Intervista | 07 ta’ Settembru 2008 Nr 97
Kurt Sansone jintervista lil Prof. Edward Scicluna
Kultant il-memorja tfallilna. Ninsew malajr x’ikun intqal ftit tax-xhur qabel u jaħsduna affarijiet li jinqalgħu issa.
Hekk ġara f’din l-aħħar ġimgħa. Bil-pubblikazzjoni tal-aħħar ċifri tal-finanzi pubbliċi ħafna nħasdu b’dak li jidher li se jkun żbilanċ ferm ikbar milli kien qed ibassar il-Gvern. L-elettorat ċiniku, imdorri jingidem wara kull elezzjoni, sostna li l-finanzi m’għadhomx fis-sod kif konnha mwiegħda fil-kampanja elettorali. Iżda jekk l-aħħar ċifri darrsu lil ħafna nies mhux l-istess jista’ jingħad għall-ekonomista Edward Scicluna.
Qabel ma jitfaċċa l-uffiċċju tiegħi għall-intervista nfittex ftit fuq l-internet dak li kien qal eżatt wara l-baġit, 11-il xahar ilu.
F’kummenti lit-Times fis-17 ta’ Ottubru 2007 Scicluna kien sostna li filwaqt li l-Gvern jista’ jiggarantixxi l-infiq tiegħu, jista’ biss jipproġetta kemm se jdaħħal flus. “Il-Gvern għamel stima ottimista ħafna ta’ kemm se jdaħħal mit-taxxi għas-sena d-dieħla (2008),” kien qal Scicluna.
Saħansitra wasal għall-konklużjoni li bl-ispiża li kien qed iħabbar il-Gvern u bit-tnaqqis tat-taxxa, l-iżbilanċ għall-2008 kellu jkun €60 miljun iktar minn dak li ħabbar Lawrence Gonzi fil-Parlament. Il-Gvern kien qed jipproġetta żbilanċ ta’ €68.4 miljun għall-2008.
Kliem Scicluna intesa, jew aħjar intilef fil-kakofanija ta’ kampanja elettorali li ġiet ftit wara u fejn baqgħu jsiru wegħdiet ta’ iktar qtugħ fit-taxxi.
Meta jpoġġi bilqegħda quddiemi ma jogħrokx idejh minkejja li l-aħħar ċifri jagħtuh raġun.
“Biex tifhem fejn ninsabu llum trid tara l-baġit innifsu mbagħad tanalizza x’ġara bejn il-baġit u l-elezzjoni,” jgħidli b’mod analitiku għall-aħħar.
“Issa biex tifhem il-baġit trid tara l-isfond li fih sar. Pajjiżna kien dieħel fiż-żona ewro u fis-sentejn ta’ qabel il-Gvern kellu jikkonsolida l-finanzi pubbliċi li fisser sagrifiċċji kbar għal kulħadd.
“Il-parir tal-Fond Internazzjonali Monetarju (IMF) dejjem ikun li l-finanzi pubbliċi jkunu konsolidati meta l-ekonomija tkun sejra tajba.
“Il-Gvern għandu żewġ rekords tajbin. Rekord minnhom hu li ġab il-finanzi pubbliċi taħt kontroll meta l-ekonomija kienet għaddejja minn perjodu ħażin, bil-kontra tal-parir li tagħti l-IMF, u t-tieni rekord hu li rnexxielu jagħmel dan u xorta jirbaħ l-elezzjoni. Dak li hu tiegħu trid tagħtihulu.”
Iżda Scicluna jtenni li hemm ukoll prezz għal dawn iż-żewġ rekords.
“Mil-lat politiku l-aħħar baġit bilfors kellu jkun dak li jqassam il-frott lura wara l-kalvarju tas-snin ta’ qabel. Il-Gvern raxx il-flus imma biex xorta jniżżel l-iżbilanċ għal din is-sena għamel stima tad-dħul li ma kenitx fattibbli.
“Bl-ispiża li tħabbret fil-baġit flimkien mat-tnaqqis tat-taxxa l-Gvern qatt ma seta’ jipproġetta żbilanċ ta’ €68 miljun għall-2008. Minn ta’ l-inqas il-miżuri tal-baġit kienu se jwasslu għal żbilanċ li kellu jaqbez il-figura ta’ €100 miljun,” itenni Scicluna.
L-iżball sar f’dak li stima l-Gvern fid-dħul tiegħu mit-taxxi.
“L-istimi kienu bbażati fuq tkabbir ekonomiku li kważi jilħaq l-erbgħa fil-mija għax hekk seħħ fl-2007. Madankollu s-sena li għaddiet kienet waħda straordinarja. Fit-turiżmu kellek l-iżblokk tal-low cost fejn tneħħiet diffikultà strutturali li wasslet għal titjib fis-settur. Imma kellek ukoll ħafna nies li riedu jeħilsu minn flus moħbija lejlet id-dħul tal-ewro. Ħafna minnhom investew fil-proprjetà. Dan ukoll kabbar l-ekonomija b’mod reali u għen biex sal-aħħar tas-sena jkollna tkabbir li jilħaq l-erbgħa fil-mija.
“Imma jekk wieħed ineħħi l-impatt li seta’ kellhom il-flus moħbija fuq l-ekonomija, li mhux se jirrepeti ruħu din is-sena, it-tkabbir reali nett u li seta’ jbassar ghat-2008 kien ta’ madwar 2.5 fil-mija. Kien evidenti li għall-2008 l-ekonomija ma setgħetx tlaħħaq tkabbir ta’ erbgħa fil-mija. Kien għalhekk li l-IMF fl-istess żmien li kien ippreżentat il-baġit baxxa l-istimi tat-tkabbir ekonomiku għal din is-sena.”
Iżda biex jispjega wkoll il-qasma kbira li żviluppat bejn id-dħul u l-ħruġ tal-Gvern fl-ewwel nofs tas-sena Scicluna jipponta subgħajh lejn x’ġara bejn il-baġit u l-elezzjoni. Isostni li din il-qasma għandha tonqos għax il-Gvern jiġbor iktar taxxi lejn l-aħħar tas-sena. Madankollu jgħid li l-problema tkabbret minn tibdil fil-cash flow tal-Gvern fl-ewwel sitt xhur tas-sena.
“Qabel l-elezzjoni sar inqas ġbir ta’ taxxa għax politikament hekk ikun jaqbel u xi nfieq li kien ippjanat, bħal refunds, Childrens’ Allowance, l-għoti ta’ bonus lill-anzjani biex jagħmel tajjeb għaż-żieda sħiħa għall-għoli tal-ħajja, inġieb ’il quddiem. Dan ħoloq tibdil fil-cash flow għall-Gvern li joħroġ ċar mill-aħħar ċifri li ġew ippubblikati,” jispjega Scicluna.
Nistaqsih jekk b’dawn iċ-ċifri hux se jkun possibbli għall-Gvern li jilħaq il-mira tiegħu biex sal-2010 fil-finanzi pubbliċi jkollu bilanċ pożittiv. Ixengel rasu u r-risposta immedjata hi “le”.
“Bil-baġit tal-2008 il-Gvern ħoloq dak li aħna l-ekonomisti nsejħulu fiscal slippage. Il-finanzi pubbliċi litteralment żelqu lura b’sentejn. Ma narahiex possibbli li sal-2010 il-pajjiż ikollu bilanċ pożittiv fil-finanzi pubbliċi. L-iktar li naraha possibbli li sseħħ hu sal-2012,” jgħid l-ekonomista.
Scicluna jitkellem ukoll dwar l-aspettattiva li ħoloq il-Gvern stess dwar il-qtugħ tat-taxxa u l-andament ekonomiku pożittiv.
“Il-Gvern biegħ il-kunċett tat-tnaqqis tat-taxxa billi sostna li iktar ma tnaqqas it-taxxa iktar tikber l-ekonomija u għalhekk iktar jiġbor flus il-Gvern. Taxxi għolja qatt m’huma tajbin għax iservu ta’ diżinċentiv imma meta l-Gvern inaqqas it-taxxa jrid jara li l-pajjiż jiflaħ għalihom u mhux għax b’dak it-tnaqqis se jdaħħal iktar. Hu minnu li inqas taxxa tgħin biex tistimula l-ekonomija imma f’Malta l-kunċett li tnaqqas it-taxxa biex tiġbor aktar, prinċipju li pprova jdaħħal l-ekonomista Amerikan Repubblikan Arthur Laffer fi żmien Reagan, ma jaħdimx f’Malta.”
Jaħsadni b’din id-dikjarazzjoni. Insostni li meta George Bonello Dupuis naqqas it-taxxa fuq id-dħul minn 65 fil-mija għal 35 fil-mija l-Gvern daħħal iktar mit-taxxi.
“Minkejja li ħafna jagħmlu dak l-argument mhuwiex il-każ. Meta tanalizza ċ-ċifri ma jirriżultax hekk. Kien hemm ħafna miżuri oħra li bdew jittieħdu dak iż-żmien li għenu biex l-ekonomija tirpilja u toħloq iktar ġid, fosthom il-liberalizzazzjoni tas-swieq. Meta tnaqqas it-taxxa trid tara li l-pajjiż jaffordja li jagħmel dan għax inkella se jkollok tagħmel tajjeb għall-iżbilanċ billi tiddejjen iktar, kif fil-fatt ġralna,” isostni Scicluna.
B’dan l-argument u biċ-ċifri kif inhuma, il-Gvern se jkun jista’ jżomm mal-wegħda elettorali li fil-baġit li jmiss inaqqas l-ogħla rata ta’ taxxa fuq id-dħul minn 35% għal 25% u jkompli jwessa’ l-faxex tat-taxxa?
“Ma jistax jimplimenta dik il-wegħda għax il-pajjiż ma jiflaħx għaliha. Biex ikompli jonqos il-piż tat-taxxa mingħajr ma jkun perikolat id-defiċit tal-pajjiż jeħtieġ l-aktar li tonqos l-ispiża pubblika.”
Jelenka tliet oqsma fejn hemm bżonn trażżin tal-ispiża: is-saħħa, l-edukazzjoni u l-benefiċċji soċjali.
“Dawn l-oqsma jridu jsiru sostenibbli. Jiġifieri li meta jikbru ma jigdmux biċċa ikbar milli qed jikber il-kejk nazzjonali. Fis-saħħa nifhem li l-Gvern hu restritt bil-wegħda li s-saħħa tibqa’ b’xejn għal kulħadd. Imma anki b’dik ir-restrizzjoni tista’ ssir riforma biex tinqata’ l-ħela u r-riżorsi jintużaw b’mod iktar produttiv bħall-użu tal-isptar il-ġurnata kollha.
“Fl-edukazzjoni għandna sitwazzjoni fejn meta tqabbel ma’ pajjiżi oħra Ewropej bħala investiment ninsabu minn ta’ quddiem. Madankollu, jekk wieħed kellu jaqta’ barra l-istipendji, Malta għandha spiża reali fuq l-edukazzjoni li titfagħna fil-kategoriji t’isfel.
“Jekk qabel in-nies tat-Tarzna kienu jitqiesu bħala baqar sagri għax il-Gvern kien jibża’ minnhom, illum għandna sitwazzjoni simili fl-Università bil-Gvern imbeżża’ milli jmiss l-istipendji. Issa jekk il-pajjiż irid iħares lejn l-istipendji bħala investiment allura biex nitqabblu mal-aħjar pajjiżi Ewropej irridu nżidu ferm iktar l-ispiża fuq l-edukazzjoni reali.”
Kull diskors dwar l-ekonomija jkun vojt jekk ma jissemmewx il-prezzijiet iktar għolja li qed inħallsu għaż-żejt u għall-ikel. X’impatt qed ikollhom fuq l-inflazzjoni, jew huma skuża komda għall-għawġ tal-Gvern?
“Hu ovvju li jekk jogħlew dawn iż-żewġ rizorsi se jgħollu l-prezzijiet. Imma għalina l-ekonomisti l-importanti mhux tant l-impatt dirett fuq iż-żejt u l-ikel, jiġifieri l-prezz tal-fuel fil-pompa u l-għaġin, imma kif il-pajjiż se jirrispondi għal dawn iż-żidiet. Hi dik ir-risposta li se toħloqlok l-livell ta’ inflazzjoni.
“Pereżempju s-settur tal-lukandi u r-ristoranti donnu ħa x-xoqqa f’moxtha bi staġun turistiku tajjeb u għolla l-prezzijiet. Dan it-tip ta’ rispons, jew talbiet sproporzjonati għal żidiet fil-pagi, jżid l-inflazzjoni.
“Irridu nkunu responsabbli li ma nħallux dan l-għoli allarmanti fil-prezz taż-żejt li donnu laħaq massimu u qed jerġa’ jiċċaqlaq ’l isfel, iwassal għal tweġiba li tgħolli l-prezzijiet għax inkella se jkollu impatt fuq l-inflazzjoni. Jekk l-inflazzjoni reali titla’ se tiżdied il-pressjoni biex jogħlew il-pagi u hemmhekk nidħlu fir-riskju li nsiru inqas kompetittivi.
“Fl-aħħar erba’ snin rajna moderazzjoni fiż-żidied tal-pagi li għen biex insiru iktar kompetittivi f’termini ta’ esportazzjoni. Anki fis-sitwazzjoni preżenti nħoss li l-unions qed ikunu kawti ħafna fiż-żidiet li qed jitolbu. Li nibża’ hu li jkun hemm ċaqliq inqas kawt fis-settur pubbliku li mbagħad iħalli impatt ukoll fuq is-settur privat.”
Madankollu jilmenta min-nuqqas ta’ preparazzjoni biex Malta tilqa’ għaċ-ċaqliq ’il fuq fil-prezz taż-żejt.
“Madwar id-dinja ħafna pajjiżi kienu iktar preparati biex jilqgħu għall-prezz għoli taż-żejt illum milli fis-Sebgħinijiet meta faqqgħet il-kriżi l-kbira. Illum f’ħafna pajjiżi hemm użu iktar effiċjenti miż-żejt. Hemm bżonn inqas bramel taż-żejt biex toħloq €100 miljun fi tkabbir ekonomiku llum. Iżda f’Malta għad għandna bżonn iktar bramel taż-żejt meta mqabbla ma’ pajjiżi oħra fl-UE biex noħolqu €100 miljun f’ġid.
“Għad m’aħiex effiċjenti biżżejjed. Il-produzzjoni tal-ilma tiddependi ħafna fuq l-elettriku, għandna waħda mill-ogħla rati ta’ karozzi privati u dipendenza assoluta fuq iż-żejt għall-enerġija. Għandna bżonn intejbu l-effiċjenza tagħna billi jkollna sorsi alternattivi ta’ enerġija imma wkoll billi nnaqqsu d-dipendenza tan-nies fuq il-karozzi privati u t-teħid ta’ miżuri biex innaqqsu l-konsum tal-elettriku.”
Kwistjoni li qanqal il-Gvern fl-ewwel xhur tiegħu kienet tal-liberalizzazzjoni fis-suq tat-trasport. Scicluna jemmen li dan il-proċess għandu jissokta b’konvinzjoni.
“Wara l-elezzjoni ħadt ir-ruħ għax verament donnu kien hemm diskors politiku ġdid meta Austin Gatt neħħa l-monopolju fuq il-ġarr tal-mejtin. Imma wisq nibża’ li mhemmx konvinzjoni f’dak li qed jagħmel il-Gvern. Jew temmen fil-liberalizzazzjoni jew ma temminx u biex tirnexxi u l-konsumatur verament igawdi jeħtieġ li jkollna awtorità indipendenti li tħares il-kompetizzjoni ġusta u tissorvelja s-swieq.”
Nistaqsih x’qed jipprevedi għas-sena d-dieħla anki fid-dawl tas-sħab li qed jinġabar fuq pajjiżi oħra fl-UE fejn saħansitra qed tissemma’ l-kelma reċessjoni.
Scicluna hu kawt imma pożittiv. Skont hu l-problema għall-Gvern hi waħda ta’ perċezzjoni għax wara l-aħħar baġit u bil-wegħdi elettorali n-nies ingħataw impressjoni li kien ġej żmien tajjeb ħafna.
“Ir-riċessjoni li tidher li se taħkem lil xi pajjiżi fl-UE mhux mistennija ddum aktar minn disa’ xhur. Forsi ttul ftit iktar imma ma narax l-ekonomija Maltija taqa’ f’riċessjoni wkoll. Li hu żgur l-ekonomija se tikber b’mod iktar kajman, b’inqas minn tlieta fil-mija.
“Se jkun hemm bżonn isir issikkar fuq l-ispiża pubblika u għalhekk probabbli naraw it-twaqqif ta’ ċerti programmi u servizzi, pilloli fuq is-servizz nazzjonali tas-saħħa li jkunu out of stock u miżuri oħra żgħar li se jdejqu lin-nies.
“Jekk inżommu l-kompetittività l-ekonomija se tkompli tikber imma ma nistgħux nesaġeraw. Li hu żgur hu li se tikber iktar bil-mod milli ġie mwiegħed. Il-problema għall-Gvern hi li jrażżan l-aspettattiva li għolla hu stess.” |
|
Kurt Sansone jintervista lil Prof. Edward Scicluna
Editorijal

Il Punt
Joseph Muscat

Toni u Peppi

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

Wensu Mintoff
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|