MediaToday

Wenzu Mintoff | 14 ta’ Settembru 2008 Nr 98

Kwakki

Jum fost l-oħrajn f’dan is-sajf infernali li għaddejjin minnu, kont qed niżżappja, xejn pastaż fejn sejjer b’rasek, naqleb minn stazzjon għal ieħor forsi neħel ma’ xi ħaġa interessanti, imqar għal ħames minuti. Fuq stazzjon lokali nara xena li qabditni ħafna kurżità u ħlewwa ta’ qalb fl-istess ħin. Folla ta’ nies bilqiegħda, xjuħ, żgħażagħ u anki tfal, mhux waħdiet imma mijiet fi pjazza mdaqqsa għad-dawl ta’ qamar.
Ragel imbaċċaċ, liebes l-iswed minn fuq s’isfel, qisu qassis imma mhux. Jismu Edward imma m’għandu x’jaqsam xejn ma’ dak li jiffrekwenta Sant’Anton. Warajh żewġ kurċifissi. Wieħed enormi, l-għuda waħedha, u ieħor ta’ daqs iżgħar bil-figura ta’ Kristu msallab imnaqqxa b’mod mirqum. Fis-sotto-fond leħen serafiku ta’ tfajla gustuża, għad-daqq tal-kitarri u tal-orgni elettriku, tosanna lill-ħallieq b’kant li jqanqal il-miġemgħa.

3-in-1
Xejn ta’ barra minn hawn. Tant hu hekk li erġajt għaddast rasi fi ktieb ma jispiċċa qatt dwar il-ħajja politika mqallba ta’ Boris Yeltsin. Sakemm fid-daqqa u l-ħin waqaf il-kant u d-daqq. Jieħu l-kelma Edward, li minn issa ’l quddiem ħa l-qagħda ta’ profeta, professur tal-mediċina u showman: 3-in-1.
“Fostna hawn xi ħadd li daħal hawnhekk b’uġigħ kbir fl-imsaren u issa m’għadux iħoss dan l-uġigħ. Jagħmlilna sinjal b’idejh, ma jiddejjaq xejn jurina min hu, ħa nfaħħru lill-Mulej u nirringrazzjawh ilkoll flimkien.”
Wara li jirrepeti dan l-appell għall-imqar darbtejn, tliet darbiet oħra sakemm jgħolli subgħajh xi ħadd mill-folla. Il-profeta Edward ħass li kellu għalfejn jippreċiża li d-don tal-fejqan mhux ġej minnu imma minn xi ħadd ikbar minnu. “Praise the Lord” u l-miġemgħa li ġo nofsha kien hemm anki soru bil-kappun, tinfexx f’delirju ta’ ċapċip.
Li ma deherx fuq it-televixin kien id-dettall żgħir imma importanti li dak ir-raġel li kellu problema b’imsarnu, vera għolla subgħajh kif qal Edward, imma mhux biex jikxef sormu quddiem pjazza mimlija nies imma biex imur it-toilet għax hemm ikollu bżonn imur min ikollu uġigħ f’imsarnu.
Sal-iċken dettall f’dan ir-rakkont ta’ x’rajt fuq l-iSmash il-Ħadd wara nofsinhar li għadda hu veru, għajr għall-ħlieqa tal-“Please may I go inside?!”. Ċajt apparti, li tassew impressjonani f’dak li rajt fuq is-Smash, żgur ma kienx Edward imma d-dmugħ tal-uġigħ u t-tbatija tan-nies li mifluġa kif ikunu bi problemi tal-mard ikunu lesti li jerħu rwieħhom f’idejn kulmin huma jaħsbu li jista’ jgħinhom. Anki f’idejn l-ikbar imposturi.

Konċilju
Kien hawn żmien meta l-Knisja f’Malta u barra kienet faret bil-ġid tal-fidili fil-veru sens tal-kelma għax kienu jerħulha ġidhom bit-tama li jsalvaw rwieħhom. Kien jitħallas ħafna quddies u jingħataw l-indulġenzi plenarji biex dak li jkun ma jibqax jinħaraq u jitbaskat qalb l-ilsna tan-nirien tal-purgatorju.
Min kien ta’ fuqu senduqu u ma kellux ġid xi jħalli u mnejn iħallas quddies tal-erwieħ, tgħidlix x’kien jiġri sewwasew minn ruħu għax ma nafx. Imma bil-miġja tal-Konċilju Vatikan it-Tieni ’il quddiem saret biżżejjed li tindem ġenwinament fl-aħħar nifsijiet ta’ ħajtek u dnubietek ikunu maħfura u ruħek salvata. U allura la għad hemm bżonn ta’ indulġenzi plenarji u wisq anqas ta’ quddies tal-erwieħ ħlief bħala pocket money għall-monsinjuri u r-reverendi prelati.
Appropożitu, din tal-quddies tal-erwieħ kien qabad magħha l-Gvern tal-Perit Mintoff u ta’ Karmenu Mifsud Bonnici tal-bidu tas-snin 80 u bħal fil-każ ta’ bosta affarijiet oħrajn, fit-teorija kellhom raġun imma fil-prattika kienet ġennata liema bħalha li jaqbdu ma’ kwistjoni sensittiva bħal din li tidħol fir-ruħ ta’ ħafna Malta u Għawdxin.
Fi kwalunkwe każ dak il-Gvern kien zopp u mnejjek għal iktar minn raġuni waħda u qajla seta’ jipponta subgħajh lejn ħaddieħor, wisq anqas fuq ħwejjeġ tar-ruħ imħalltin ma’ tal-ġisem. Wara kollox l-affari tal-indulġenzi kienet ix-xintilla li rewwaħ fuqha Martinu Luteru fis-seklu 16 u li eventwalment wasslet għax-xiżma bejn il-Knisja Kattolika u l-Knisja Protestanta.

Tal-Grazzja
F’jum il-festa għażiża ħafna għalija ta’ “Marija bil-grazzja mimlija”, ma nistax ma niftakarx f’dawk iż-Żabbarin kollha li meta ġew biex jinkurunaw il-kwadru tagħha fl-1951, ftit snin wara li kienet spiċċat il-Gwerra, xtaqu jagħtu ġidhom għal din l-opra. Imma meta daħħlu jdejhom fil-but sabuh qoxqox.
Immnalla kienet il-ħila persważiva tal-famuż kappillan Dun Ġużepp Zarb, li fis-Sebgħinijiet kien anki investa flus in-nies f’fabbrika tal-bully beef li falliet. Il-kappillan Zarb irnexxielu jipperswadi lil ħafna parruċċani, inkluża nannti Marija, li ma kellhomx għaxja ta’ lejla biex jiċċaħħdu mill-ħajta deheb li kellhom biex idewbuh ħalli minnu jagħmlu kuruna fuq ras il-Madonna u oħra fuq ras il-Bambin.
Għall-istess okkażjoni ta’ l-inkurunazzjoni mill-Arċisqof Gonzi, il-kappillan Zarb kien ordna sett linef il-ġmiel tagħhom. Imma x-xitan m’għandux ħalib u jagħmel il-ġbejniet. Għax kif smajt minn fomm l-istudjuż Tony Terribile fuq Radju Hompesch l-Erbgħa li għaddew, minħabba xi raġuni jew oħra, waħda mill-linef tal-kappillan Zarb, ma nafx hux tax-xellug jew il-lemin, ħadet in-nar wara li żviluppa ħruq fiha.

Edward the Magician
Imma għal mument ħallina minn dan kollu u nerġa’ lura għad-dehriet ta’ ċerti profeti foloz, kwakki u esibizzjonisti, li mhux biss jiddandnu b’doni sopranaturali li m’għandhomx imma agħar minn hekk iperrċu t-tbatijiet u l-uġigħ ta’ nies vulnerabbli quddiem il-kameras tat-televiżjoni.
Ħin minnhom waqt ix-show ta’ Edward the Magician, joħorġu żewġt iqriemeċ żgħar imbuttati minn nannithom, li bdew jitqanfdu ma’ kuxxtejh u jitolbuh bil-ħniena biex jintereċedi f’isem il-mummy tagħhom li kienet marida.
F’dak il-mument ta’ ewforija kollettiva, Edward kemm kemm ma bediex jistħajjel lilu nnifsu bħal Kristu meta qal ‘Erħu t-tfal jiġu għandi’. U biex ikompli jżid mal-ispettaklu, ressaq il-mikrofonu ma’ ħalq dawn it-tfal biex jismagħhom u jarahom kulħadd ma’ Malta kollha. U addio liġijiet tad-data protection u tal-ħarsien tad-drittijiet tal-minorenni!
Għandi l-impressjoni, ma nafx jekk taħsibhiex bħali, li minkejja li aħna suppost nies ta’ fidi kbira u soda, aħna iktar suġġestjonabbli u impressjonabbli minn popli oħra biex naslu biex nerħu rwieħna f’idejn imposturi, kwakki u profeti foloz ta’ kull xorta.
Forsi għax bħala pajjiż għandna storja twila ta’ ħakkiema barranin u ta’ kolonjaliżmu militari, anki jekk mhux fost l-aktar kattiv u aħrax, għandna ħabta li nerħu rwieħna faċilment f’idejn ħaddieħor.
Għamilna żmien konna nitqabdu bejnietna fuq jekk kienx bil-ħila tal-‘Indipendenza’ jew tal-‘Ħelsien’ li sirna ‘rajna f’idejna’, meta ħafna minnha għadhom jerħu rwieħhom f’idejn ħaddieħor, f’idejn min jimmanipula l-imħuħ u min jisfrutta d-dgħufija u t-tjubija ta’ ħaddieħor.
Fatalisti u nirrassenjaw irwieħna malajr. Qajla neżistu bħala soċjetà ċivili ’l barra mill-gaġeġ li jaqfluna fihom dawk li għandhom is-setgħa li jwasslulna l-‘verita’ li taqbel lilhom.
Qabel ma nrawmu fina nfusna l-ħila li nqumu u nissieltu għad-drittijiet tagħna u ma nħallu l-ħadd ipoġġilna l-bżieq fuq imneħirna, mhux biss meta tkun waslet xi elezzjoni importanti, imma matul il-ħames snin kollha tal-leġislatura, il-ħasra hi li dan se jibqa’ pajjiż fejn l-imposturi jixxalaw u jagħmlu li jridu bina.

 

Nostalġija ta’ libertà

Franica Pulis tintervista lil Suzan Sahori mill-Palestina


Editorijal
Nisrani u sekulari


Il Punt
Bejn Obama u McCain
George Vella



Toni u Peppi
Għandu għalfejn jinkwieta?



Carmelo Mifsud Bonnici

Qed niftħu dak li deher magħluq



Wensu Mintoff
Kwakki


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan