Il Punt - George Vella | 14 ta’ Settembru 2008 Nr 98
Fl-għażla għall-President ġdid Amerikan fl-4 ta’ Novembru mhux il-każ li wieħed jagħżel bejn min se jkun l-aħjar għall-Istati Uniti u min se jkun l-aħjar għad-dinja.
L-istatus ta’ super potenza li tgawdi l-Istati Uniti jimponi fuq l-elettorat Amerikan ir-responsabbiltà li jagħżel President li jkun l-aħjar għall-Istati Uniti u l-aħjar għad-dinja kollha.
Iż-żewġ kandidati presidenzjali attwali ma setgħux ikunu aktar differenti bejniethom milli huma. Huma differenti kważi f’kull aspett: fl-età, fil-karriera, fil-karattru, fl-esperjenza politika, fl-opinjonijiet politiċi u saħansitra għall-ewwel darba fl-istorja differenti wkoll, fil-kulur tal-ġilda.
L-Istati Uniti għandha bżonn President li fil-qasam nazzjonali, jiġifieri fil-politika interna Amerikana, jaffronta b’serjetà l-problemi kbar u urġenti ekonomiċi, soċjali u ambjentali li qed jiffaċċaw l-Amerikani.
Għal dak li hu l-qasam internazzjonali u r-rwol li l-Istati Uniti trid tilgħab fid-dinja tal-lum, l-Amerka għandha bżonn tagħżel President li jkun kawt, li jifhem li l-Istati Uniti m’għandhiex għalfejn tibqa’ l-‘pulizija tad-dinja’, u li l-interessi tal-provvista tal-enerġija, tal-industrija tal-armamenti u tas-sigurtà m’għandhomx jirbħu fuq kull konsiderazjoni oħra meta wieħed jiġi biex jiddeċiedi liema linja politika se jadotta.
Min-naħa l-oħra l-Istati Uniti trid iżżomm postha bħala potenza dinjija u tibbilanċja, b’diplomazija għaqlija aktar milli b’konflitti u gwerer, potenzi dinjin oħra li kienu ddgħajfu u issa qed jerġgħu jerfgħu rashom, u potenzi li għadhom qed jiżviluppaw għall-ewwel darba.
President Amerikan għandu ħafna poteri, imma President għaqli ma jmexxix waħdu. Ikun għaqli biżżejjed biex jagħraf fejn lanqas għandu esperjenza u f’liema suġġetti u oqsma ta’ tmexxija politika għandu lanqas għarfien tas-suġġett u jkollu l-intelliġenza jdawwar madwaru esperti li jimlew dak il-vojt.
Iż-żewġ kandidati Presidenzjali fl-elezzjoni li jmiss għandhom kapaċitajiet kbar f’oqsma differenti imma ħadd minnhom ma jqis ruħu komplet u li għandu l-attribwiti kollha li għandu jkollu President Amerikan.
Minn dak li qalu u li wegħdu s’issa jekk l-għażla taqa’ fuq Barack Obama, wieħed jistenna tibdil kemm fil-politika interna kif ukoll fil-qasam internazzjonali.
Jekk l-għażla tkun fuq McCain, wieħed jistenna anqas skossi u x’aktarx li jkun hemm ‘more of the same’ b’kontinwità politika kważi fuq l-istess linji li l-Istati Uniti miexja bihom illum tul dawn l-aħħar tmien snin.
Hawnhekk tidħol il-mistoqsija kruċjali li jrid jagħmel l-elettorat Amerikan: kuntenti kif mexjin l-affarijiet internament u fil-qasam internazzjonali?
Jekk l-elettorat iħoss li jrid l-affarijiet ikomplu ftit jew wisq kif mexjin bħalissa allura għandu jagħżel lil McCain. Jekk iħoss li hemm bżonn li titbiddel ir-rotta u jittieħdu deċiżjonijiet u direzzjonijiet politiċi ġodda allura għandu l-impenn ta’ Obama li qiegħed iwiegħed il-bidla.
Minkejja dan kollu m’hemmx dubju li ħafna mill-eletturi Amerikani meta se jiġu biex jagħżlu sfortunatament la jqisu l-interessi nazzjonali u lanqas dawk internazzjonali, imma jiddeċiedu fuq kif jaħsbu li se jintlaqtu huma direttament. Jiddeċiedu fuq kwistjonijiet partikolari bħat-tneħħija ta’ taxxi, id-dritt għall-abort, l-immigrazzjoni llegali u affarijiet oħra.
Min jiddeċiedi li jivvota għal Obama se jagħti l-fiduċja fuq dak li jirrappreżenta u t-tamiet li jġib miegħu.
Min jiddeċiedi li jivvota għal McCain se jagħtih il-fiduċja fuq il-karriera passata tiegħu.
Megħjuna minn konsulenti tajbin, it-tnejn jistgħu, bħala President, jagħmlu ġid kbir kemm lill-Istati Uniti kif ukoll lill-qasam tal-politika internazzjonali.
George Vella hu Kelliem Ewlieni Laburista
għall-Affarijiet Barranin
|
|
Franica Pulis tintervista lil Suzan Sahori mill-Palestina
Editorijal

Il Punt
George Vella

Toni u Peppi

Carmelo Mifsud Bonnici

Wensu Mintoff
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|