu attenti li ma nagħmluhiex aktar faċli għal min ma jridx jassumi r-responsabbiltajiet matrimonjali.”
Nitkellmu dwar iż-żgħażagħ. Tiddikjara li taqbel dwar l-importanza li sa minn età żgħira t-tfal għandhom ikunu nvoluti fil-preżent u fil-futur ta’ pajjiżna. Iżda għall-mistoqsija ta’ jekk allura taqbilx mal-proposta tal-mexxej Laburista li żgħażagħ ta’ 16-il sena jingħataw id-dritt tal-vot titbissem u b’makkekerija politika tmur mill-ewwel fuq id-difiża.
“Biex inkunu korretti dik il-proposta saret mill-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista. Iridu jsiru l-istudji dettaljati,” tkun it-tweġiba xotta.
L-ambjent. Hemm min jargumenta li la l-Prim Ministru ħa l-MEPA f’idejh, qabad il-barri minn qrunu għax se jagħmel dak li l-ministri li ħatar qabel fuq dan ix-xogħol m’għamlux.
“Le, ma naqbilx,” twieġeb fil-pront. Meta nsemmu l-ambjent hemm firxa wiesa’ ta’ affarijiet x’jikkontribwixxu għall-ambjent. Hemm issues li ġew tackled. Nafu li kien hemm problema bil-MEPA u l-Prim Ministru ddeċieda li jaqbad lilha. Fil-passat kellna diversi qabżiet pożittivi fuq l-ambjent.”
Minn stħarriġ li sar mill-MaltaToday instab li 43.7% l-aktar li jafdaw hu lil Joseph Muscat filwaqt li 30.8% jafdaw lil Gonzi. Din hi xejra ġdida meta mqabbel kemm kien b’saħħtu Gonzi kontra Sant. Jinkwetaha dan il-fattur?
Għajnejha jleqqu u titkellem b’ċerta kburija. “Jien għandi fiduċja kbira fil-kap tagħna. Dejjem wettaq dak li wiegħed. Jolqotni ħafna meta l-Prim jgħid ‘iġġudikani mhux fuq dak li ngħid imma fuq dak li nagħmel.’ U naħseb dak għandu jkun il-metodu li bih għandi niddeċiedi. Bħala partit jien naf x’viżjoni għandna. Ix-xogħol qiegħed jitwettaq u in the long term naraw min se jkun qiegħed iwettaq.”
Is-suġġett jistrieħ fuq il-fattur tal-immigrazzjoni. Kemm hu nkwetanti l-influss dejjem jikber ta’ persuni ġejjin f’Malta minn pajjiżi oħra? Temmen li l-Unjoni Ewropea għandha tagħmel aktar? Jew hi problema li trid tissolva mill-Gvern Malti?
“Ikun jigdeb jekk xi ħadd jgħid li mhix inkwetanti. Però wieħed irid jieħu konsiderazzjoni wkoll li l-media dejjem tagħmel agħa fuq kemm qiegħdin jidħlu immigranti. Irridu nżommu f’moħħna wkoll li hemm numru sostanzjali minn dawn in-nies li jkunu daħlu u jerġgħu jintbagħtu lura.
“Fuq livell Ewropew nemmen li għandna nibqgħu niddiskutu u nkomplu nagħmlu l-pressjoni tagħna biex kemm jista’ jkun insibu l-għajnuniet.”
Temmen imma li l-Unjoni Ewropea qed tagħmel biżżejjed?
“It is never enough!”
Inkompli nissikkaha.
“Veru li għandna problema mal-pajjiżi minn fejn qed jitilqu dawn l-immigranti. Nemmen li għandna naħdmu u nkomplu nisħqu biex kemm dawn il-pajjiżi jagħtuna l-għajnuna tagħhom u iva wkoll l-Ewropa,” twieġeb.
Kif tħares lejn il-fatt li minkejja li l-prezz taż-żejt niżel għal $106 is-surcharge tħalliet bil-95 fil-mija. Taħseb li din hi nġusta?
“Wieħed irid iżomm f’moħħu li meta jinxtara ż-żejt iż-żejt jinxtara wkoll għall-ħażna. Jista’ jkun li ġieli nxtara żejt meta l-prezz kien ogħla minn dak li qiegħed illum.”
U skont hi meta għandu jinżel il-prezz tas-surcharge?
“Żgur li ma nistax ngħidha jien għax fl-ekonomija m’iniex esperta. Dik inħalluha għall-esperti,” tkun ir-risposta.
Iżda tirrikonoxxi li s-soprataxxa hi piż kbir fuq il-familji?
Għall-ewwel ikun hemm waqfa ta’ riflessjoni. Imbagħad tgħid: “Ħa ngħidlek. Kulmeta se tħallas iżjed, il-but, iva, se jħossha. Però wieħed irid jara l-effetti li se jkun hemm. X’nagħmlu nħallu s-surcharge jew nagħmlu s-sussidju. Kif nifhimha jiena, jekk nagħtu s-sussidju mela jien lin-nies qed ngħidilhom ‘taħli kemm taħli ilma u taħli kemm taħli dawl jien se nħallaslek dan l-ammont.’ Fejn hu l-inċentiv li lill-poplu tagħna nibnulu l-kultura u l-mentalità ħalli jiġi pari passu ma’ l-ambjent sostenibbli li qed insemmu?”
Suġġett ieħor sensittiv hu l-għoli tal-ħajja. In-nies qed timmaġina meta tgħid li l-ħajja għoliet?
“Jien niltaqa’ ma’ ħafna nies u onestament ma tantx niltaqa’ ma’ nies li jgorru dwar l-għoli tal-ħajja. Ovvjament se jkun hemm min igorr u hemm wieħed irid jevalwa u jara d-dħul u l-ħruġ ta’ dawk il-persuni partikolari.
“Se jkun hemm min jiġi affettwat bl-għoli tal-ħajja imma din teżisti fid-dinja kollha, f’kull pajjiż u f’kull soċjetà. Dejjem se jkollok xi ftit persuni li se jintlaqtu bħal f’kull deċiżjoni oħra li tittieħed,” targumenta Portelli.
Nistaqsiha x’taħseb dwar il-każ Jeffrey Pullicino Orlando. Donnu li l-PN għadu mtebba’ b’dak l-avveniment. Taqbel ma’ Joe Saliba u Simon Busuttil li qalu li kieku kienu huma fiż-żarbun ta’ Pullicino Orlando kienu jirriżenjaw?
Quddiemi nsib blata li ċċedi biss wara xi tliet mistoqsijiet.
“Jien ma naħsibx li għandi nidħol fil-merti tal-każ ta’ Pullicino Orlando,” twieġeb wara ftit.
Imma kieku kienet hi f’dik is-sitwazzjoni kienet tirriżenja biex ma tittappanx l-immaġini tal-partit?
“F’dan l-istadju diffiċli ngħid x’kont nagħmel għax trid tevalwa s-sitwazzjoni. Kull persuna għandha l-karattru tagħha differenti. Kull persuna tara l-affarijiet minn lenti differenti u għalhekk ġieli l-istess sentenza tkun interpretata b’mod differenti,” tkompli Portelli.
Nerġa’ nressaqha lejn il-mistoqsija oriġinali: kieku hi kienet tirriżenja?
“Knowing myself and knowing my character, jiena bħala Marthese Portelli naħseb li kont nirtira l-kandidatura tiegħi mill-elezzjoni. Din hi l-opinjoni personali tiegħi u qed ngħidha llum x’ħin qed naħseb mingħajr ma għandi gazzetti, mingħajr ma naf il-qofol veru tal-każ x’kien. Jien ma nafx dak kollu li jaf Jeffrey! Qatt ma kont f’moħħu u qatt ma nista’ nkun f’moħħu.”
Il-PN fil-kampanja elettorali wiegħed li fl-ewwel baġit wara li jitla’ jnaqqas it-taxxa tad-dħul minn 35 fil-mija għal 25 fil-mija. Issa l-Gvern qed jagħti x’jifhem li diffiċli li dan il-pass isir. Kif se jiġġustifika dan il-punt mal-elettorat? Wara kollox meta saret din il-wegħda l-Partit Nazzjonalista kien konxju tas-sitwazzjoni internazzjonli fosthom dwar il-prezz taż-żejt u ċ-ċereali.
“Meta l-partit ħareġ b’din l-idea l-partit kien jaf bil-qagħda preżenti tal-pajjiż. Illum nafu li żvolġew affarijiet oħra fosthom skemi differenti tat-Tarzna, il-prezz taċ-ċereali…”
Inwaqqafha u nfakkarha li l-problema taċ-ċereali kienet diġà hemm f’Marzu li għadda.
“Imma riċentament il-prezzijiet għolew aktar,” issostni.
“Veru naf li din tal-income tax kienet proposta ewlenija imma naħseb li jkun pass għaqli li wieħed jevalwa s-sitwazzjoni. Jekk jara li t-tnaqqis għal 25 fil-mija tkun ta’ aktar ħsara għall-pajjiż milli kieku ma ssirx u jittieħdu dawk id-deċiżjonijiet opportuni. Jekk maż-żmien is-sitwazzjoni tal-pajjiż tinbidel nistgħu nagħmlu tajjeb għaliha fis-snin li ġejjin,” tispjega l-mara.
“Jien ma nemminx li biex int issalva wiċċek u tibqa’ tidher sabiħ u ħadd ma jikkritikak għandek tieħu deċiżjoni li taf li mhux se tkun fl-interess tal-pajjiż. Jien inqisha bħala pass kuraġġuż ħafna u ta’ responsabbiltà kbira li kieku l-Gvern kellu jiddeċiedi li għall-ġid tal-pajjiż ma nistgħux innaqqsu t-taxxa għalissa.”
Lura għall-ħatra ta’ mexxej Laburista ġdid.
“Li kieku Joseph Muscat kellu jaddotta dak li qiegħed jgħid to the full, naħseb li jkun għall-ġid tal-pajjiż. Dan qed ngħidu għax naf li bħala partit aħna miftuħin għas-suġġerimenti. U għalhekk li ilhom li bdew il-konsultazzjonijiet pubbliċi biex nisimgħu u nisimgħu ideat ġodda.
“X’hemm isbaħ milli jkollok Gvern u Oppożizzjoni li joħorġu b’dokument finali maqbul bejn iż-żewġ partijiet għall-ġid tal-pajjiż kollu?
Bħala żagħżugħa trid tiddisassoċja ruħha minn stili antiki ta’ “aħmar biss tajjeb” jew “blu biss tajjeb”?
“Iva. Dak hu l-istil ’il quddiem fil-politika u mhux x’naħseb jien biss imma x’jemmen fih il-partit tiegħi.”
Inpoġġilha quddiemha xenarju ieħor. Qabel l-MLP kellu lil Alfred Sant li tilef numru ta’ battalji wara xulxin. Il-fatt li issa hemm wiċċ ġdid, taħseb li din id-darba l-PN se jkollu aktar fuq xiex jaqdef u ma jieħu xejn forgranted?
“Qatt ma tista’ tieħu xejn forgranted. Il-Partit illum qiegħed hemm fil-Gvern biex iservi lill-poplu. Il-mira tiegħu trid tkun ‘qiegħed hemm biex inservi lin-nies u mhux biex nirbaħ l-elezzjoni.’
“Ovvjament minn naħa ta’ partit nixtiequ li terġa’ tintrebaħ l-elezzjoni ġenerali mill-PN però aħna our main concern bħala partit hi kif Malta se titmexxa aħjar.”

Intervista

Is-sulari politiċi

Julia Farrugia tintervista lil Marthese Portelli



Il Punt
Riforma fis-sistema elettorali
Carmel Cacopardo



Toni u Peppi
L-għan primarju tat-televixin hu li jeduka jew li jiddeverti?



Emmanuel Micallef
Viżjoni 2015 jew ħolma 2008?


Carmelo Mifsud Bonnici

Għandna nħarsu fit-tul



Wensu Mintoff
Friefet


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format



Illum Search



 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan