MediaToday

Intervista | 24 ta’ Awwissu 2008 Nr 95

Il-pastażati fid-demm

Franica Pulis tintervista lil Gianni Zammit

Gianni Zammit magħruf l-aktar għax hu DJ, għall-band tiegħu Rug jew meta jdoqq bħala Gianni & Friends, meta kien jimpersona lil Abubaker mit-Tajikistan u minħabba li hu daqsxejn imqareb fil-kliem li juża kemm waqt il-gigs kif ukoll fuq ir-radju...
Il-lista hi twila ħafna.
Zammit hu Slimiż imma daqt imur joqgħod il-Gżira. Għadu kif għalaq 36 sena u għalkemm ma jridx jiżżewweġ iħoss li ‘issettilja’. Hu ż-żgħir mill-familja Zammit u għandu oħtu waħda ikbar minnu, l-attriċi Pia Zammit, li skont intervista fil-MaltaToday kienet tħobb tkebbu fil-lożor u tużah bħala Mosè jew xi kok skont il-bżonn tar-reċti tagħha.
“Uuu... minn kollox kienet tagħmel! Peress li kienet il-kbira kienet tikkmanda hi. Konna niġġieldu bl-ikrah sakemm baqgħet tgħix id-dar. Meta telqet, ta’ xi 18-il sena, sirna ħbieb tal-qalb. Meta telqet imbagħad orrajt, bdejna mmorru tajjeb flimkien. Qatt ma rajtha fuq it-televixin. Ftit ikolli ċans naraha hemm jew fuq il-palk.
“Il-karattru tagħha allegru u fuq tagħha. Meta konna żgħar, u għadna ma niġġildux, konna ntellgħu reċti għall-ġenituri u l-ġirien. Il-background mużikali tagħtuli hi. Peress li hi erba’ snin u nofs ikbar minni semmgħatli l-mużika tal-Queen, Jesus Christ Superstar, Rocky Horror Show, eċċ. Meta hi kellha 13-il sena u jien disgħa, kont nisma’ l-mużika li tħobb tisma’ hi. Kelli nisma’ wkoll lid-Duran Duran... imma mhemmx x’tagħmel.”
Il-lingwa Maltija vulgari minnha jew il-Malti vulgari minnu?
“Ma ngħidx li hi lingwa vulgari. Imma l-Malti rnexxielu joħroġ ċerta ‘poeżija’ vulgari fil-lingwa.”
Allura, int ‘poetiku’ fuq il-palk?
“Jien ħamallu deep down allura se joħorġu ħamallati. Imma mhux vulgari. Jien il-pastażati ħadthom mingħand missieri. Huma ereditarji, fid-demm,” jgħid b’daħqa.
Mistoqsi kif iħossu bil-ġenituri tiegħu fl-udjenza, wieġeb: “Il-ġenituri ma tantx jiġu jarawni. Imma ġieli ġew għal Teatru Unplugged u rajt lil missieri jgħatti wiċċu b’idu u jgħid x’għamel b’idejh.
“Ara, ommi u missieri, għalihom mhix problema li tkun baxx. Imma fejn tidħol ir-reliġjon, iva, speċjalment id-dagħa.”
Wara l-programm il-Kunjata, Zammit se jsib waħda għalih?
“Jien mhux se niżżewweġ. Ilni mat-tfajla…”
Jieqaf jaħseb u jgħodd f’moħħu.
“...Ilni mat-tfajla tliet snin u nofs. Issetiljajt, iva, issetiljajt. Imma mhux se niżżewweġ għax ma tantx nemmen fiż-żwieġ. Imma għandi kunjata addottiva: Rita, u l-lejla se tagħmlilna barbikjù.”
Iżid jgħid li l-importanti fit-tfajla hu l-karattru tagħha, għalkemm ftit titwemmen, minn xi ħadd imqareb daqsu.
“L-importanti hu l-karattru, li almenu ma tkunx ċassa u tkun fuq tagħha. U d-daħqa. Imbagħad skont il-birra wkoll.”
Nistaqsih għaliex l-irġiel huma daqshekk iffissati fuq sider il-mara u joħroġ b’din it-teorija: “Int ikollok żejża f’ħalqek sa sena, sena u nofs skont kemm iddum treddgħak ommok. Imbagħad joħdulek l-aħjar ħaġa minn ħajtek. Ħeqq, ta’ 14, 15-il sena tkun tridha lura.”
Id-diskors jaqa’ fuq Abubaker, il-karattru mit- Tajikistan, li kien jiġi f’Malta biex ‘jintervista’ lin-nies ta’ pajjiżna. Jammetti li jimmissjah.
“Abubaker nimmissjah ftit imma għamlu żmienu. Kien hemm żmien meta kumpanija riedet tużah għar-reklami. Imma l-produtturi, id-Drunken Angels, ma ridux jerġgħu jqajmuh.”
Nitkellmu dwar l-NNG Productions, għalkemm m’għadux magħhom għax ma setax ilaħħaq max-xogħol l-ieħor f’Jugs@Malta, kumpanija li tiffoka fuq team building, divertiment u set-ups għal kumpaniji Maltin u barranin. Fil-fatt anki mit-televiżjoni se jieqaf għal sena. Jiġifieri daqshekk kunjati?
“Daqshekk kunjati! Għandi mat-30 kunjata available. Jekk ikunu jridu għandi kunjati għall-bejgħ kemm trid. Imma għalissa daqshekk kunjati.”
Niddiskutu l-Festival tal-Jazz u l-kontroversja li qajjem mindu ġie f’idejhom.
“Ikolli naqbel ma’ min iħobb il-mużika Jazz. Jien wieħed biss għamilt. Naħseb kien l-ewwel wieħed. Il-biċċa hi li l-Gvern ma riedx jitlef aktar flus u ikkuntattja lill-NNG biex tagħmlu hi u ma tahiex fondi pubbliċi.
“L-iżball li sar kien li ma nbidilx l-isem mill-ewwel għalkemm ma naħsibx li kienu jħalluna. Ħafna mill-ħbieb tiegħi, li jħobbu ħafna l-Jazz, ħassewha li kienet dagħwa.”
Itenni li l-post fejn isir il-festival ma nbidilx minħabba s-Swar ta’ Sta Barbara, jew kif isejħilhom hu, ‘l-għolja tal-qammilin’ imma għax kienu qed iħarsu lejn l-avveniment bħala wieħed akbar.
“Kien se jkun hemm problema ta’ sigurtà minħabba l-baħar, numru akbar ta’ nies minbarra li kien se jkollna nagħlqu t-triq għal sitt ijiem. Is-sigurtà u s-saħħa l-NNG jeħduha b’serjetà kbira. Aħna nħobbu norqdu komdi. Prevenire meglio che curare.”
X’memorji jġibulek il-Kiss?
“Ili fan tagħhom mindu kelli tmien snin. Dak iż-żmien kulħadd kien intefa’ fuq ir-rock. Kienet għoġbitni mhux biss il-mużika tagħhom imma għax kienu differenti. Din ma kinitx xi ħaġa t’oħti.
“Ħa nagħmel ħajt tal-ħġieġ bil-kitarri kollha tal-Kiss. Meta kelli 20 sena kont mort għall-ewwel darba għal kunċert tagħhom f’Londra. Kulmeta jiġu l-Ewropa mmur narahom. Issa sibt pinball tagħhom tal-1979. Qiegħed f’maħżen il-Marsa. Kont ili nfittxu żmien. Hawn 17,000 minnhom. Il-biċċa l-kbira baqgħu l-Amerka imma wieħed ġie f’Malta u tpoġġa f’sala tal-isnooker u issa sibtu,” qal b’daħqa daqshiex fuq wiċċu.
Nistaqsih għadux iżomm mal-Juventus. L-ewwel reazzjoni kienet: “Din x’mistoqsija hi?” It-taħdita taqa’ dwar Luciano Moggi, id-Direttur Ġenerali tal-Juventus li rriżenja fl-2006 wara li kien akkużat b’tixħim tar-referees, każ magħruf aktar bħala Calciopoli.
“Konvint li Moggi mhux anġlu. M’iniex wieħed minn dawk li għax Juventin ngħid li m’għamel xejn. Imma nemmen li qabdu l-aktar wieħed korrott u għamlu spettaklu bih. Iżda żgur li kien hemm aktar. Hu kien l-aktar wieħed sfaċċat u weħel hu. Imma kienet taċ-ċajt li kienet ġejja t-Tazza tad-Dinja u l-aħjar plejers kienu qegħdin jilagħbu Serje B.”
Skont il-Federazzjoni Internazzjonali tal-Istatistika u l-Istorja tal-Futbol, il-Juventus niżlu fil-95 post bħala tim favorit fid-dinja, meta s-soltu kienu jkunu mal-ewwel 10. Kemm taħseb li affettwat din l-istorja?
“Din żgur tatha daqqa ta’ ħarta għax ikollok ammiraturi ġodda li titlifhom. Ara jekk ikollok il-Juventus fid-demm tibqa’ magħhom, jiġri x’jiġri.”
Mistoqsi x’kien ma għażilx li jżomm mat-tim favorit ta’ missieru, Bologna, Zammit qal: “Jien trabbejt f’dar fejn jekk ma żżommx mat-Taljani torqod barra. U jekk ma żżommx mal-Bologna forsi torqod fil-bitħa. Ma nafx għala għażilt lill-Juventus. Għalkemm Bologna huma t-tieni tim favorit tiegħu u warajhom hemm il-Lazio.
“Il-Juventus ilhom ma jirbħu u waqqgħuhom fis-Serje B. Ilu ma jkollhom plejer kbir minn Zidane. Meta niżlu kellek numru ta’ plejers tajbin li telqu u oħrajn li baqgħu fidili għat-tim bħal Del Piero.
“Hemm timijiet li huma maħbuba għax għandhom il-plejers it-tajbin.”
Il-kliem jerġa’ jaqa’ fuq xogħlu f’Jugs@Malta u l-ambjent li jaffettwah.
“Parti minn xogħli jaqa’ taħt turiżmu. Hu provvediment ta’ servizz. Ħafna mix-xogħol tagħna issa qed isir fuq bażi lokali. Naħseb 35 fil-mija u dejjem qed ikompli jikber.
“Il-klijenti tagħna s-soltu jkunu ta’ erba’ stilel jew ħamsa. Għalkemm hawn ħafna lukandi ta’ ħames stilel, barra mhuwiex ta’ dak il-livell, avolja saru passi ta’ ġgant dawn l-aħħar 10 snin.
“Ma tridx titlef mill-karattru Malti imma lanqas trid tmur Ħaġar Qim u qisek mort f’latrina! It-turisti ma jiġux għall-baħar. Spanja għandhom bajjiet enormi kemm iridu. Il-barranin jiġu għall-wirt, għall-ammont ta’ kultura u Storja li għandna, iċ-ċokon, il-fatt li aħna f’nofs il-Mediterran u l-qalb tal-Maltin.
“Imma ma tistax toħroġ mill-Hilton il-Ħadd filgħodu u timxi fuq il-fliexken u r-remettar tan-nies. Hemm bżonn li ngħollu l-livell. Anzi l-iskejjel li jgħallmu l-Ingliż qegħdin jitranġaw. Qatgħulhom ħafna. M’għadekx issib barra dawk it-tfal żibel bl-alkoħol. U issa mindu nfurzaw il-Liġi tax-Xorb fit-toroq se mmorru għall-aħjar.
“It-toroq qed jitranġaw ukoll. Hemm aktar nies li qegħdin jattendu l-Università. Il-Qorti Ewropea tista’ tikkontrolla l-cowboys Maltin li jagħmlu li jridu hawnhekk.”
Kif tħossok dwar il-kaċċa u l-kaċċaturi? Jidħaq u jirrispondi: “No comment.” Mid-dehra l-kampanja tal-Birdlife li kien ħa sehem fiha ma tantx swietlu ġid imma xorta qal kif jaħsibha.
“Jien minni kontra kull tip ta’ kaċċa imma mbagħad naċċetta kaċċa ikkontrollata. M’iniex veġetarjan imma jekk hemm għasafar li kważi nqerdu għal kollox ma naqbilx li jisparawlhom. Imma meta tkun kontrollata m’għandix problema sakemm ma tkunx illegali.
“Hemm ċerti kaċċaturi li ma jirraġunawx u jħossu li l-kaċċa hi ħajjithom. Imma hemm oħrajn li jirraġunaw b’moħħhom.”
X’taħseb mill-politka u mill-kapijiet tal-partit?
“Jien qallut għax floater komplut. L-iktar li jinteressani hu l-but. M’iniex xi ammiratur tagħha għax il-politka maħmuġa min-natura tagħha. Qabel l-elezzjoni naqra ftit x’inhu għaddej u nieħu deċiżjoni injoranta.
“Ivvutajt għall-UE u s’issa ma jiddispjaċinix. Nippreferi li nkun fid-dgħajsa milli ngħum warajha. Kont naf li se jogħlew xi affarijiet. Imma aħjar hekk.
“Joseph Muscat hu a breath of fresh air. Nemmen f’aħna ż-żgħażagħ imma ma nafx eżatt xi jsarraf għax niġi naqa’ u nqum mill-politka. Gonzi proved himself u għandu viżjoni. Lit-tnejn nixtiqilhom il-festi t-tajba għax it-tnejn huma ħbieb tal-Facebook tiegħi,” żied jgħid.
Jitkellem dwar il-Facebook u l-kumditajiet tiegħu li jużah ħafna waqt il-programmi tar-radju.
“Taqbad ħafna zekzik u anki tajjeb ħafna għal networking. Komdu ħafna għax nibqa’ f’kuntatt ma’ sħabi li jgħixu barra. Anki biex organizzajt reunion, nofshom kienu fuq il-Facebook. U issa jien ir-record holder!” Jgħolli jdejh it-tnejn b’sinjal ta’ rebħa u jkompli: “Jien il-qaħba tas-soċjetà. Din il-ġimgħa qbiżt l-4,000.”
Sakemm il-gazzetta telqet għall-istampar Zammit kellu 4,196 ħbieb fuq il-Facebook.

Intervista

Il-pastażati fid-demm

Franica Pulis tintervista lil Gianni Zammit



Il Punt
It-tbatija tas-separazzjoni
Charles Aquilina


Peppi Azzopardi
Tafda d-destin politiku f’idejn xi ħadd ta’ 16-il sena?



Emmanuel Micallef
Id-diskussjoni pubblika


Carmelo Mifsud Bonnici

It-telluriżmu Malti



Wensu Mintoff
Naħqa ta’ ħmar


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan