Aħbarijiet | 31 ta’ Awwissu 2008 Nr 96
Bħall-AD, ir-rapport tal-MLP jitkellem ukoll dwar familji mhux tradizzjonali
Charlot Zahra
czahra@mediatoday.com.mt
Il-Partit Laburista ma jaqbilx ma’ eżenzjoni totali fuq ċentri politiċi bħalma qed jipproponi l-Gvern Nazzjonalista fil-White Paper dwar ir-riforma tal-Kera.
“Il-prinċipju għandu jibqa’ l-istess bħal fil-qasam residenzjali u kummerċjali, jiġifieri li sid il-proprjetà m’għandux iġorr hu l-piż tar-rikonoxximent li s-soċjetà fit-totalità tagħha għandha tagħti lil dawn iċ-ċentri,” sostna l-Partit Laburista meta l-bieraħ ippubblika r-reazzjoni inizjali tiegħu għall-White Paper dwar il-Liġi tal-Kera.
Il-Partit Laburista qed jipproponi li għandu jkun hemm skemi adekwati min-naħa tal-Istat li jiffaċilitaw li ċentri soċjali, kulturali u politiċi “jibgħu vijabbli, jaqdu l-missjoni importanti ħafna fis-soċjetà u jibqgħu jiffunzjonaw bla piż żejjed fuqhom filwaqt li ssir ġustizzja mas-sid.”
Ix-xogħol fuq ir-reazzjoni inizjali tal-Partit Laburista għall-White Paper dwar il-Liġi tal-Kera tħejja minn Kummissjoni maħtura apposta mill-Mexxej Laburista Joseph Muscat.
Din il-Kummissjoni kienet komposta minn Michael Farrugia, il-Kelliem Ewlieni tal-Partit għall-Politika Soċjali, Stefan Zrinzo Azzopardi, President tal-Partit, l-avukat Chris Cilia, l-eks Deputat Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Mario Cutajar, Vincent Marmarà, l-eks Speaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti, Daniel Micallef u l-avukat Edward Zammit-Lewis.
Din ir-reazzjoni inizjali se tkun il-bażi li fuqha jinbnew ir-reazzjoni u l-proposti tal-Partit Laburista fil-Parlament ladarba l-Gvern iressaq il-proposti tiegħu f’forma ta’ abbozz ta’ Liġi.
Il-Kummissjoni qalet li hemm numru ta’ prinċipji msemmija fil-White Paper tal-Kera li fuqhom jista’ jkun hemm “lok ta’ konverġenza” mill-Partit Laburista mal-Gvern Nazzjonalista, fosthom li l-obbligu ta’ provizjoni ta’ akkomodazzjoni soċjali huwa fuq l-Istat u mhux fuq is-settur privat.
Barra minn hekk, punti oħra ta’ konverġenza possibbli msemmija mill-Kummissjoni huma li għandu jkun l-Istat li jkollu l-obbligu li jtaffi l-impatti li jinħolqu biex jinkisbu kundizzjonijiet raġonevoli tas-suq, kif ukoll dwar il-ħtieġa li jiġi stimulat suq ta’ akkomodazzjoni bilanċjat li jkun jistrieħ fuq il-pussess ta’ proprjetà bilanċjat li jkun jistrieħ fuq il-pussess ta’ proprjetà, il-kiri ta’ proprjetà u l-inklużjoni soċjali.
Rigward il-kirjiet ta’ qabel l-1995, il-Kummissjoni tinnota li jekk ir-rakkomadazzjonijiet tal-Gvern jidħlu fis-seħħ, 46 fil-mija ta’ dawk kollha li bħalissa jinsabu f’kirja se jkollhom iħallsu kera ogħla. Il-maġġoranza l-kbira ta’ dawn in-nies huma persuni anzjani li jgħixu fuq il-pensjoni. Huwa ċar li hemm implikazzjonijiet soċjali serji li għandhom jittieħdu in konsiderazzjoni, fost l-oħrajn, f’każijiet bħal dawn.
Il-Kummissjoni tgħid li hemm bosta każijiet oħra ta’ natura soċjali li jridu jiġu indirizzati bis-serjetà, madankollu l-piż tas-soluzzjoni ma jistax jibqa’ jintrefa’ minn sid il-proprjetà.”
Il-Kummissjoni qalet li l-White Paper ma tindirizzax b’mod konkret it-transizzjoni mis-sitwazzjoni preżenti għal dik mixtieqa u x’rimedji se jingħataw biex jilqgħu għall-impatt negattiv ta’ dawn ir-riformi fuq min ma jiflaħx iġorr aktar piżijiet.
“Ghalhekk hemm bżonn qafas konkret, komprensiv u flessibbli għal perjodu ta’ transizzjoni,” sostniet il-Kummissjoni.
Ir-rapport jikkritika l-iskemi ta’ għajnuna li jeżistu ghas-sussidju tal-kera, ewlenin fosthom l-iskemi tal-Awtorità tad-Djar, bħala “mhumiex adekwati”.
Barra minn hekk, l-iskemi għandhom ukoll jindirizzaw realtajiet oħra li bħalissa mhumiex indirizzati, fosthom l-akkomodazzjoni tal-istudenti.
Dwar il-valur tal-kirjiet, ir-rapport jipproponi li dawn għandhom jiġu kalkulati fuq indiċi speċifiku bbażat fuq iċ-ċaqliq tal-kirjiet fis-suq u mhux fuq ir-rata tal-inflazzjoni kif qed jipproponi l-Gvern.
Ir-rapport jgħid li l-perjodu ta’ reviżjoni ta’ kera ta’ tliet snin propost mill-Gvern jista’ jitqies bħala “qasir immens” meta wieħed jikkunsidra l-aspett soċjali.
Fl-istess waqt, ir-rakkomandaz-zjonijiet magħmula mill-Gvern fil-White Paper “ħafna drabi jaqtgħu għad-dritt mingħajr ma jqisu ċirkustanzi speċifiċi u reali tas-soċjetà tagħna tal-lum il-ġurnata.”
Ir-rapport isemmi li l-Gvern fir-rakkomandazzjonijiet tiegħu illimita l-estensjoni tad-dritt eżistenti ta’ kirja li jgawdi inkwilin attwali għar-raġel jew il-mara li huma miżżewġa u m’humiex separati.
Fuq l-istess linja li ħadet l-Alternattiva Demokratika, il-Kummissjoni sostniet fir-rapport tagħha li l-Gvern warrab għal kollox realtajiet tas-soċjetà “bħall-koabitazzjoni, relazzjonijiet bejn persuni tal-istess sess u membri tal-istess familja (bħal aħwa) li jgħixu flimkien.”
Rigward il-wirt tal-kera, il-Kummissjoni qalet li l-Gvern ma qiesx biżżejjed il-kunsiderazzjonijet soċjali tiegħu meta illimita l-wirt għal tfal jew axxendenti ta’ 60 sena jew aktar, il-perjodu tal-wirt għal ħames snin biss u li jkollhom dħul li jaqbeż il-25,000 ewro.
Il-Gvern ukoll qata’ għad-dritt meta ppropona li persuna li tkun qed tgħix f’residenza tal-anzjani jew sptar għal aktar minn sitt xhur titlef it-titolu tal-kirja u l-post jerga’ lura għand is-sid.
Fejn jidħlu l-kirjiet kummerċjali, il-Kummissjoni qalet li anki f’dan il-każ, il-Gvern tefa’ f’keffa waħda il-kirjiet kummerċjali kollha. “Fil-fatt lanqas biss ma saret diskussjoni dwar jekk hemmx lok għal diskussjoni dwar distinzjoni bażika bejn il-funzjoni ta’ ħanut jew outlet li minnu jsir bejgħ, u dik ta’ maħżen.”
Il-Kummissjoni qalet li ħafna mill-kriterji suġġeriti għall-kirjiet residenzjali, bħal perjodu ta’ transizzjoni adekwat, makkinarju adekwat għall-indiċi tal-valur tal-kirjiet u skemi oħra li jgħinu lin-negozji, speċjalment dawk żgħar, jistgħu japplikaw ukoll għall-kirijiet kummerċjali.
“Il-Partit Laburista jrid li sa minn issa, mill-Oppożizzjoni, jagħti l-kontibut sħiħ tiegħu biex pajjiżna jimxi ’l quddiem. Fejn il-Partit Laburista se jkun jista’ jgħin biex ikun hemm titjib fil-kwalità tal-ħajja tal-familji tagħna se jagħmel dan b’impenn sħiħ, sod u qawwi,” temmet tgħid il-Kummissjoni.
|
|
Franica Pulis tintervista lil Peter Dacoutros
Editorijal

Il Punt
Marselle Delicata

Toni u Peppi

Carmelo Mifsud Bonnici

Wensu Mintoff
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|