MediaToday

Intervista | 31 ta’ Awwissu 2008 Nr 96

Lourdes, is-sess u kif jaħsibha l-iżbukkat

Franica Pulis tintervista lil Peter Dacoutros

Peter Dacoutros hu wieħed mill-aktar koki magħrufa f’Malta bejn għax żar l-istazzjonijet televiżivi kollha, bejn għax kunjomu Grieg marbut mal-inbejjed ta’ nannuh imma l-aktar għax iħobb jaqbad man-nies li jċemplulu fuq il-programmi tiegħu. Kif jiddiskrivi lilu nnifsu hu stess, Dacoutros hu żbukkat, xi ħaġa li wiret mingħand ommu.
Ommu kienet l-aktar persuna li influwenzatu f’ħajtu u mingħandha ma ħax l-iżbukkaġni biss imma “il-perfezzjoniżmu kemm jista’ jkun f’kulma nagħmel, li jien żbukkat u d-dixxiplina. Ommi ma kinitx spontanja imma l-iżbukkaġni mingħandha ġibtha.”
Fil-fatt il-kok Malti-Grieg kien l-uniku wieħed li kkritika pubblikament lill-Awtorità tat-Turiżmu Maltija talli għażlet ambaxxatur kulinarju Germaniż biex jirrappreżenta t-tisjir Malti.
Fuq it-televiżjoni Dacoutros jagħti l-impressjoni li jieħu kollox b’ċajta iżda fir-realtà hu passjonali ħafna speċjalment meta tmisslu l-aktar affarijiet għal qalbu. Fil-fatt hekk kif sema’ li l-opinjonist John C. Debattista ddeskrivih bħala ħamallu ‘li jirnexxielu jaqbeż kull limitu ta’ ħamallaġġi immaġinabbli fuq it-televiżjoni’ fuq It-Torċa, Dacoutros saħan, u mhux ftit.
“Hu veru li hawn ħafna rokniet tal-ikel fil-programmi magazin. Imma min qal hekk dwari hu injorant! Meta jkolli t-telefonati la qatt għidt kliem pastaż u lanqas baxx. Għamel ġudizzju ħażin. Jien kliem baxx qatt m’għidt. Aħna li nagħmlu hu li naqbdu mas-semmiegħa. Jien magħruf fuq ir-radju u t-televixin għax naf immur man-nies.
“Jien kemm immiss mad-doppju sens. Tant inkun fil-border li min hu moħħu maħmuġ jieħu l-botti tiegħi. Għalhekk fir-ritratt tiegħi fl-aħħar ktieb qalu li jien ridt inkun għarwien meta kulma jidher minni huma saqajja u minn sidri ’l fuq. Ftit fehmu li kien hemm messaġġ fih dak ir-ritratt: tagħmel kemm tagħmel fl-aħħar jagħmluhielek. Kemm ħa ddum issajjar! Fl-aħħar isajru lili. Ma ridtx li jien nidher bil-borma u bil-fardal. Ma ridtux ikun bħal bqija tal-kotba tar-riċetti.
“Dak li jdejjaqni fil-Maltin għax moħħhom magħluq, u anki fil-politka. Aħna għadna naħsbu li d-dinja ddur madwar Malta mentri aħna raħal fl-Ewropa.”
Jerġa’ jkompli ma’ fejn ħalla.
“In-nies b’dawn il-botti jżommu żaqqhom. Dan ħamallu tgħidlu? Ikunu nies imdejqin b’ħajjithom. Tant ma jkollhomx x’jagħmlu li jkunu jridu jaqbdu ma’ xi ħadd. Imbagħad naqgħu f’affarijiet bħal din ir-regola li sad-9pm fuq it-televixin ma tistax turi nbid. Jien ma nużax l-inbid biex induqu fuq it-televixin. Imma hemm ċertu ikel li għandu bżonnu. Int mhux twaqqaf kollox imma tagħmel kampanja kontra l-alkoħol. Mhux twaqqaf lili!”
Jerġa’ jaqleb għalli jħoss dwar il-Maltin.
“Huma dojoq u faċċoli wkoll, speċjalment fejn jidħol ir-reliġjon. Ma jaġixxux skont dak li tgħid. Kif joħorġu mill-Knisja jibdew jiksru kollox. Hawn nuqqas kbir ta’ karità. Anki fis-sewqan. Ħadd ma jċedi. Kulħadd arroganti. Kulħadd jipprova jaqbeż il-kjù, iħammeġ, character assassination… din hi r-reliġjon?” jistaqsi.
Mistoqsija awtomatika tkun: għaliex bqajt hawn?
“Għax lil Malta nħobbha. Hi parti minni.”
Jieqaf ftit u jibdel il-burdata f’daqqa.
“Billi għidt dan kollu, b’artiklu li jinkiteb ’l hemm u ’l hawn, l-eluf ta’ emails li nirċievi jpattu għal kollox, speċjalment wara ġurnata kerha. Meta ssib emails ta’ nies morda fis-sodda jew li għandhom ħafna problemi u li jistrieħu jew iħossuhom aħjar meta jarawni, għalija hu sodisfazzjon kbir.”
Isemmi messaġġ li kien irċieva: ‘Peter, inkwetajtuni! Għaddiet siegħa u ma nafx kif!’ Sa dan il-ħin ikun biered tista’ tgħid għal kollox u jgħid: “Dan in-negattiviżmu kollu… tlieta, ħamsa fil-mija huma hekk. Imma n-negattiviżmu tant itini f’għajni li jirnexxilhom jinfluwenzawni. Imma l-bqija tal-Maltin huma orrajt. Għax kieku tlaqt ’l hemm.”
Jitħaddet dwar iż-żewġ artijiet li ġej minnhom. Isibha diffiċli jifred dak li jagħmlu Malti u dak li jagħmlu Grieg. Għalhekk jibda billi jgħid x’hemm komuni bejn iż-żewġ pajjiżi.
“Li hemm komuni bejn il-Griegi u l-Maltin hu li jħobbu l-familja, l-ikel, li huma Mediterranji. Ħeqq, x’jagħmilni Malti? Jien twelidt hawn. Jien għandi ħbiebi u familti hawn. Meta nkun il-Greċja nħossni komdu u anki hawn.
“Id-differenza li għandhom il-Griegi hi li għandhom l-ispontanjetà. Minbarra li l-arti u l-kultura kibret magħhom u qiegħda fihom. Aħna għadna qed nitgħallmu nieħdu ħsieb wirtna u nippreservawh. Fuq gżira fil-Greċja tgħaddi minn ħdejn razzett kollox miżmum tajjeb għax iħobbu jaraw l-affarijiet sbieħ anke jekk fqar. Aħna għadna qed ngħallmu lil xulxin kif inżommu nadif.
“Il-Griegi rashom iebsa ħafna. Ħafna aktar minn tal-Maltin. Karatteristika oħra li writt mingħand il-Griegi hi li jien nar tat-tiben. Għalhekk nidher daqshekk outrageous għax hi parti Griega minni. Il-Griegi kollha bħali. Jekk tistaqsini rridx nibdel xi ħaġa minni, ngħidlek xejn.”
Bejn l-ikel Malti u dak Grieg jippreferi tal-aħħar għax ma kienx mittiefes minn kulturi oħra bħalma ġralu dak Malti. Għalkemm kienet xi ħaġa inevitabbli meta tqis li kemm in-nies kif ukoll il-kultura tagħna hi waħda ippastardjata minħabba l-ġnus kollha li rifsu fuqna.
“L-ikel Grieg l-aħjar għax il-Grieg żamm l-awtentiċità tiegħu matul iż-żmien. L-ikel Malti ġie influwenzat minn ikel barrani, speċjalment dak Ingliż. Sofra l-influwenzi barranin.
“Il-platt favorit tiegħi hu l-għaġin, kemm biex nieklu kif ukoll biex inservih. Imbagħad hemm il-ħobża tradizzjonali Maltija biż-żejt u t-tadam li sfortunatament postha qed jieħduh il-junk u l-fast food. Tmur festi jew festivals tara biss kiosks jaqlu ċ-ċipps u jbigħu l-burgers. Ninkwieta ħafna dwar dan għax ir-riżultat hu obesità u diabete.
“Is-soluzzjoni hi li mmorru lura għall-ikel tradizzjonali Malti u Mediterranju. L-ikel Malti li mhux tajjeb għal kulħadd hu dak li għandu fuqu influwenza barranija.”
Bħala koki jinfluwenzawh dawk tajbin mir-reġjun tal-Mediterran. Ma jsemmi l-ebda wieħed b’mod partikulari. Jitkellem ukoll dwar x’japprezza fis-soċjetà Maltija.
“Il-valuri tal-familja, l-għaqda tal-familja. Dak l-aktar li jimpressjonani fil-Maltin. Kieku jieħdu l-affarijiet aktar bil-kalma l-festi fl-irħula nħobbhom ukoll. Inħobb l-armar u t-tiżjin. Idejquni l-piki u l-marċi b’ċertu xorb żejjed. Huma ħabrieka wkoll u meta jinqala’ l-bżonn il-Maltin issibhom biex jgħinuk. Għalhekk jiddispjaċini għall-ftit. Imma l-ħażin dejjem jagħmel aktar aħbarijiet.”
Isemmi l-agħar telefonata li kellu li kienet waqt programm live ta’ Ray Calleja fl-2006.
“Konna qegħdin insajru l-pulpetti. Għaddewli telefonata u vuċi ta’ raġel qalet: ‘Meta se tagħmel ikkapuljat tan-nies u ssajjarhom?’
“Jien indunajt li d-direzzjoni kienet se taqta’ t-telefonata u anki Ray ried. Imma jien għamiltilhom sinjal li ridt inkompli. Staqsejtu: ‘Il-għala tridni nagħmel lin-nies ikkapuljat? Hu qalli,‘Għax hawn wisq mibegħda u nies ħżiena.’
“Ir-risposta tiegħi kienet: Billi tagħmilhom kapuljat mhu se tasal imkien għax il-ħażin iġib iktar ħażen. Iżda bl-imħabba u bil-persważjoni lil dawn in-nies tista’ tibdilhom.
“U qata’ mill-ewwel,” qal b’sodisfazzjon peress li rnexxielu joħroġ minnha bid-daqq tat-trombi u mingħajr ma qata’. Jien daqsxejn kburi talli nagħmel. Dan imbagħad, jekk taqtagħlu, in-nies jindunaw. Mhux kulmin hu ħelu u jixtieq jidher fuq it-televixin hu preżentatur. Irid ikollok ċerta stoffa. Jekk mhux kapaċi tkompli, ieqaf. Minbarra li mhux suppost ikollok qtugħ tat-telefonati. Ninħaraq b’dawn il-preżentaturi għax kif għidt huma biss wiċċ ħelu u jridu jidhru jew għandhom il-flus biex jipproduċu.
“Hawn Malta kultant the wrong people are in the right places. Anki dawn in-nies li jkunu appuntati politikament jew il-kapijiet ta’ istituzzjonijiet tal-pajjiż.”
Iddejqu l-popolarità?
“Sinċeriment ma ddejjaqnix. Kultant inħoss ħajti invażata. Avolja jien nagħmel kollox bil-miftuħ u fil-miftuħ. L-aktar li ddejjaqni hi li n-nies jippretendu li jarawk dejjem kif jarawk fuq it-televixin: b’xagħrek dejjem f’postu u liebes dejjem sew.
“Taħti, fejn noqgħod, għandi stationery. Darba l-Ħadd filgħodu lbist track suit u mort nixtri l-gazzetti. Kien hemm raġel ma nafux li qalli: ‘Xejn ma tidher bħar-ritratti li għandek fil-ktieb tiegħek’. Għidtlu bħal daqslikieku jinteressani kif nidher!”
Dacoutros għandu għal qalbu ħafna Lourdes. S’issa tela’ 35 darba fi 33 sena li ilu jmur u kien bis-saħħa ta’ dan il-post u l-Assoċjazzjoni Volontarji Lourdes li beda l-karriera televiżiva meta kien mar għall-ewwel darba fuq Max Plus fuq programm ta’ Claudette Pace biex isiru ġbir ta’ fondi fl-2000.
Il-preżentatriċi għarfet li Dacoutros għandu ħila jmur man-nies u għadu ma waqafx minn dak iż-żmien lil hawn. Minkejja li kollox beda b’kumbinazzjoni, il-kok minn Tas-Sliema jemmen fid-destin u “li trid tgħaddi minnu żgur li se jkollok tgħaddih”.
Jirrakkonta għaliex ifisser daqstant għalih dak ir-raħal fi Franza.
“Ħafna Maltin jaħsbu li sejrin hemm biex nitolbu l-ħin kollu jew ma jkunux iridu jmorru għax se jaraw ħafna mard u dwejjaq. Għalija hu post il-ferħ u s-serħan tal-qalb. Post li min imur darba irid jibqa’ jmur kull sena.
“Hu l-uniku post fejn il-Madonna meta dehret qalet: ‘Irrid li n-nies jiġu hawn’. Naturalment kulmin jagħmel ix-xewqa ta’ ommu u jinvistaha, se jsib żgur xi ħaġa lesta għalih meta jmur.
“Kulmeta mmur qisha l-ewwel darba. Nimtela b’ċertu sens ta’ sigurtà u nħoss li meta niġi lura Malta, inkun nista’ naffaċċa l-ħajja għal dik is-sena li tkun ġejja. Nieħu injezzjoni ta’ enerġija biex nibqa’ ngħix.”
Mistoqsi jħossx xi differenza bejn stazzjon televiżiv u ieħor jew jekk qattx kien trattat differenti għax kien fuq stazzjon politiku, Dacoutros wieġeb li l-istazzjonijiet idurhom kollha bl-istess mod. Fil-fatt beda Max Plus, mar ONE TV, imbagħad għamel sentejn in-Net, wara sentejn TVM u issa se jibda t-tieni sena fuq ONE TV għax Aroma se jkompli.
“Jien dejjem ħassejtni rispettat ħafna f’kull stazzjon li mort għax jien dejjem żammejt id-dinjità tiegħi.”
Hawn donnu jerġa’ jiftakar fit-tbaqbieqa li kien ħa ftit qabel u jgħid b’ċerta rabja:
“Is-sess jitqies bħala l-akbar dnub. Imma l-Maltin imrobbijin hekk. Meta kont żgħir kienu jgħiduli li jekk tagħmel is-sess tagħma. In-nuqqas ta’ karità hu l-akbar dnub, mela s-sess! Is-sess naturali.”
Minn hawn jaqbeż għal difett ieħor fis-sistema Maltija għalkemm hu kemmxejn relatat.
“Imbagħad dejjem b’din il-biżgħa li nitilfu lit-turist. Ma nistax għaliha din li nkun diskriminat f’pajjiżi u li niġi trattat agħar għax m’iniex barrani. Bħal meta jkun hemm każi fejn Maltija titħarrek għax inqabdet topless u turista ħdejha ma titħarrikx. Dawn ċuċati
!”

Intervista

Lourdes, is-sess u kif jaħsibha l-iżbukkat

Franica Pulis tintervista lil Peter Dacoutros



Il Punt
Dak il-pass falz
Marselle Delicata



Toni u Peppi
Min għandu jirrappreżenta l-interessi tal-ħabsin fil-ħabs?



Carmelo Mifsud Bonnici

L-ikbar u l-isbaħ spettaklu



Wensu Mintoff
Bullijiżmu


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan