MediaToday

Carmel Cacopardo | 17 ta’ Awwissu 2008 Nr 94

It-Tarzna... ’il fejn?

Il-Gvern iddeċieda, fuq bażi ta’ rapport li qed jgħid li għandu, kemm irid ikun in-numru ta’ ħaddiema li jkollha t-Tarzna biex tkun attraenti għal xerrej prospettiv.
Minn 1,700 ħaddiem illum trid tinżel għal madwar 700 qal il-Ministru. Kif ir-rapport wasal għal din il-konklużjoni diffiċli tgħid, sakemm ir-rapport ma jkunx pubbliku, xi ħaġa li s’issa għad ma saritx.
Imma kif tista’ tasal għall-aħjar għadd ta’ ħaddiema meħtieġ meta mhux magħruf min hu interessat li jieħu t-Tarzna f’idejh?
Dan iwassal għal konklużjoni waħda: in-numru ta’ madwar 700 ħaddiem hu biss eżerċizzju indikattiv li fil-prattika ma jfisser xejn. Jien qed niskarta l-unika alternattiva li jibqa’, jiġifieri li n-numru 700 huwa indikat minn xi kumpanija jew kumpaniji li huma interessati fit-Tarzna.
Jekk allura n-numru ta’ 700 ħaddiem li għandu jkollha t-Tarzna hu biss indikattiv ma jagħmilx sens li f’dan l-istadju, meta għadu kmieni, il-Gvern jasal għal konklużjonijiet. Safejn naf jien ħadd għadu ma jaf mhux biss min huma l-kumpaniji interessati iżda wkoll xi pjanijiet għandhom għat-Tarzna. Is-snajja’ li għandhom bżonn huma magħrufa imma n-numru jddependi mix-xogħol u l-kwantità tiegħu li s-sidien il-ġodda se jġibu.
Ilu magħruf żmien, saħansitra minn qabel ma Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea, li wara l-31 ta’ Diċembru 2008 ma jistax ikun hemm iktar sussidji għat-Tarzna. Tant hu hekk li waqt il-kampanja elettorali għall-elezzjoni ta’ Marzu 2008 kienu ċari l-pożizzjonijiet tal-partiti.
Il-PN baqa’ kwiet u kliem mill-inqas ħlief li mhux se jkun hemm downsizing (ċioe tnaqqis). L-MLP sostna li jinnegozja perjodu transitorju ġdid mal-Unjoni Ewropea, ovvjament għax l-MLP dehrlu li l-Gvern immexxi mill-PN m’għamilx użu tajjeb mill-perjodu transitorju. L-AD saħqet li r-rapport Appledore tas-snin 90 kien il-mudell li fuqu trid titfassal is-soluzzjoni għall-problema tat-Tarzna u dan billi l-ħaddiema li ma jkunux meħtieġa għal xogħol fuq il-vapuri jinstabilhom xogħol alternattiv u produttiv.
Din hi s-sitwazzjoni llum. Is-soluzzjoni teżisti u ma tinvolvix spejjeż ikbar milli l-Gvern qed jipproġetta. Li hemm bżonn hu rieda tajba li sfortunatament mhux dejjem tidher li hi hemm.
Ħaġa waħda hi ċara. Jekk il-problema ma tissolvix mhu se jirbaħ ħadd. Se jitlef kulħadd. Jitlef il-pajjiż, jitilfu l-ħaddiema tat-Tarzna u titlef il-Union.
Iżda hu possibbli li jirbaħ kulħadd madwar il-mejda. Dan jista’ jsir biss wara li jitwarrab it-theddid u l-paroli vojt li qed ikun sparat minn kull naħa.

Carmel Cacopardo hu kelliem tal-AD għall-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli

 

Intervista

Il-kawża ta’ Giovanni Bonello

Julia Farrugia tintervista lill-Imħallef Giovanni Bonello



Il Punt
Is-sistema edukattiva f’Malta: Quo Vadis?
John Bencini



Carmelo Mifsud Bonnici

Il-liġi fis-soċjetà


Carmel Cacopardo
It-Tarzna... ’il fejn?


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan