Sports | 24 ta’ Awwissu 2008 Nr 95
Ismu fil-futbol Malti żgur li mhux xi wieħed ġdid. Fi żmienu l-futbol Malti kellu żewġ persuni bl-istess isem u kunjom. Wieħed għadu jilgħab sal-lum goalkeeper ma’ Marsaxlokk. L-ieħor kien referee li rriżenja tmien snin ilu sforz ta’ storja kerha li ġrat fil-konfront tiegħu meta l-karriera kienet fl-aqwa tagħha.
Sal-lum għad hawn ħafna nies għamja fuq dan il-każ. Il-verità kollha baqgħet ma ħarġitx. Anqas illum. Saviour ikellimni ftit wisq fuq dan kollu. Ir-raġel għadu mweġġa’. Jaf li kellu raġun u baqa’ bih. Ma saritx ġustizzja miegħu.
Bla dubju kien wieħed mill-aqwa sfafar lokalment. Nikklassifikah ma’ dawk il-persuni intelliġenti ħafna. Għax huwa intelliġenti ħafna konvint li jaf x’kien hemm wara kollox hekk kif intemm l-istaġun 1999/2000 u ma ngħatax bi dritt dak li kien ħaqqu: li jkun referee fuq il-panel tal-FIFA.
Ma jistax jitkellem x’jaħseb li kienet il-vera raġuni għax provi ċari m’hemmx. B’nofs qalb jgħidli biss dak kollu li għadda minnu lejn l-aħħar tal-karriera tiegħu. Fl-aħħar staġun kien ingħata 16-il appuntament fil-kampjonat Premier u l-finali ta’ l-FA Trophy. Kellu staġun mill-aqwa. Madankollu, b’manuvra mill-aktar stramba, il-post fuq il-panel tal-FIFA kien ingħata lir-referee Għawdxi, Anton Zammit li dak l-istaġun kien irreffja inqas minn nofs tal-partiti ta’ Saviour u ma tantx kellu esperjenza meta mqabbel miegħu.
Iltqajt ma’ Saviour l-Erbgħa wara nofsinhar. Miegħu nitkellem fuq id-dinja tar-referees u l-karriera li kellu sal-ġurnata tal-lum. Miegħi jiżvela għall-ewwel darba każ meta fil-bidu tal-karriera kien avviċinat minn diriġent ta’ klabb fit-Tieni Diviżjoni li offrielu somma flus biex jiffavorixxi lit-tim tiegħu. Kien każ li tant kemm inkwetah li kien sejjer jirrappurtah lill-Pulizija ta’ Malta.
Illum il-ġurnata, wara dak kollu li għadda u għaddewh minnu, ħafer lil kulħadd. Jgħidli li diġà qiegħed f’bord ta’ l-MFA iżda lest biex iservi u jgħin aktar lill-assoċjazzjoni jekk kemm-il darba jitolbuh.
“Jekk l-MFA għandha l-pjaċir bija u tridni nagħti l-għajnuna tiegħi jien lest nagħti kontribut. Diġà tkellimt ma’ xi wħud fl-MFA. Tkun xi tkun l-affari lest nidħol għaliha jekk dejjem tkun tgħodd għalija.
“M’għandix aktar x’naqsam direttament fil-futbol iżda qiegħed involut f’wieħed mill-bordijiet tal-MFA. Ninsab għal qalbi ħafna u lest ngħin kull fejn ikun hemm bżonn għall-ġid tal-logħba f’pajjiżna.”
Hekk nibda din l-intervista ma’ Saviour. Ikellimni fuq il-ħajtu llum u fuq il-bidu tal-karriera tiegħu.
“Illum qed ngħix ħajja sempliċi bħal kull bniedem ieħor. Ħajti ma nbiddlitx ħafna minn dak iż-żmien ta’ referee. Baqgħet l-istess b’differenza li llum għandi aktar libertà li nkellem u noħroġ ma’ min irrid.
“L-istorja tiegħi fil-futbol tmur lura għas-snin 1986 u 1987. Kont is-Segretarju ta’ Fgura Utd għal tliet snin. Dak iż-żmien ħassejt li għandi nibda xi ħaġa ġdida fil-futbol. Kien hemm persuna li kienet avviċinatni u staqsietni biex immur nirreffja logħba tad-dilettanti. Ippruvajt u ħassejt li kont mort tajjeb. Kienet logħba taħraq ħafna għalija għax qatt ma kont irreffjajt qabel. Minn dak inhar xtaqt inkompli fil-karriera. Għamilt il-kors u dħalt mal-MFA.”
Saviour Darmanin twieled fit-30 ta’ April 1965 u joqgħod il-Fgura. Huwa iben Dominic u Maryanne u t-tieni wieħed fost ħames aħwa. M’hemmx dubju li fl-aqwa tal-karriera tiegħu kien kunsidrat wieħed mill-aqwa referees fil-futbol Malti. Ikompli miegħi meta nistaqsih fuq dan kollu.
“Naħseb li iva. U qed ngħid hekk mhux għax jien kburi bija nnifsi. L-aħħar staġun tiegħi rreffjajt 16-il logħba fil-kampjonat Premier u l-finali tat-Trophy. Kull referee jkun jixtieq jirreffja l-finali u normalment din l-opportunità tiġi dejjem għand referee tal-FIFA. Allura ngħidlek li ‘iva’, jista’ jkun li dak iż-żmien kont wieħed mill-aqwa u dan għax ir-riżultati hekk jindikaw.”
Ħajja ta’ referee mhix daqshekk faċli. Hawn Malta diffiċli aktar minn pajjiżi ikbar.
“Il-ħajja ta’ referee diffiċli ħafna. Tagħmilha faċli l-personalità u l-kariżma li jkollok ma’ dawk konċernati fil-logħba. Trid tkun kapaċi żżomm id-distanzi mingħajr ma tiġġieled ma’ ħadd. Fil-Gżejjer Maltin diffiċli ħafna għax aħna poplu żgħir u kulħadd jaf lil kulħadd.
“Barra differenti. Meta referee Malti jkollu appuntament barra minn Malta jikkonċentra biss fuq il-logħba li jkollu. Hawn Malta differenti għax kemm plejers, kemm diriġenti u anki partitarji jkunu jafuk.
“Illum ngħid li l-livell huwa wieħed sodisfaċenti ħafna. Ma ngħidx tajjeb ħafna għax hawn ċerti fatturi li joħolqu tensjoni fuq ir-referee. Iżda jekk referee jkun kapaċi jegħleb dawn l-ostakli kollha jagħmel ħajtu waħda aktar faċli.
“Jien nemmen li la hemm 13-il referee li jirreffjaw il-Premier huma tajbin biżżejjed biex jirreffjaw kull partita lokali. Jien ngħid li jekk hemm minnhom li mhux kapaċi jirreffjaw ċerti logħbiet għandha tasal minnhom biex jirtiraw mill-aqwa kategorija.”
Ftit tas-snin ilu kont insegwi ħafna aktar mil-lum il-kampjonati tat-Tieni u t-Tielet Diviżjoni. Hemmhekk, jekk wieħed irid tmiem il-ġimgħa mill-aktar umoristku, ma jistax jitlef il-ħmerijiet li kienu jsiru minn dawk li jilbsu l-libsa ta’ referees u jdaħħku bih daqslikieku libsu kostum tal-Karnival.
Darba fuq it-televiżjoni kien hemm xi ħadd li ssuġġerixxa li r-referees għandhom jalternaw bejn Premier u t-Tielet Diviżjoni. Jiġifieri jittellgħu bil-polza kollha kemm huma biex b’hekk referee tajjeb jiġi jista’ jirreffja logħba fit-Tielet Diviżjoni wkoll. Nistaqsih fuq din il-proposta.
“Ma naqbilx magħha. Referee għandu l-livelli tiegħu u tasal sa fuq bl-esperjenza u l-kapaċità. Jien kont kapaċi u fortunat li wasalt sa fuq nett f’5 snin. Illum qed issir b’iktar kawtela għax qed ikun hawn aktar referees. Iżda dak ma jiswa xejn għax jien inħares lejn il-kwalità u mhux lejn in-numru ta’ referees.
“Nemmen li għadna lura fil-mod ta’ kif jiġu ingaġġati r-referees. Ma ssirx intervista sewwa. Illum referee jeħtieġ li jkollu livell għoli ta’ skola. Referee barra minn Malta jrid ikun jaf jitkellem Ingliż tajjeb ħafna. Dawn huma esiġenzi tal-FIFA u mhux qed ngħidhom jien. Referee jrid ikollok background tajjeb ħafna ta’ skola.”
L-aħħar logħba kkontrollata minn Saviour Darmanin kienet fl-20 ta’ Ottubru 2000 fejn il-Beltin kienu umiljaw lil Floriana bl-iskor ta’ 4-0. Wara dik il-logħba Saviour irriżenja. L-ewwel mistoqsija tiegħi minn sensiela tkun waħda sempliċi: “X’ġara?”
“Dak iż-żmien ħassejtni urtat ħafna bid-deċizjoni li ħadet l-MFA fil-konfront tiegħi. Ħassejtni li kont wieħed mit-top referees li stajt verament nagħmel il-grad tal-FIFA, xi ħaġa li kull referee jkun jixtieqa. Ħa ngħidlek li ma nafx x’kienet ir-raġuni għalxiex ġejt eliminat. Kien hemm raġunijiet li qatt ma ħarġu fil-beraħ il-għaliex twarrabt.
“Illum għadda ħafna żmien. Illum qed nara ħajti aktar kwieta minn qabel. Ma naħsibx li huwa ż-żmien opportun li noqgħod ngħid x’ġara dak inhar.”
Imma taħseb li kien hemm il-preferenzi biex int ġejt eliminat bil-pulit?
“Jien bniedem li ma noqgħodx indur mal-lewża. Dak li jkun ngħidlu mill-ewwel. Naħseb li iva, kien hemm il-preferenzi u jien ma kontx mill-preferuti Mhux għax ma kellix il-grad iżda kien hemm fatturi oħra. Nixtieq li dawk l-affarijiet li ġraw lili ma jiġrux lill-referees oħra.”
Imma jien għandi informazzjoni li int kellek appoġġ sħiħ mill-massa tar-referees lokali ta’ dak iż-żmien meta kellek dan il-każ.
“Iva, vera. Kelli appoġġ sħiħ minn ħafna mir-referees l-oħra u għad għandi dan l-appoġġ sal-ġurnata tal-lum. Sfortunatament mhumiex huma li jagħżlu min imur fuq il-Panel tal-FIFA imma l-bord tal-MFA. Referees kelli u għad għandi ħafna ħbieb tiegħi imma postijiet oħra sfortunatament ma kellix.
“Kont imweġġa’ ħafna u għadni sal-lum. Iżda llum ħfirt u li qiegħed fl-MFA tfisser xi ħaġa żgur. Ħjiel fuq ir-raġuni vera l-għala ġejt eliminat kelli minn dejjem imma kemm tkun ċert ma tafx. Dik l-istorja hija kapitlu magħluq. Il-karriera nimmisjaha ħafna. Kieku llum għadni għaddej u fadalli ħames snin oħra.”
Nistaqsih liema ċirkostanzi ttieħdu biex intgħażel Anton Zammit floku fuq il-Panel tal-FIFA meta dak l-istaġun kien irreffja seba’ partiti biss u ma kellux passat b’saħħtu daqs tiegħu.
“Aħjar ngħidlek li ma nafx. Jien għalhekk irriżenjajt għax ħassejtni urtat. Biex ma ġejtx nominat dik is-sena li għamilt 16-il logħba Premier u l-FA Trophy Final kienet kbira wisq. Stramba, imma nafx. Kien hemm min ma ridnix. Ma kinux wieħed u tnejn kontrija imma aktar.
“Kelli diskussjoni mal-President tal-MFA Joe Mifsud u nirringrazzjah ħafna għax laqagħni. Kien inkoraġġini biex inkompli. Qalli li d-deċizjoni finali bejn min jiġi nnominat kienet bejni u bejn min eventwalment ġie nnominat. Kont urtat ħafna għax min intgħażel minfloki kien irrefja 7 partiti biss dak l-istaġun. Kont staqsejtu fuq liema raġuni ntgħażel hu u mhux jien. Għamilna l-paraguni bejn il-passat tiegħi u dak li kellu hu għax Joe Mifsud stess qalli li kien sar dak l-eżami bejnietna. Meta kont quddiemu u wrejtu l-fatti ma setax iweġibna għax fil-verità photofinish bejnietna ma kienx hemm. Wara kienu ġew jgħiduli diversi raġunijiet il-għala ntgħażel hu u mhux jien.”
Dan il-każ kien qajjem diskussjoni sħiħa fuq il-programmi tat-televiżjoni ta’ dak iż-żmien. Il-ġurnali kienu għamlu ġranet jiktbu iżda r-raġunijiet veri baqgħu ma ħarġux. Saviour jgħidli li ħaġa li kienet iddejqu ħafna kienet dik li ċerti ġurnalisti jaqbdu jiktbu u jfajru d-diskors meta ma jkunux jifhmu jew għamlu studju sew fuq is-suġġett.
“Dak iż-żmien kienu jdejquni l-aktar il-ġurnalisti li jikkummentaw u jiktbu ċerti affarijiet mingħajr ma jkunu jafu r-regolamenti. Nemmen li biex tkun taħdem fil-futbol trid tkun taf ir-regolamenti. Ma ninsewx li kemm dak iż-żmien u anki llum referee huwa bis-sarima ma’ ħalqu għax ma jistax jitkellem mal-media. Referee ma jistax imur fuq ġurnalist u jgħidlu li kien żbaljat. Dik kienet iddejjaqni ħafna.
“Deċiżjoni kontroversjali li ħolqot agħa kbira fil-pajjiż kien penalty li tajt fl-aħħar sekondi lill-Birkirkara kontra l-Belt. Kien diskutibbli ħafna għall-ġurnalisti iżda mhux għalija. Jien kont viċin l-azzjoni u ċert li kien penalty. Bħas-soltu l-ġurnalisti kienu għamlu ġimgħat sħaħ jitkellmu fuqu u jien ma stajtx nirrispondi.
“Inħoss li din għandha tinbidel. Kien hemm żmien fejn kellha tinbidel. Għandu jkun hemm persuna bejn ir-referees u l-ġurnalisti biex tal-inqas ikun jista’ jitkellem f’isem il-ġurnalisti.”
Kurżità fuq Saviour kien il-fatt li kien iżomm il-ballun minn fuq u mhux minn isfel. Il-pala ta’ jdejh tant kemm hi kbira li kienet tippermettilu jagħmel dan. Ħaġa bħal din kienet tqajjem diskussjoni wkoll tant li baqa’ magħruf għalija.
“Kont nagħmilha bla ħsieb ta’ xejn, forsi għax kelli jdejja u s-swaba’ kbar. Il-ballun size 5 u allura stajt naqbdu kif irrid jien. Xi ħadd kien qalli li kont nagħmilha bi qżież. Ma kienx hemm intenzjoni ħażina meta nagħmilha. Kont nieħu pjaċir inżomm il-ballun minn fuq għax minn taħt kont inħossni qisni xi waiter b’xi gabarrè għaddej fil-ground.”
Fil-futbol Malti jissemma ħafna diskors fuq korruzzjoni. Lil Saviour nistaqsih jekk dan id-diskors misħut japplikax ukoll għar-referees. Għall-ewwel darba jiżvela każ li ġara fuqu nnifsu fil-bidu tal-karriera.
“Kull bniedem uman huwa suġġett għall-korruzzjoni. Il-korruzzjoni teżisti kullimkien. Hija l-personalità tar-referee li tbiegħdu minn dawn il-każijiet.
“Ħa niżvela miegħek għall-ewwel darba xi ħaġa li kienet ġrat fuqi. Darba kelli każ fejn ġejt avviċinat. Kienet il-bidu tal-karriera tiegħi. Kienet decider bejn min jitla’ fit-Tieni Diviżjoni.
“Kien ġie fuqi uffiċjal ta’ klabb partikolari u offrieli l-flus biex ngħin lit-tim tiegħu. Irrid inkun onest miegħek u ngħidlek li bżajt immur għal dik il-partita. Kont irrifjutajt immedjatament u tlabt lill-persuna biex tirtira minn ħdejja għax kont se nċempel lill-pulizija.
“Kien assuma li stajt inkun jien ir-referee ta’ dik il-logħba li kien hemm involut it-tim tiegħu għax dak iż-żmien kont nagħmel ħafna logħob f’dik id-Diviżjoni. Kien lest jagħtini ammont ta’ flus.
“Kif semmejtlu l-Pulizija waqaf jippersisiti u telaq. Dak inhar ma stajt norqod b’xejn għax inkwetajt ħafna. Kont anki kellimt kollega tiegħi li hu ex referee. Kont għidtlu b’kollox x’ġara u ma ġarax. Tlabtu jgħinni għax ma kontx naf kif se noħroġ minn xi ħaġa bħal din. Niftakar li kien ġie jarani.
“Wara l-partita qalli li kont tajjeb ħafna. Kienet logħba importanti ħafna. Xi ħaġa bħal dik setgħet skussjat il-karriera tiegħi.
“Minabarra li kont nieħu timbru ikrah ma kienx ikolli ċ-ċans nitla’ fejn tlajt fil-karriera. Illum jgħajruk u ma tkunx imċappas aħseb u ara. Il-Bambin jilliberak minn dawn l-affarijiet.”
Saviour kien referee ta’ kuraġġ. Ma kien idejqu xejn u ħadd fil-logħba tal-futbol. Irreffja kemm logħbiet bla interess u kemm oħrajn kruċjali.
“Bejn Valletta u Birkirkara kelli logħba taħraq li ma ninsiha qatt. Kienet logħba tat-tielet round fejn iż-żewġ naħat riedu l-punti. Dik il-ġimgħa ma niftakarx irqadtx jew le. Il-logħba kienet fuq fomm kulħadd u naturalment il-pressjoni bdiet tiżdied. Biex tgħaxxaqha ħarġet l-aħbar li kienet se tixxandar diretta fuq it-televiżjoni.”
Saviour isibha diffiċli biex jagħtini isem ta’ plejer li kien ferm diffiċli biex tikkontrollah fil-ground filwaqt li jgħidli plejer li kien jammira bl-imġiba korretta tiegħu.
“Kelli rispett kbir mill-plejers. Għadu jeżisti sal-lum. Inħossni fi dmir li nirringrazzja lil dawk il-plejers kollha ta’ żmieni. Kienu ftit jew xejn il-plejers li kienu jdejquni. Kien hemm ħafna li nieħu pjaċir nirreffjahom. Nicky Saliba kien eżemplari ħafna. Anki meta ġieli żbaljajt kien jiġi fuqi u jgħidli bl-aktar mod demokratiku. Imma kien jieqaf hemm. Ħafna referees jgħidu li plejers bħal John Buttigieg, Kris Laferla u Ivan Zammit kienu diffiċli ħafna. Jien qatt ma kelli problema ma’ wieħed minnhom. Kollha ħbieb kbar.”
Nitolbu l-opinjoni fuq ir-referee tal-preżent tal-futbol Malti. Saviour jgħidli li għandu wieħed preferut iżda ma jsemmih qatt b’ismu. Inzerta l-preferut tiegħi wkoll u għalhekk ma kellix diffikultà biex niskopri għal min qed jgħidli.
“Ma nixtieqx insemmi ismijiet. Iżda hemm wieħed li sfortunatament għadu mhuwiex fuq il-Panel tal-FIFA. Narah komplut ħafna. Għadu żgħir u jekk mhuwiex dalwaqt ikun l-aqwa wieħed ta’ Malta.”
Qed tirreferi għal xi ħadd b’żewġ ismijiet?
“Jista’ jkun!”
Jista’ jkun li kunjomu popolari ħafna f’dan il-pajjiż?
“Kien popolari għal 16-il sena żgur u naħseb li se jibqa’.”
Ma ridtx ħafna ħin biex nasal għall-konklużjoni li kien qed jgħid għal Alan Mario Sant, il-preferut ta’ ħafna.
“Nammirah ħafna. Meta niltaqgħu nitkellmu dejjem fuq il-logħba tal-futbol. Meta kien żgħir kien jgħidli dejjem li meta jsir referee hu kien se jaddotta l-istess sistema tiegħi. Jekk ma jkunx fuq il-Panel tal-FIFA se jkun ta’ diżappunt għalih u għall-futbol Malti.”
Fuq skala internazzjonali Saviour jgħidli li kien u għad hawn ħafna referees ta’ kapaċità kbira iżda ma jonqosx li jsemmi żewġ ismijiet.
“Dejjem ammirajt ħafna lil Collina. Għal sena wara oħra baqa’ jingħata l-unur tal-aqwa referee tad-dinja. Kellu personalità u fiżika kbira. Illum nara tajjeb ħafna u viċin tiegħu lis-Sloven Lubos Michel. Mill-ewwel partita li rajtu ndunajt li se jibqa’ tiela’ sew.”
Saviour kellu esperjenza wkoll bħala diriġent ma’ klabb ta’ Premier. Jgħidli li kellu tliet offerti ma’ min imur iżda jagħtini r-raġuni l-għala għażel lil Msida St. Joseph.
“Iva, kienet esperjenza ta’ sentejn ilu. Kien hemm persuna li staqsietni biex noffri l-esperjenza tiegħi ma’ Msida. Għamiltha ċara li jekk immur kienet se tkun għal sena biss. Xtaqt ftit esperjenza ta’ klabb ukoll. Ridt klabb tal-Premier u kelli talba minn żewġ klabbs oħra fil-Premier. Għażilt Msida għax ma kinux Premier fi żmieni u għalhekk ħadd ma seta’ jgħid xejn li mort ma’ tim li kont nirreffjah.”
Nerġa’ nammira fih l-intelliġenza. L-aħħar mistoqsija toħroġli minn moħħi. Niftakar biss aħna u ħerġin barra. Għalik, xi jrid ikollu referee tajjeb?
“Quick thinking! Ma jistax ikun qed jirreffja partita u dak il-ħin jaħseb li nesa l-karozza miftuħa jew li jrid iċempel lill-mara. Jekk jiġik ħsieb wieħed biss waqt il-partita jista’ jkun kruċjali fuq ir-riżultat.” |
|
Franica Pulis tintervista lil Gianni Zammit
Editorijal

Il Punt
Charles Aquilina
Peppi Azzopardi

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

Wensu Mintoff
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|