MediaToday

Aħbarijiet | 14 ta’ Settembru 2008 Nr 98

Xelter tal-linja ‘jeħel’ f’kontroversja

Julia Farrugia
jfarrugia@mediatoday.com.mt

Xelter tal-karozzi tal-linja li aktar kmieni din
is-sena nqala’ mill-venda tal-karozzi tal-linja fil-pjazza tal-Knisja fil-Qrendi weħel f’nofs kontroversja
bil-konsegwenza li anzjani, familji u turisti fl-eqqel
tat-temperaturi sajfin spiċċaw m’għandhomx fejn jistkennu.
Ix-xelter inqala’ mill-Ministeru tal-Infrastruttura, dak iż-żmien immexxi minn Ninu Zammit, li ftit tal-ġimgħat qabel l-elezzjoni kien għaddej b’numru ta’ proġetti fi pjazez ewlenin, ħafna minnhom fid-distrett tiegħu.
Tliet xhur ilu din il-gazzetta kienet investigat dan il-każ fejn kien irriżulta li x-xelter tneħħa mill-ħaddiema ta’ Ninu Zammit. Il-pass kien sar mingħajr konsultazzjoni
mal-Kunsill Lokali tal-Qrendi.
Sal-lum dan ix-xelter għadu ma twaħħalx. Għat-tħassib tal-ġenituri li fi ftit tal-jiem oħra se jaraw lil uliedhom sejrin b’tal-linja għall-iskola, għad mhemm l-ebda sinjali
tax-xelter.
“Kulħadd jaf li f’Settembru l-iskejjel jiftħu mill-ġdid
il-bibien tagħhom. U kulħadd inkluż l-awtoritajiet konxji li xahar ieħor it-temp jeqleb u tibda x-xita u l-kesħa. Fejn se jistkennu l-istudenti sakemm tiġi tal-linja jew it-trasport
tal-iskola?” ilmentat qarrejja ta’ Illum.
Din il-gazzetta talbet lill-Awtorità tat-Trasport twieġeb x’inhi r-raġuni li dan ix-xelter għadu ma twaħħalx lura u meta l-ADT fi ħsiebha terġa’ tpoġġieh f’postu.
L-Awtorità kkonfermat li “l-bus xelter imsemmi ma nqalax mill-Awtorità dwar it-Trasport, imma kien inqala’ waqt li kienu qegħdin isiru xi xogħlijiet fil-pjazza tal-Qrendi bħala parti mill-proġett ta’ tisbiħ tal-pjazza.
L-Awtorità qed tinsisti li l-applikazzjonijiet u installazzjoni ta’ bus xelters f’żoni residenzjali jaqgħu taħt
ir-responsabbiltà tal-Kunsilli Lokali.
Fit-tweġiba tagħha l-Awtorità saħqet li “minn informazzjoni li għandha l-ADT, il-Kunsill Lokali
tal-Qrendi applika mal-kuntrattur responsabli li jipprovdi dawn il-bus xelters, u għaldaqstant, il-Kunsill Lokali tal-Qrendi u l-kuntrattur ghandhom jallokaw l-aħjar post biex jitwaħħal dan il-bus shelter skond kif jippermettu l-parametri u l-linji gwida maħruġa mill-Awtorità dwar it-Trasport.”
Iżda l-kontroversja dwar ix-xelter jidher li se tkompli.
Meta kkuntattjajna lill-Kunsill Lokali s-Sindku Carmel Falzon saħaq li “qatt ħadd ma talab lill-Kunsill biex jidentifika post fejn se jitwaħħal ix-xelter.”
Falzon żied li “l-Kunsill oġġezzjonajna bil-qawwa kollha għall-fatt li x-xelter għadu sal-lum ma ġiex sostitwit.”
“Aħna konxji li bix-xogħlijiet li saru fil-pjazza mill-Ministeru tal-Infrastruttura, il-bankina fejn kien hemm ix-xelter djieqet u għalhekk bħala Kunsill Lokali nsistejna li x-xelter jerġa’ jitwaħħal fiż-żona.”
Illum hu nfurmat li fl-imgħoddi s-Soċjetà Santa Marija
tal-Qrendi kienet talbet lill-Kunsill Lokali tal-Qrendi biex ix-xelter tal-karozzi tal-linja jitneħħa minn fejn kien minħabba li eżatt faċċata tiegħu kien se jiftaħ il-każin il-ġdid tal-istess soċjetà.
Mhux magħruf jekk il-Gvern hux qed iżomm lura milli jagħti lura lir-residenti dak li hu tagħhom bi dritt minħabba din it-talba u kemm jekk iva kif ukoll jekk le, x’soluzzjoni se jsib għal din il-problema.

 

Nostalġija ta’ libertà

Franica Pulis tintervista lil Suzan Sahori mill-Palestina


Editorijal
Nisrani u sekulari


Il Punt
Bejn Obama u McCain
George Vella



Toni u Peppi
Għandu għalfejn jinkwieta?



Carmelo Mifsud Bonnici

Qed niftħu dak li deher magħluq



Wensu Mintoff
Kwakki


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan