Sports | 14 ta’ Settembru 2008 Nr 98
F’mument fejn it-tim nazzjonali Malti qed jerġa’ jiddiżappunta lid-dilettanti lokali kollha tal-ballun ħassejt li din l-intervista setgħet kienet f’waqtha biex forsi terġa’ tgħolli ftit il-moral tal-pubbliku għall-impenn li jmiss kontra l-Ungerija.
Kristian Laferla jibqa’ popolari l-aktar għas-snin twal li għamel jilgħab bil-flokk tal-Belt għalkemm jinsab dispjaċut u mweġġa’ għall-mod kif kien ġie trattat meta kien mar ma’ Sliema Wanderers. Ma stajtx ma nsemmilux dak il-famuż penalty li kien falla fl-istadium nazzjonali ta’ Ta’ Qali nhar id-19 ta’ Diċembru 1992 kontra l-Italja ta’ Arrigo Sacchi. Jiftakar fid-dehxa li kien ħa hekk kif ra lil Pagliuca jilqa’ dak ix-xutt tiegħu mill-11-il metru.
Laferla mhux faċli biex tikkonvinċih jitkellem fil-media. Tistaqsunix kif irnexxieli. Infatti mill-kalkolazzjonijiet tiegħu jgħidli li ilu ma jagħti intervista bħal din minn meta kien jagħmel parti mit-tim nazzjonali. Il-kalkolazzjoni tiegħu tqarribni lejn l-10 snin.
Dan kollu jgħiduli hekk kif iltqajt miegħu t-Tlieta wara nofsinhar fiċ-ċentru ta’ Paceville quddiem il-bar ‘Sabor’, wieħed mill-postijiet ewlenien ta’ divertiment li tiegħu hu proprjetarju.
Nistaqsih x’qed jagħmel f’ħajtu llum il-ġurnata.
“Futbol waqaft xi tliet snin ilu. Illum ħajti nbidlet. Inqatta’ l-aktar mill-ħin mal-familja u x-xogħol. Futbol xejn. M’għadnix nagħti kas. Anqas il-grawnd m’għadni nitla’. Anqas naf x’inhu jiġri. La ma nilgħabx jien anqas fadalli interess. Kelli karriera u waqaft u llum għalija spiċċa kollox.
“Kont bdejt mal-Luxol. Kont żgħir ħafna. Darba Gencho Dobrev għażilni mat-tim nazzjonali ta’ taħt it-18-il sena. Minn hemmhekk kont mort mal-Belt u kien minn dak inhar li bdejt nieħu l-futbol b’aktar serjetà.”
Kristian Laferla twieled fit-23 ta’ Marzu 1967 u joqgħod l-Ibraġġ. Huwa missier ta’
tlett itfal, Jessica, Matthew u Juliana. Jgħidli li l-ewwel tim kbir tiegħu kellu jkun proprju
dak rivali tal-Beltin, il-Floriana.
“L-ewwel tim tiegħi kbir li kont sejjer miegħu kien Floriana. Konna ma qbilniex fuq xi flus. Qed insemmielek l-1985. F’daqqa waħda ġew il-Belt u ħadt iċ-ċans. Kont naqra fortunat għax dak iż-żmien kellhom lill-plejer li jilgħab l-aħħar raġel li kien spiċċa. Ma kellhomx sostituzzjoni għalih. Minn hemm bqajt dejjem fl-ewwel tim. Iż-żmien tal-Belt kien l-aqwa wieħed tal-karriera tiegħi.
“Is-snin kollha li għamilt mal-Belt kienu sbieħ. Diffiċli ssemmi fażi. Iżda jkolli ngħid li l-aħħar żminijiet tiegħi kienu l-aqwa meta rbaħna ħames u sitt tazzi fi staġun wieħed. Fl-aqwa tas-Snin Tmenin kienu l-Hamrun Spartans l-aktar tim li jagħtuni battikati. Dejjem kienet tkun bejna jew bejnhom min se jirbaħ il-kampjonat.”
Inkompli miegħu u ngħidlu li jista’ jqis lilu nnifsu plejer fortunat li għamel parti minn dak it-tim tad-deheb li kellhom il-Beltin. Dawk il-plejers rebħu ħafna u kollox flimkien. Forsi kien wieħed mill-aqwa timijiet ta’ kull żmien tal-kampjonat Malti. Jgħidli li llum l-affarijiet inbidlu ħafna mill-passat.
“Lill-Belt m’għadniex nagħti kashom. Anqas fadalli kuntatt ma’ dawn in-nies. Fil-futbol Malti l-ewwel jagħsruk imbagħad jarmuk. Kont spiċċajt fuq nota ħażina. Kont weġġajt u sakemm għaddietli l-injury kelli bżonn is-serħan. Meta għaddieli baqgħu ma lagħbunix aktar.
“Qatt ma pretendejt li l-Belt se jagħmluli hekk. Jien ħadt għalija għax il-parametri tiegħi biex mort mas-Sliema kienu jiswew Lm3,000 u ħaduli Lm12,000 minn tiegħi personali biex ħallewni nitlaq. Iddispjaċini ħafna. Ippretendejt li għas-servizz li tajt iħalluni nitlaq fis-sliem la ma kellhomx aktar bżonni. Kelli 35 sena u ma xtaqtx li għall-aħħar ftit tal-karriera nibqa’ bilqiegħda.”
Ngħidlu li din l-istorja qatt ma smajtha imkien u wisq inqas dehret fil-mezzi tal-media. Il-veru każ li xi ħaġa hekk fuq ċerti timijiet tinħebha mentri b’timijiet oħrajn issir xalata.
“Hafna mill-partitarji għadhom anqas jafu x’ġara. Ħafna qalu li mort mas-Sliema għall-flus. Jien tlift il-flus biex mort mas-Sliema, mhux qlajt. Paga kelli inqas u s-Sliema ma ridux iħallsu flus għalija. Hallasthom milli kelli nieħu u xorta ma paċejtx. Kont ili ħames snin ma nitħallas. Ħafna differrenti mil-lum. Jien smajt li llum il-Belt anqas jilħaq jasal l-aħħar tax-xahar għax jitħallsu. Jien ili li spiċċajt ħames snin u għad fadalli nieħu xi ħaġa. Sliema Wanderers ma ħallsu xejn għalija. Anzi jien spiċċajt ħriġt il-flus.”
Iż-żmien li għamel ma’ Sliema Wanderers kien wieħed qasir. Kristian kien mar lura għall-aħħar ftit tal-karriera ma’ Edward Aquilina. Ix-xorti hemmhekk ma tantx daħkitlu wkoll. Jgħidli l-mod kif spiċċa.
“Mas-Sliema kellna logħba kontra l-Hibs. Kellhom freekick u l-goalkeeper ħareġ ħażin. Il-ballun ħabat ma’ Darren Debono u ġie f’saqajn plejer tal-Hibs u xxuttja. Inzertajt li kien hemm jien biss fuq il-linja u l-istint tagħni li noħroġ idejja. Ingħata penalty kontriena u bir-raġun tkeċċejt. Minn dak inhar ma lagħbuniex aktar. Qishom ġabuni li tkeċċejt apposta.”
Inkompli fuq dak li beda jgħidli. Jiġifieri dakinhar fuq dan il-każ kont smajt il-paroli fil-vojt?
“Ħafna, mhux ftit. Kieku ċerti Maltin jaqtgħu l-paroli fil-vojt ta’ tajn li jintefa’ bla provi biex inħammġu n-nies nimxu ħafna aktar. Allaħares mill-karriera tal-futbol għamilt il-flus kollha li assoċjawni magħhom għax kieku llum jien aktar minn miljunarju. Kieku qatt xi darba f’gazzetta jew televiżjoni tisma’ bi President jew diriġent jgħid li tlifna għax l-oħrajn kienu aħjar minnha. Ħadd ma jammetti telfa u kulħadd lest b’xi skuża jew oħra fil-komma.”
Indawru d-diskors fuq iż-żmien tat-tim nazzjonali. Kristian jibqa’ jissemma għal dak il-penalty misħut li kien falla kontra t-Taljani kważi 16-il sena ilu. Jgħidli li l-futbol għamlu popolari ħafna imma mhux għall-fatt li kien żbalja dak il-penalty.
“Ma naħsibx li popolari għalhekk. Kieku kont infalli mija. Iżda, iva, l-futbol għamilni popolari ħafna. Laqqagħni ma’ ħafna nies. Tgħallimt ħafna u ħadt ħafna esperjenzi kbar. Tgħallimt inkun iktar dixxiplinat.”
Inkompli nistaqsih fuq il-logħba tat-Taljani u dak il-mument kruċjali tal-penalty kontra tim li baqa’ sejjer sal-finali tat-Tazza tad-Dinja fl-Istati Uniti fl-1994 li tilifiha bl-għoti tal-penalties kontra l-Brażil.
“Dik il-logħba ħafna jitkellmu fuqha u ma jafux. Dak il-ħin meta wasal il-penalty konna 2-0 minn taħt mhux 2-1. Jiġifieri li jien skurjajt il-penalty ma kontx inġib id-draw. Ħafna nies jinsew.
“Jien ma kontx il-penalty taker. Dawk li suppost kellhom jagħtuh kienu Carmel Busuttil jew Joe Brincat iżda ma ridux jieħdu r-riskju. Jien kont il-captain u kelli nieħu r-responsabbiltà. Bdejt nara l-lasta daqs kaxxa tas-sulfarini. Biex tgħaxxaqha, Pagliuca kien magħruf li jħobb jilqa’ l-penalties. Kif rajtu jilqagħhuli ksaħt. Tajtu ħażin ħafna. Kważi fin-nofs. Infxilt u sal-aħħar tal-logħba anqas kont naf x’qed nagħmel. Meta skorja Gregory taffejt ftit mill-ġerħa u d-dwejjaq.”
Għal Kristian ma kinitx l-uniku logħba li jibqa’ jiftakar bil-flokk tat-tim nazzjonali. Isemmili żewġ esperjenzi oħra.
“L-iktar importanti għalija kienet il-logħba ta’ Talinn kontra l-Estonja. Kont skurjajt jien u rbaħna 1-0. Kien corner fuq it-tieni lasta u l-ballun ġie mxellef u ma nafx kif spiċċa f’saqajja waħdi quddiem il-lasti. Allaħares żbaljajtu.
“Iżda tat-8-0 kontra l-Olanda kienet kiefra wisq. L-Olanda kellhom tmien xuttijiet u tmien goals. Van Basten skorja ħames goals li kienu ħames mirakli. Kienu fortunati u kollox beda jiġihom tajjeb. Imbgħad morna l-Olanda u spiċċajna 1-0 biss b’penalty dubjuż. Kienet logħba li l-Olandiżi spiċċaw iċapċpu lilna.”
L-eks plejer ta’ Valletta jibqa’ magħruf għar-rwolijiet differenti li kien jilgħab fihom. Jgħidli li ż-żminijiet tat-tim nazzjonali swewh ħafna taħt diversi coaches li jafu l-logħba tal-futbol bl-amment.
“Lgħabt midfielder u difensur fil-kampjonat iżda man-nazzjonal lgħabt anki attakkant ma’ Carmel Busuttil. Mat-tim nazzjonali skurjajt xi disa’. Dik ta’ midfielder kienet l-aktar waħda li togħġobni. Mal-Belt kont nippreferi nilgħab difensur għax bit-tim li kellna ftit li xejn kont inkun taħt pressjoni. Kważi dejjem nattakkaw aħna.
“Meta kont bdejt mat-tim nazzjonali kien il-bidu ta’ erà ġdida wara t-12 li qalgħu ma’ Spanja. Jien bdejt fl-1986. Dak iż-żmien kienu ġabu lil Gencho Dobrev. Ma kellniex il-faċilitajiet li għandhom illum. Minn żmien Dobrev konna tlaqna qisna professjonali. Kienet sfida ġdida għal kulħadd.
“Tgħallimt mingħand kulħadd. L-iktar wieħed li ma tantx jissemma huwa Gencho Dobrev għax beda mix-xejn. L-affarijiet li għallimna Dobrev kienu ġodda għalina. Kien hemm minna li lanqas kienu jafu kif jitfgħu saqajhom biex jagħtu pass. Imbgħad il-coaches li ġew warajh kollha sabu xi ħaġa lesta.
“Horst Heese kien tajjeb ħafna wkoll. Daħħal ġo fina t-tattika l-ġdida u l-moderna tal-futbol.
“Pippo Psaila kien aktar dixxiplinat u ġibna riżultati kbar miegħu.
“Pietro Ghedin kien jagħfas aktar fuq it-tattika tal-logħba. Kien għallimna ħafna kif niddefendu. Ma’ kull coach li konna tgħallimna ħafna. Kollha kellhom it-tajjeb tagħhom.”
Kristian lagħab aktar minn 25 sena ta’ futbol. Kellu x-xorti li jilgħab ma’ u kontra ħafna plejers kbar. Sakemm intemmu l-intervista noqgħod inqalleb f’diversi ritratti li tlabtu jġib miegħu biex narahom. Jispikkaw dawk fl-azzjoni kontra Ruud Gullit u Marco Van Basten tal-Olanda u Alessandro Bianchi u Giuseppe Giannini tal-Italja. B’mod spontanju tiġini l-kurżità nistaqsih min hu l-aqwa plejer Malti ta’ żmienu.
“Raymond Vella. Il-kontroll tal-ballun u l-viżjoni tal-logħba li kellu kienu xi ħaġa kbira. Naħseb ma kellniex bħalu. Meta konna nqassmu l-ballun lilu konna nistrieħu. Ifhimni, Buttigieg u Busuttil kienu plejers kbar ukoll iżda jekk nieħu kollox ma’ kollox naħseb li l-Mundu kien l-aqwa plejer li qatt ħareġ minn pajjiżna.”
Kristian Laferla jagħmel ir-ringrazzjamenti tal-aħħar.
“Nixtieq nirringrazzja lil kulħadd. Kull membru tal-kumitat li kont miegħu u lill-partitarji kollha li kienu jappoġġawni u jgħajruni fl-istess ħin. Tal-Belt baqgħu jħobbuni sal-lum.” |
|
Franica Pulis tintervista lil Suzan Sahori mill-Palestina
Editorijal

Il Punt
George Vella

Toni u Peppi

Carmelo Mifsud Bonnici

Wensu Mintoff
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|