MediaToday

Editorjal | 14 ta’ Settembru 2008 Nr 98

Nisrani u sekulari

Soċjetà sekulari tfittex li ssib bilanċ bejn l-interessi differenti tas-soċjetà u dan jiġi determinat minn proċess demokratiku, ħieles u regolat b’mod trasparenti minn istituzzjonijiet lajċi.
F’soċjetà sekulari jibqa’ jkun hemm lok għat-tħaddin tar-reliġjon. Madankollu, b’rispett lejn it-twemmin differenti li jistgħu jħaddnu membri differenti ta’ dik l-istess soċjetà, l-ebda reliġjon m’għandha tingħata xi privileġġ fuq oħra.
Din il-ġimgħa f’Jum il-Vitorja l-Arċisqof Pawlu Cremona esprima l-inkwiet tiegħu għall-valuri sekulari li qed jaħkmu s-soċjetà Maltija. Elenka b’mod partikolari kwistjonijiet bħad-divorzju, l-abort u l-ewtanasja u nsista li n-nisrani għandu d-dmir li jsemma’ leħnu.
L-Arċisqof għandu kull dritt li jesprimi lilu nnifsu fuq dawn il-kwistjonijiet. Iżda dan id-dritt tiegħu u tal-insara li jmexxi joħroġ mid-disponibbiltà ta’ soċjetà sekulari li temmen fil-proċess ħieles ta’ tixrid tal-ideat. Tista’ tkun nisrani u sekulari.
Hu interessanti kif, filwaqt li f’Malta l-Kap tal-Knisja Kattolika qed jesprimi l-inkwiet tiegħu għall-valuri sekulari, f’pajjiżi fejn l-insara huma f’minoranza, huma fost l-ewlenin li jħambqu favur il-ħtieġa ta’ soċjetà iktar sekulari u lajka.
Is-sekulariżmu jipproteġi d-dritt tal-minoranza li tħaddan u tipprattika t-twemmin tagħha.
Anki jekk il-Kostituzzjoni tagħna tirrikonoxxi l-Kattoliċiżmu bħala r-reliġjon uffiċjali ma timponi l-ebda obbligu morali jew legali fuq il-leġiżlatur li jimxi mat-twemmin nisrani.
Jiddispjaċina li l-Arċisqof għoġbu jitkellem dwar id-divorzju, l-abort u l-ewtanasja qishom tliet kwistjonijiet simili b’implikazzjonijiet morali l-istess.
Dan mhux mod ta’ kif fil-pajjiż issir diskussjoni matura dwar dawn l-oqsma sensittivi li jolqtu l-ħajja ntima ta’ persuna.
Jidher ċar li d-diskors tal-Arċisqof kien ispirat mid-dibattitu li tqanqal dan l-aħħar dwar id-divorzju, speċjalment wara d-dikjarazzjoni tal-Mexxej Laburista fuq is-suġġett.
F’Malta ż-żwieġ hu regolat b’mod ċivili anki jekk l-emendi fil-liġijiet li saru fl-1995 taw privileġġ lill-Knisja Kattolika għax koppja tista’ tagħżel li tiżżewweġ biss bil-Knisja u l-Istat jirrikonoxxi dan awtomatikament.
Hu fatt ukoll li f’Malta d-divorzju ilu jeżisti mis-Sebgħinijiet meta l-qrati Maltin ngħataw id-dritt li jirrikonoxxu divorzju li jinġieb minn barra. Ifisser li d-divorzju llum jeżisti biss għal min jiflaħ iħallas.
Din diskriminazzjoni u weħidha diġà biżżejjed biex tiġġustifika l-introduzzjoni tad-divorzju għal kulħadd.
Iżda lil hinn minn hekk ma nistgħux naqblu mal-analiżi tal-Arċisqof u oħrajn li d-divorzju jkisser is-sisien tal-familja. L-għażla li tnejn min-nies jagħmlu biex itemmu relazzjoni kważi qatt ma tkun kundizzjonata minn jekk jeżistux rimedji legali. Ħafna drabi l-ewwel tintemm ir-relazzjoni mbagħad tibda t-tfittxija għal soluzzjonijiet legali li jirregolaw it-tmiem.
Mingħajr id-divorzju f’Malta xorta hawn madwar 11,000 persuna separati skont l-aħħar ċensiment. Dawn in-nies għażlu li jtemmu r-relazzjoni tagħhom minkejja li m’hawnx divorzju. Hu fatt tal-ħajja li r-relazzjonijiet jitwieldu u jmutu.
Id-divorzju jgħin biss biex ir-rabta tinħall għal dejjem u l-persuni jingħataw il-ħelsien li jekk iridu jibdew ħajja ġdida mingħajr kumplikazzjonijiet legali.

Nostalġija ta’ libertà

Franica Pulis tintervista lil Suzan Sahori mill-Palestina


Editorijal
Nisrani u sekulari


Il Punt
Bejn Obama u McCain
George Vella



Toni u Peppi
Għandu għalfejn jinkwieta?



Carmelo Mifsud Bonnici

Qed niftħu dak li deher magħluq



Wensu Mintoff
Kwakki


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan