MediaToday

Carmelo Mifsud Bonnici | 14 ta’ Settembru 2008 Nr 98

Qed niftħu dak li deher magħluq

1. Il-kwistjoni li qamet tul dan is-sajf bejn il-pajjiżi tal-Georgia u l-Federazzjoni Russa fetħet beraħ numru ta’ punti li sa qabel konna taħt l-impressjoni li kienu magħluqa. Il-kunflitt militari għandu jiġi kundannat, ma hemmx dubju, għax l-armi ma jsolvux problemi fuq ix-xenarju internazzjonali iżda jkomplu jikkumplikawhom, anzi jwelldu oħrajn ġodda. Ħidmet il-pajjiżi, kemm fl-Unjoni Ewropea kif ukoll fi ħdan il-komunità internazzjonali, serviet tul dawn il-jiem. Però hemm bżonn proċess li permezz tiegħu jiġu solvuti l-kwistjonijiet li jidher ċar li ilhom hemm.

2. Hemm id-diskussjoni u hemm ukoll il-Qorti Internazzjonali li jistgħu jipprovdu toroq li jsolvu u jerġgħu jġibu l-paċi u l-istabbiltà. Imma dan huwa għall-futur. Illum qed naraw u nikkunsidraw x’binarji, minn liema punt ta’ partenza, politiku u wkoll ta’ dritt pubbliku internazzjonali, għandna nitilqu. Ngħid dan għax f’daqqa waħda qed nerġgħu niddubitaw il-prinċipji li permezz tagħhom stabbilejna qabel pajjiż u poplu. Tlaqna minn dawk ġeografiċi u dħalna fuq dawk razzjali. Il-ġabra ta’ persuni li jidentifikaw irwieħhom ma’ razza jew twemmin partikolari issa qiegħed jieħu ferm iktar saħħa. Dak li kien meħtieġ biex isolvi sitwazzjoni speċifika sar issa forma ta’ regola.

3. L-istaġun internazzjonali qiegħed iġib miegħu rivalutazzjoni u eżami mill-ġdid, l-ewwel, ta’ dak li ġara wara t-tmien tat-Tieni Gwerra Mondjali fil-pajjiżi li waqgħu wara l-Purtiera tal-Ħadid. It-tieni, f’dak li seħħ minn dik id-dinja wara l-waqgħa tal-ħajt ta’ Berlin b’diversi stati jitwieldu minn dik li kienet l-Unjoni Sovjetika. It-tielet, minn dak li ġara wara l-gwerra tal-Balkani u t-tkissir tal-Jugoslavja. U r-raba’ mill-konsegwenza loġika ta’ dawn it-tlett eventi li però xprunat ħafna attenzjoni, jiġifieri t-twelid tal-Kosovo. Hawn għandna fil-fatt 63 sena ta’ storja politika Ewropea li qed terġa’ titressaq.

4. Għax ma hemmx dubju li reġgħu ġew għall-memorja d-diversi diffikultajiet li għaddew minnu l-popli ta’ wara l-1945 meta l-ġografija rat bidliet radikali fil-mod ta’ kif ġie kompost pajjiż. Mhux biss, imma kienu ħafna l-popli li sabu rwieħhom imxerrda ma’ l-irjiħat. Dawk li kienu kontra jew ostili għall-ħakma Komunista sabu li jew spiċċaw fis-Siberja jew f’artijiet il-bogħod minn għeruqhom. Kemm dak sar sewwa ftit huma li jaqblu: kemm dan jista’ jittieħed lura huwa remot żgur. L-effett iżda huwa li għandek nies ta’ oriġini differenti jgħixu f’postijiet fejn baqgħu ma ġewx aċċettati u assimilati. Il-każijiet tipiċi ta’ popli Russi li sabu rwieħhom, l-ewwel, parti mid-domaturi u wara, bit-tmiem tal-purtiera, bħala l-iddisprezzati.

5. Ovvjament, il-proċess li rajna wara l-Gvern f’pajjiżi oħra fosthom tagħna, li ġabu l-indipendenza tagħhom b’firda mid-dominju kolonjali kienet stabbiliet prattika. Dan però kompla tkisser wara li spiċċat l-Unjoni Sovjetika u hawn rajna fid-dgħufija ta’ dak l-Istat kwantità ta’ pajjiżi ġodda jitwieldu. Uħud minnhom kienu hemm qabel il-bidu tat-Tieni Gwerra, oħrajn iffurmaw rwieħhom paċifikament bħall-każ ta’ dak li huma ċ-Ċeki u l-iSlovakki. Jibqa’ żgur li l-maġġoranza ħadu x-xoqqa f’moxtha u qatgħu unilateralment. Illum il-Federazzjoni Russa qed terġa’ tikseb is-saħħa ekonomika u militari tagħha u għalhekk qed naraw bidliet.

6. Li kisser kollox kien il-fatt li fil-gwerra tal-Balkani bejn il-Kroazja, is-Serbja u l-Bosnia Herzegovina ġab soluzzjoni bażata fuq il-popli. Dawk kienu kriterji għal kollox ġodda bi ftehim li wassal biex jibda l-proċess iktar perikoluż tal-Kosovo. Id-dikjarazzjoni ta’ indipendenza ħolqot preċedent li l-konsegwenzi tiegħu qed narawhom ħerġin. Verament hemm iktar spunti interessanti bir-rikonoxximent ta’ ħafna pajjiżi Ewropej u bil-kawża li jidher li ġiet ippreżentata quddiem il-Qorti Internazzjonali mis-Serbja. X’se jiġri minn dan ix-xenarju u x’se jkunu l-konsegwenzi ta’ dan kollu ma nafux. Iżda huwa żgur li ġrajjiet ta’ dawn il-jiem fetħu mill-ġdid kollox għad-dibattitu.

 

Nostalġija ta’ libertà

Franica Pulis tintervista lil Suzan Sahori mill-Palestina


Editorijal
Nisrani u sekulari


Il Punt
Bejn Obama u McCain
George Vella



Toni u Peppi
Għandu għalfejn jinkwieta?



Carmelo Mifsud Bonnici

Qed niftħu dak li deher magħluq



Wensu Mintoff
Kwakki


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan