Toni u Peppi | 14 ta’ Settembru 2008 Nr 98
Il-kejl. Il-kejl kollox u għal dawn l-aħħar 25 sena tlifna l-kejl kollu. Dak li r-Rumani, għalkemm pagani, kienu jsejħulu “modicum”. Ilna snin inkejlu lilna nfusna, mhux minn aspett kwalitattiv iżda minn wieħed kwantitattiv.
Drajna nkejlu s-suċċess soċjali u ekonomiku bir-riga konsumista. Aktar ma jkun hawn karozzi fit-triq, aktar minn karrozza għal kull adult. Aktar ma nimpurtaw “white goods” u aktar ma nidħlu f’dejn ma’ banek tant li llum id-dejn mal-banek tela’ għal Lm800,000 miljun lira antika minn Lm250 miljun fis-sena 2001, akbar huwa s-suċċess tas-soċjetà. Kejl li fil-fehma tiegħi daħħal drawwa konsumista ta’ ixtri u armi.
Mil-banda l-oħra l-kejl kwalitattiv kien nieqes għal kollox. M’għandniex ħin ta’ kwalità għalina u għall-familja tagħna għax irridu nlaħħqu mal-infieq. Poplu fost l-anqas li jaqra u jattendi għal attivitajiet kulturali ta’ vera. Fi ftit ħin għandna ħin għal kollox minbarra għalina nfusna u għall-familja. Platitudnijiet politiċi bħal “ Ħalluhom ħa jogħlew il-prezzijiet “ jew “ Money no problem” huma indikattivi ta’ mudell politiku li jirriflettu kultura ta’ infieq u konsum.
Ma fhimniex u għadna m’aħniex nifhmu li livell ta’ għixien għoli ma jfissirx neċessarjament kwalità ta’ ħajja tajba. L-eluf ta’ mobiles fl-idejn, eluf ta’ karrozzi fit-toroq u djar mimlijin bħal bajda b’kull xorta ta’ oġġett frivolu u mingħajr bżonn, mhumiex il-garanzija ta’ ħajja ħienja għalkemm ifissru aktar kumdità.
In-nuqqas ta’ serenità u stabbiltà soċjali jidhru miċ-ċifri ta’ separazzjonijiet li qegħdin isiru, minn koppji li jgħixu barra ż-żwieġ u tfal jitwieldu mingħajr ma jafu lil missierhom. Wieħed minn kull tlett itfal jitwieldu minn omm mhux miżżewġa.
Qegħdin ngħixu f’soċjetà postmoderna (hawn min jgħid postpostmoderna) mingħajr ma nafu. Għaddejna minn żmien fejn l-Istat kien jiddetta kollox għal żmien li tfixkilna f’żewġ kelmiet: il-libertà, li hi proċess politiku b’kontenut etiku qawwi, u l-libertinaġġ, li hu stat fejn l-eżerċizzju bla qies tal-libertà jġib miegħu eċċessi li joħolqu problemi għas-soċjetà bħalma huma vizzji sekondarji, aktar infieq f’servizzi soċjali u ġenerazzjonjiet li lill-ħajja jeħduha b’mod superfiċjali mingħajr ma jfittxu x’inhuma l-vera prijoritijiet. B’hekk kollox isir disponibbli u għar-rimi wara l-użu. Fi ftit kliem ir-relattiviżmu. Ma nafx jekk il-Papa Benedittu kienx qiegħed jagħmel referenza għal dan kollu kull meta għamel użu minn din il-kelma.
Dan iġib miegħu xenarju soċjali fejn xejn ma jibqa’ sagru. Iż-żwieġ mhu xejn u jista’ jinħall b’daqqa ta’ pinna. Il-ħajja hija xkiel u noqtlu fil-ġuf dak li jekk jitwieled itellfilna l-pjani ta’ ħajjitna. Ikollok relazzjoni ma’ persuna oħra barra l-qafas legali biex x’ħin trid tparpar mingħajr ebda obbligi. Fi ftit kliem, il-ħwejjeġ li għandhom valur intrinsiku jistgħu jintremgħu bħal karrozza li tiqdiem, mobile li għamel żmienu u kull oġġett ieħor li għandu ħajja qasira ta’ konsum.
Aħna ma konniex kapaċi biex nassimilaw bil-mod u bil-kejl il-kultura konsumista. Ma għaddejniex minn dak li stadju ta’ tagħlim soċjali biex minn minn soċjetà konvenzjonali ngħaddu għal waħda postmoderna. Qbiżna stadju importanti tal-iżvilupp. Biex ninftiehem aħjar, ġralna bħal dak il-bniedem li minn tifel sar adult mingħajr qatt ma kien żagħżugħ. Allura ħloqna fis-soċjetà abnormalitajiet u diskrepanzi soċjali li llum qegħdin insibuha diffiċli biex nomogħduhom għax m’humiex kompattibbli mat-tagħlim tal-Knisja.
Il-Knisja damet biex tirreaġixxi u meta konna qegħdin mexjin f’direzzjoni ħażina waqgħet muta u ma qalet xejn. Issa trid li l-affarijiet ma jibqgħux sejrin hekk. Wisq nibża’ li issa tard wisq. Ma rridx inkun fatalista iżda ma tistax titkellem kontra istituti sekulari u tħalli barra l-eluf ta’ nies fil-kantina soċjali riżultat ta’ pjan ħażin. L-eluf ta’ koppji li jixtiequ jiżżewġu, ma tistax tgħidilhom li mhux se tagħtihom dan iċ-ċans għaliex m’għarfux jimxu mal-valuri nsara. Aħna lkoll ħatja tat-tkissir ta’ dawn il-valuri. L-Istat għax ma rax fit-tul u l-Knisja għax kienet kompliċi fis-silenzju.
Jekk nieħdu l-kwistjoni tad-divorzju, il-Knisja kellha kull ċans tgħid il-fehma tagħha. Mhux talli ma għamlitx hekk talli kellha l-opportunità li titkellem kontra l-ipokrezija u ħalliet kollox għaddej. Meta fl-1995 intlaħaq il-ftehim bejn l-Istat u l-Knisja tħalliet l-anomalija li żewġ Maltin għax għandhom il-mezzi jistgħu jġibu divorzju minn barra, iżda mhux hekk għal tnejn li ma għandhomx mezzi iżda qegħdin Malta.
Meta l-Partit Nazzjonalista ppropona li jilleġittima r-relazzjoni ta’ tnejn barra ż-żwieġ, ma smajt l-ebda omelija tikkundanna dan. Irid nagħmilha ċara li jien kontra li nibqgħu nemarġinaw lil dawn il-koppji. Meta dħalna fl-Unjoni Ewropeja, fejn 95% tal-pajjiżi għandhom id-divorzju, ħadd ma nsista li għandu jkollna protokoll fuq dan l-aspett, bħal ma korrettament għamilna fil-każ tal-abort. Għalkemm anke bil-protokoll ma tista’ qatt tgħid x’tista’ tagħmel il-Qorti Ewropea. Iżda minbarra dan kollu qed ngħixu f’dinja fejn id-drittijiet fundamentali tal-bniedem dejjem qed isiru aktar sofistikati minn kif kienu l-bieraħ. Ir-rikonoxximent ta’ żwieġ bejn koppji tal-istess sess, jekk mhux ukoll id-dritt tagħhom li anke jadottaw it-tfal; id-dritt li transesswali jiksbu l-femminalità tagħhom bir-rikonoxximent tal-Istat u anke forom differenti ta’ familja, saru l-ordni tal-ġurnata fl-aktar pajjiżi avvanzati. Stramberija kbira, li dak li jridu l-Isqfijiet illum, insibuh f’dawk il-pajjiżi li għadhom inqisuhom lura u retrogradi. Din hija kontradizzjoni globali.
Ħafna drabi s-sekulariżmu huwa sinonimu ma’ dawk in-naħat tad-dinja fejn hemm l-aktar ġid materjali u fejn l-ordni tradizzjonali sfaxxa għal kollox. Mentri l-ordni u l-valuri assoluti nsibuhom l-aktar f’dawk il-pajjiżi fejn ma għandekx il-pluraliżmu demokratiku.
Ma rridx ninftiehem li jiena favur dawn is-sistemi. Iżda sa issa ma jidhirx li nstabet il-formula t-tajba biex flimkien mal-progress nikkonservaw il-valuri insara mingħajr ma naqgħu f’kontradizzjonijiet. Minbarra dan il-Knisja tilfet l-axxendent politiku tagħha li tinfluwenza l-għażla tal-Gvern. Fil-fatt Zapatero fi Spanja kemm-il darba sfida t-tagħlim tal-Knisja b’liġijiet kontroversjali u xorta sab lill-Partit tiegħu fil-Gvern.
Għalhekk il-kwistjoni tas-sekulariżmu fid-dinja huwa bil-wisq aktar kumpless minn meta kien hawn Napuljun jew sar il-Konkordat bejn Mussolini u l-Papa. Ix-xenarju nbidel għal kollox b’mod speċjali meta niftakru li gvernijiet moderni ma għadx għandhom is-seduzzjoni li kellhom gvernijiet oħra żmien ilu. Minbarra dan proposti sekulari ġieli anke jiġu minn bnadi fejn tradizzjonalment il-Knisja dejjem sabet appoġġ. Ma nafx li John Dalli huwa Ministru Laburista !
Il-Knisja trid tifhem li l-affarijiet setgħu kienu aħjar, iżda mhumiex. Trid tifhem ukoll li filwaqt li ħadd ma għandu jkasbar it-tagħlim tagħha mhux sewwa li tipprova tuża l-influwenza tagħha fuq l-Istat biex jilleġiżla jew ma jilleġiżlax dwar id-drittijiet ċivili ta’ ħaddieħor. Waqt li tagħmel sew li tippriedka l-valuri assoluti tagħha, ma tagħmilx sew li tipprova timponi fuq ħaddieħor. Il-poter li teżerċita huwa wieħed spiritwali u mhux temporali.
Il-Knisja għandha tagħraf li fuq naħa tal-munita hemm wiċċ Ċesri.
www.toniabela.blogspot.com
Sa 10 snin ilu konna mmorru Paceville nistaqsu liż-żgħażagħ jekk jaqblux ma’ dak li tgħid il-Knisja fuq kontraċettivi, divorzju u l-bqija. Ħafna mir-risposti kienu jkunu LE MA NAQBLUX, jew INSOMMA. Mistoqsijiet bħal dawn kienu joħolqu diskussjoni maż-żgħażagħ dwar il-Knisja. Illum 10 snin wara tmur Paceville u tistaqsi “Taqbel mal-pożizzjoni tal-Knisja dwar…..” Jistaqsuk x’inhi l-pożizzjoni tal-Knisja u jgħidulek li ma jimpurtahomx u li s-suġġett ma jinteressahomx. Jibqgħu għaddejjin għax lanqas biss jafu jew jimpurtahom x’tgħid il-Knisja.
L-inkwiet tal-Knisja m’għandux ikun li hawn ħafna li jiddubitaw xi wħud mit-tagħlim tagħha iżda li ma’ diversi nies ta’ kull età qed issir irrelevanti. M’għadux iktar il-każ li n-nies jiskruplaw għax il-Knisja tippridkalhom mod u huma jagħmlu mod ieħor. Il-moda hija li l-Knisja tkun biss relevanti f’affarijiet folkloristiċi jew kulturali. Għal ħafna nies il-Knisja tfisser iċ-ċerimonja tat-tieġ jew tal-magħmudija jew tal-preċett. Tfisser il-festa fejn in-nies, speċjalment iż-żagħżagħ, jiltaqgħu u jiddamdmu flimkien.
Iż-żgħażagħ, sfortunatament, jaħsbu li l-Knisja titkellem biss fuq is-sess. Għalilhom il-Knisja qisha qiegħda hemm biex tgħidilhom li jekk jagħmlu is-sess qabel iż-żwieġ huwa dnub, jekk jużaw il-kontraċettivi huwa dnub, jekk jaraw il-pornografija fuq l-internet huwa dnub.
Il-Knisja bħal donnha għalihom tfisser id-dnub tas-sess. Lanqas ma tgħaddilhom minn rashom li jekk hemm persuna fil-bżonn u tħalliha barra huwa dnub akbar. Lanqas biss teħlilhom ma’ l-ewwel kuritur ta’ moħħhom li meta jkunu razzisti qed jagħmlu dnub oħxon.
F’għajnejn iż-żgħażagħ u anke mhux daqstant żgħażagħ, il-Knisja tidher il-Pulizija għassa li “inti ma tiħux gost bis-sess” u tidher trid tindaħal anke fil-kamra tas-sodda ta’ koppja imqar jekk miżżewġa.
Inqis il-kwistjoni
tad-divorzju bħala opportunità unika għall-Knisja biex terġa’ tkun relevanti. Mhux billi toqgħod timponi fuq Gvern biex ma jdaħħalx id-divorzju iżda billi tiggwida lin-nies biex jibżgħu għall-familji tagħhom u ma jirrikorrux għad-divorzju. Huwa veru li f’dan kollu l-Knisja se tinqabad f’kontradizzjoni kbira għax l-annullament li tagħti l-istess Knisja għandu l-istess konsegwenzi fuq it-tfal bħalma għandu d-divorzju.
Fl-annullament il-Knisja tiddikjara li ż-żwieġ ma jeżistix. Fid-divorzju l-Istat jiddikjara li ż-żwieġ m’għadux jgħodd. Jekk verament it-tfal ibatu għax il-ġenituri tagħhom mifrudin u se jerġgħu jiżżewġu x’inhi d-differenza jekk tgħidilhom li ż-żwieġ inħall jew li ż-żwieġ ma eżitiex. Ikolli ngħid li ta’ l-annullament iżjed kiefra fuq it-tfal għax ifisser li meta kellhom lilhom ma kienx hemm imħabba.
Iżda dan huwa d-dibattitu li għandha tidħol fih bla kantunieri l-Knisja, bħal kull għaqda jew NGO oħra. Wara kollox għandha dritt u dmir li tindirizza u tagħmel lobbying mhux biss ma’ dawk li jemmnu iżda mas-soċjetà kollha.
L-NGO’s tal-ambjent ma jkellmux biss lill-membri tagħhom. Lanqas il-partiti. Anzi dawn jinteressahom l-aktar dawk li mhux membri tagħhom. Dan jgħodd ukoll għall-Knisja. Dan ma jfissirx li l-Knisja timponi fuq dawk li jemmnu fid-divorzju li ma jkunux jistgħu jiddivorzjaw għax l-Istat jibqa’ ma jdaħħalx id-divorzju.
L-Arċisqof għandu raġun jinkwieta fuq is-sekulariżmu. Għax is-sekulariżmu qed jimbotta dejjem lill-Knisja fis-sagristija. Biex tagħlaq ħalqha. Biex donnha ma titkellimx. Il-mentalità sekularista tippretendi li l-Knisja ma tiftaħx ħalqha. Il-Knisja mhux biss għandha d-dritt titkellem iżda d-dmir li tkompli twassal dak li temmen. Il-Knisja għandha tkun parti mill-kontroversji li jqanqlu l-inġustizzji ta’ żmienna kif wara kollox daħal fihom Kristu biex spiċċaw sallbuh. Il-Knisja ma tistax tkun siekta quddiem l-inġustizzji, quddiem il-faqar anke moħbi li qed jikber f’pajjiżna. Ma tistax tibqa’ tħares ċassa lejn priġunier li ssawwat fiċ-ċella, lejn moħqrija tal-annimali. Ma tistax tibqa’ statwa quddiem l-isfruttament ta’ l-immigranti irregolari. Ma tistax tiskot quddiem l-għażla oxxena li ssir bl-eżami tal-Junior li jħalli tfal u ġenituri jibilgħu l-pinnoli forsi jkampaw mat-trawma.
Meta titkellem il-Knisja l-Gvern m’għandux jinżel għarkuptejh u jagħmel dak li tgħidlu. Anzi l-Knisja għandha tkun waħda mill-vuċijiet fid-dibattitu. Id-deċiżjoni tal-Gvern m’ għandha qatt tkun ibbażata fuq dak li tippriedka l-Knisja iżda żgur li nfluwenzata minnha kif il-Gvern jinfluwenza ruħu mill-NGO’s u ċ-ċittadini li magħhom issir il-konsultazzjoni.
Il-Gvern għandu jiddibatti l-pożizzjoni tal-Knisja fuq il-liġi tal-kera kif jiddibatti l-pożizzjoni fuq id-divorzju. Iż-żewġ liġijiet għandhom implikazzjonijiet soċjali u l-Knisja għandha tieħu dejjem in-naħa ta’ dawk l-aktar minn taħt.
Jekk il-Gvern jibqa’ jagħti widen lill-Knisja qisha l-ogħla vuċi f’issues soċjali bħal ma huwa d-divorzju allura jkun il-Gvern stess li qed jagħmel ħsara lill-Knisja u ma jħallihiex tkun biss il-kuxjenza tħabbat fuq il-kuxjenzi kultant reqdin tagħna.
Attenzjoni żejda lill-Knisja mill-Gvern toħloq rabja u antipatija għall-Knisja li tkompli twarrabha u taqfilha fis-sagristija.
L-Arċisof Pawlu Cremona għandu l-appoġġ u l-kariżma biex iwettaq il-bidla u l-ingredjenti fil-Knisja biex tassew il-Knisja tibqa’ u ssir aktar relevanti. Nistennew u naraw.
|
|
Franica Pulis tintervista lil Suzan Sahori mill-Palestina
Editorijal

Il Punt
George Vella

Toni u Peppi

Carmelo Mifsud Bonnici

Wensu Mintoff
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|