Aħbarijiet | 31 ta’ Awwissu 2008 Nr 96
Charlot Zahra
czahra@mediatoday.com.mt
Statistika mogħtija mill-Kummissjoni Elettorali turi li fis-sitt xhur qabel kien ippubblikat l-aħħar Reġistru Elettorali ta’ April 2008 kien hemm aktar minn 1,000 ċittadin ta’ pajjiżi Stati Membri fl-Unjoni Ewropea (UE) li rreġistraw biex jivvutaw fl-elezzjoni tal-kunsilli lokali.
B’hekk l-għadd totali ta’ ċittadini Ewropej reġistrati mal-Kummisssjoni Elettorali għall-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali tela’ għal aktar minn 16,000 sal-aħħar ta’ Marzu 2008.
George Saliba, uffiċjal għoli tal-Kummissjoni Elettorali, qal li bejn l-1 ta’ Ottubru 2007 u l-31 ta’ Marzu 2008 kienu 1,194-il persuni barranin, ċittadini ta’ l-UE, residenti fil-Gżejjer Maltin, li ġew reġistrati bħala votanti fir-reġistri elettorali fid-diversi kunsilli lokali.
L-isem, il-kunjom, l-indirizz u n-numru tal-karta tal-identità Maltija li ngħataw dawn il-persuni jidhru fir-reġistri rispettivi tal-kunsilli lokali ppubblikati f’April 2008.
“L-ammont ta’ kemm applikaw bejn l-1 ta’ April u t-30 ta’ Settembru, 2008 ikun magħruf f’Ottubru meta jinħareġ ir-reġistru li jmiss,” kompla jgħid Saliba.
B’kollox hemm aktar minn 16,483 votanti li huma ċittadini tal-UE mhux Maltin fir-reġistru elettorali tal-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali ppubblikat f’April ta’ din is-sena.
Mit-68 lokalità f’Malta u f’Għawdex m’hemm l-ebda kunsill lokali li m’għandux votanti mill-UE reġistrati fih.
Il-lokalità bl-ogħla ammont ta’ votanti Ewropej reġistrati hija San Pawl il-Baħar fit-12-il Distrett Elettorali. F’din il-lokalità minn total ta’ 12,741 votant, 3,212 huma Ewropej. Dan ifisser persentaġġ ta’ 25 fil-mija, jew votant minn kull erbgħa.
Fit-tieni post insibu l-lokalità ta’ Tas-Sliema fl-10 Distrett Elettorali, b’ 1,753 votant Ewropew reġistrat minn fost total ta’ 12,374 votant. Dan ifisser persentaġġ ta’ 14.2 fil-mija jew votant minn kull disgħa.
Imbagħad fit-tielet post insibu lokalità oħra li tinsab fl-10 Distrett Elettorali, San Ġiljan, b’1,130 votant Ewropew reġistrati minn fost total ta’ 7,052 votant reġistrati f’din il-lokalità. Dan ifisser 16 fil-mija jew votant minn kull tmienja.
Fir-raba’ post u fil-ħames post imbagħad insibu l-lokalitajiet tal-Mellieħa fit-12-il Distrett Elettorali b’1,058 votant Ewropew reġistrati minn total ta’ 6,772 votant reġistrat (15.6 fil-mija) u s-Swieqi fid-9 Distrett Elettorali b’ 580 votant Ewropew reġistrati minn 6,718 votant (8.6 fil-mija) rispettivament.
Il-lokalità bl-inqas ammont ta’ votanti Ewropej reġistrati skont l-aħħar reġistru elettorali hi Ħal Kirkop b’disgħa votanti Ewropej reġistrati minn 1,703 votant. Imbagħad hemm l-Imdina bi 22 votant Ewropew minn total ta’ 256 votant.
Minn dawn s’issa 1,039 votant biss huma reġistrati biex jivvutaw fir-Reġistru Elettorali għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew li se ssir f’Ġunju tas-sena d-dieħla.
Dan wassal għal ilmenti mill-Alternattiva Demokratika (AD), li fost dawn l-eletturi tara potenzjal elettorali qawwi għaliha, bid-Deputat Chairperson Stephen Cachia ħmistax ilu jikteb lill-kap tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta, Julian Vassallo, fejn esprima “it-tħassib sħiħ tiegħu” dwar il-mod kif il-Kummissjoni Elettorali f’Malta kienet qed ġġib ruħha fir-reġistrazzjoni taċ-ċittadini tal-UE għall-elezzjonijet tal-PE.
Fis-17 ta’ Awwissu, Joe Calleja, is-Segretarju tal-Kummissjoni Elettorali, kien qal lil din il-gazzetta li ma kinux qed jintlaqgħu reġistrazzjonijiet ta’ ċittadini Ewropej residenti f’Malta sa minn issa għaliex “l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew se jsiru f’Ġunju 2009 u l-ismijiet tal-votanti eliġibbli jridu bilfors jidhru fir-reġistru elettorali li se jkun ippubblikat f’April 2009 u mhux f’Settembru 2008. Id-data tal-għeluq għal dan ir-reġistru se tkun il-31 ta’ Marzu, 2009.”
Waqt laqgħa ma’ Vassallo nhar l-Erbgħa li għadda, l-AD ipproponiet li l-votanti Ewropej li huma reġistrati għall-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali jiġu awtomatikament reġistrati għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew ukoll.
Il-partit qal li kieku 12,000 mis-16,000 votant Ewropew kellhom jirreġistraw għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fil-120 jiem ta’ xogħol li hemm bejn l-1 ta’ Ottubru li ġej u l-31 ta’ Marzu tas-sena d-dieħla biex jidħlu fir-Registru Elettorali ta’ April 2008 kif qed tippjana l-Kummissjoni Elettorali, ikun hemm kju ta’ 100 votant kuljum biex jirreġistraw fl-uffiċċji tal-Kummissjoni Elettorali f’Malta u f’Għawdex.
Għaldaqstant jistona ħafna kumment tas-Segretarju tal-Kummissjoni Elettorali, Joe Calleja, lil The Times, fejn qal li fl-aħħar elezzjoni tal-Parlament Ewropew f’Ġunju 2004 kienu rreġistaw biss madwar 1,000 ruħ minn madwar 12,000 ċittadini Ewropej li mhumiex Maltin.
“Għaldaqstant hu mistenni li numru simili se japplikaw matul l-elezzjonijiet tal-2009 iżda l-Uffiċċju Elettorali għandu biżżejjed riżorsi biex ilaħħaq ma’ dawn, kif ukoll ma’ ammont ikbar,” Calleja ġie kkwotat jgħid.
|
|
Franica Pulis tintervista lil Peter Dacoutros
Editorijal

Il Punt
Marselle Delicata

Toni u Peppi

Carmelo Mifsud Bonnici

Wensu Mintoff
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|