MediaToday

Intervista | 17 ta’ Awwissu 2008 Nr 94

Il-kawża ta’ Giovanni Bonello

Julia Farrugia tintervista lill-Imħallef Giovanni Bonello

Lill-Imħallef Giovanni Bonello qatt ma kont kellimtu personalment. Dan l-aħħar segwejt mill-qrib xogħlu fil-ktieb ġdid maħruġ ġimagħtejn ilu
mill-Istitut tal-Ġurnalisti: When Judges Dissent.
Il-ktieb hu ġabra ta’ wħud mill-aktar każijiet jaħarqu u interessanti li għaddew minn taħt il-ġudizzju
tal-Imħallef fil-ħidma tiegħu fil-Qorti Ewropea
għad-Drittijiet tal-Bniedem fi Strasburgu.
Ħidmietu fil-Qorti Ewropea spikkat. Ma jibżax u ma jiddejjaqx imur kontra l-kurrent. Ta’ spiss juża’ kliem iebes u ma jiddejjaqx iħarrax l-argumenti anke jekk kontra mħallfin kollegi tiegħu.
Ftit tal-jiem ilu l-gazzetta Ingliża The Sun attakkat lilu u lil tmien membri tal-ġudikatura fil-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem. Bonello kien imlaqqam il-“Euro clown” u li ġej minn “an obscure country.” Kif iħares lejha kritika bħal din?
Minn taħt il-mustaċċi puliti qotnin tixref tbissima u fil-pont iwieġeb: “Ma rrid nonqos mir-rispett lejn ħadd. Imma jien meta tmaqdarni The Sun inħossni mfaħħar. The Sun għandha din l-idea kolonjalista li ma tistax toħroġ minnha li l-Ingilterra m’għandhiex tkun ġudikata minn eks kolonja jew minn pajjiżi oskuri jew li mhumiex tal-livell intellettwali.
“Din mhix l-ewwel darba li ġrat. Kull darba li l-Qorti Ewropea tagħti sentenza high profile kontra l-Ingilterra, invarjabbilment ikun hemm xi gazzetta tal-klassi mhux għolja wisq li joħorġu dejjem bl-istess kumment: ‘min huma dawn il-Bulgari li jgħallmuna l-Liġi u d-demokrazija jew id-drittijiet fundamentali?”
L-argument idur fuq suġġett ieħor, id-drittijiet tal-bniedem. Għal ħafna Maltin frażi li teħodhom lura għas-snin tmenin. Imma fir-realtà kemm għadha preżenti u kbira l-problema tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem?
“Tista’ tħares lejha minn żewġ aspetti. Kemm jinkisru d-drittijiet tal-bniedem u kemm hemm rimedji,” tkun it-tweġiba.
“Fl-opinjoni tiegħi f’Malta għamilna progress kbir fuq iż-żewġ fronti. L-ewwel id-drittijiet tal-bniedem ma jinkisrux b’mod sistematiku. Normalment Malta m’għandniex il-qtil, it-tortura. Għandek il-vantaġġ l-ieħor hu li meta jinkisru għandek rimedju. Għandek rimedju l-ewwel fil-Qrati Maltin stess u jekk tfalli hemm imbagħad għandek rimedju li tmur il-Qorti Ewropea. Jiġifieri l-barrieri tad-difiża huma diversi.”
Giovanni Bonello ma jibżax jikkritika anke jekk b’mod aħrax sentenzi ta’ kollegi sħabu. Nittanta nimbxu b’dan il-kumment.
“Il-ħidma ta’ Imħallef hi ta’ djalogu. Allaħares kulħadd jaqbel fuq kollox għax kieku l-Qorti hi mejta. Jien għalija li spiss ma naqblux u li ħafna drabi ma naqblux b’mod drammatiku hi xhieda ta’ kemm hemm skambju fertili u kostruttiv ta’ ideat. Veru ma naqblux u wieħed jippretendi li meta ma taqbilx ma’ kollega tagħmlu b’ċertu sens ta’ rispett u b’ċertu sens ta’ deferenza. Jien ma naħsibx li qatt eċċedejt u nqast mir-rispett li għandu jkun hemm.”
Nieħdu lura għal ġimagħtejn ilu meta f’diskors qasir wara li kien preżentat il-ktieb b’uħud mill-aktar sentenzi interessanti tiegħu għamel numru ta’ riflessonijiet fosthom waħda dwar l-ambjent. L-ambjent bħala dritt ta’ kull wieħed u waħda minna. X’qed jara li qed imur ħażin fl-aspett ambjentali?
“Id-dritt għall-ambjent mhuwiex wieħed mid-drittijiet elenkati fil-Konvenzjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem però hu dritt li kultant jitfaċċa taħt l-umbrella ta’ drittijiet oħra. Meta kellna każi fejn il-ħsara tal-ambjent kienet qed taffettwa l-kwalità tal-ħajja tal-applikanti allura l-Qorti intervjeniet.
“Nista’ nieħu eżempju. Kien hemm każ Spanjol fejn kien hemm fabbrika li nbniet viċin l-abitat u kienet qed tniġġes, in-nies li kienu jgħixu fil-qrib fetħu kawża Spanja u tilfuha. Ġew quddiem il-Qorti Ewropea u rebħuha,” jispjega l-Imħallef.
Fil-mument f’Malta hawn temi oħra jaħarqu fosthom id-divorzju. Nistaqsieh kif iħares lejn każijiet ta’ Maltin li jħossuhom qed isofru minn inġustizzja minħabba l-kwistjoni tad-divorzju meta għandek sitwazzjoni fejn jekk għandek il-flus iġġib divorzju minn barra u l-Istat jirrikonoxxieh, jekk le tibqa’ ssofri waħdek.
“Se nirrispondik b’mistoqsija oħra. Kien hemm xi Malti li ġab xi kawża quddiem il-Qorti ta’ Malta jew il-Qorti Ewropea għaliex Malta m’għandhiex liġi tad-divorzju? Għadu ħadd m’għamel xejn ħlief tgergir fil-gazzetti. Però s-soluzzjoni li hi l-aktar waħda sempliċi li ssir kawża Malta li fiha targumenta li n-nuqqas ta’ divorzju huwa ksur tal-Konvenzjoni Ewropea ħadd m’għamilha. Jien ma nafx x’kien ikun ir-riżultat. Però seta’ sar tentattiv quddiem il-Qorti li għandha prestiġju kbir,” jgħid l-Imħallef Bonello waqt li jieqaf għal ftit sekondi biss.
“Kieku kien hawn koppja li staqsiet jekk in-nuqqas ta’ divorzju hux konformi mal-Konvenzjoni u jirbħu l-kawża Malta l-problema tagħhom solvuta. Jekk jitilfuha jippruvaw l-aħħar pedina li hi l-Qorti Ewropea. Tal-inqas kien ikollhom riżultat. Din hi bħal tal-liġi tal-kera.”
Hawn jispjega li l-liġijiet tal-kera ilhom jeżistu 80 sena u kulħadd igerger kemm huma antiki mingħajr ma jieħu azzjoni. Sena u nofs ilu fi Strasburgu marru tliet kawżi Maltin fuq il-liġijiet tal-kera.
“Rebħuhom kważi hands down. Hemm l-għodda li mhix qed tintuża. Jien m’għandi l-ebda idea x’kien ikun ir-riżultat kieku saret kawża fuq id-divorzju imma almenu kien hemm il-possibiltà li jkollok ġudizzju li l-Gvern Malti kien ikun marbut bih fejn il-Qorti kienet tgħid li n-nuqqas tal-liġi tad-divorzju hu konformi mal-Konvenzjoni jew mhux konformi magħha. Kien ikun hemm risposta għal din
id-domanda.”
Sakemm naħseb fil-mistoqsija li jmiss nistħajjel li wara li l-Ħadd tinqara din l-intervista jkun hemm min jitħajjar jagħmel dan il-pass.
Imma hemm sitwazzjonijiet oħra li tista’ tapplika għalihom l-istess ħsieb? Japplika pereżempju għal żwiġijiet bejn koppji gay?
“L-istess. Hawn qiegħdin fil-periferija l-aktar avvanzata tad-drittijiet tal-bniedem. Int tifhem li dawn problemi li m’hemmx konsensus Ewropew. Fosthom dwar l-istatus ta’ żwieġ ta’ koppji omosesswali. U ma nafx li kieku kellha tiġi kwistjoni quddiem il-Qorti Ewropea liema attitudni tieħu. Il-Qorti ta’ Strasburgu hi pjuttost progressiva. Hi pjuttost liberali. Imma mhux rivoluzzjonarja.
“Id-drittijiet tat-transesswali ġew rikonoxxuti. Kemm id-dritt li l-istat jirrikonoxxi l-identità ġdida tiegħek kif ukoll id-dritt li transesswali jiżżewġu,”
Infakkru li f’Malta riċentement kien hemm il-każ fejn transesswali ma tħallietx tiżżewweġ. Giovanni Bonello segwa dan il-każ u bla tidwir ta’ kliem iwieġeb:
“Naf, naf. Imma ma nafx kinux jafu bis-sentenzi ta’ Strasburgu. Ma nafx. Jew forsi kienu jafu bihom u ma qablux magħhom. Għandhom kull dritt.”
La qed nitkellmu fuq il-Qrati Maltin inżellaqlu mistoqsija dwar id-dewmien fihom. X’jaħseb li hi s-soluzzjoni?
“Semmejt problema ntrattabbli. Id-dewmien mhux kawżat minn raġuni waħda imma numru kbir ta’ fatturi.”
Jistqarr li meta jiltaqa’ ma’ xi Ministru tal-Ġustizzja Malti li jkun għadu kemm laħaq, b’ċajta jgħidlu, ‘Nagħtik il-kondoljanzi’.
“Kull Ministru tal-Ġustizzja ipprova in bona fede jagħti l-kontribut tiegħu. Ir-riżultat kważi qatt ma kien sodisfaċenti.”
Isostni li ma tistax sempliċiment tirdoppja l-Imħallfin jekk ma żżidx il-ħaddiema fl-awli u min naħa l-oħra hemm il-fattur tal-avukati li kull wieħed ikollu turrun kawżi x’jattendi.
“Mhux qed ngħid li żżid it-tariffi tal-avukati għax soċjalment hi ħalfa li tgħidha. Minn naħa l-oħra avukat jekk irid jgħajjex diċentament lill-familja ma jistax ma jaċċettax kull kawża li tiġi quddiemu. Hu dan li qed iwassal biex jekk avukat ikollu ħames kawżi fl-istess ħin se jsegwi waħda u l-erba’ l-oħra jispiċċaw differiti.”
Nieħdu lura għall-1998. Kienet sorpriża għalih meta Alfred Sant, dak iż-żmien Prim Ministru, innominah biex ikun l-Imħallef Malti fi Strasburgu?
L-ewwel darba li l-pawsa kienet ftit sekondi itwal. Imbagħad jistqarr: “Iva. Aktar milli sorpiża kienet xokk.”
Xokk għax ġiet minn għandu, nistaqsieh.
“Le, mhux għax ġiet minn għandu. Jien ma rridx nidħol fl-anteċedenti ta’ dak li kien ġara. Jien meta George Abela infurmani li Alfred Sant kellu bżonn ikellimni dwar il-ħatra jien għidtlu ‘George, qed tiċċajta?’
Dawk li għandhom 30 sena jew anqas forsi ftit jiftakru li Giovanni Bonello kien pijunier fil-ġlieda f’Malta favur id-drittijiet tal-bniedem. Kemm dam avukat prattikanti ddefenda xejn anqas minn 170 kawża ta’ din ix-xorta.
Ħassu mormi meta Gvern Nazzjonalista ma nnominax lilu għall-kariga fi Strasburgu meta hu kien fuq quddiem nett fil-ġlidiet legali saħansitra biex iddefenda kawżi tal-Partit Nazzjonalista dwar ksur tad-drittijiet tal-bniedem?
“Jien ħdimt għad-drittijiet fundamentali tal-bniedem. Jien kelli missjoni. Jien ngħid li meta tagħmel kawża tad-drittijiet fundamentali mhix kawża kontra l-Gvern imma hi kawża favur il-Gvern għax jekk tirbaħ qed tarrikkixxi d-drittijiet fundamentali. Jien qatt ma ħassejtni li qed nagħmel xi kawżi għal xi partit jew għal xi moviment. Kont qed nagħmel kawżi legali għall-kawża, għax kont nemmen li f’Malta kellna bżonn nivvalorizzaw għall-massimu l-Konvenzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem.”
Nerġa’ nissikkah bil-mistoqsija. Kien ħassha meta wara li kien ta tant għall-kawża tad-drittijiet tal-bniedem ma ntagħżilx hu taħt Gvern Nazzjonalista?
“Jien kont esprimejt ruħi pubblikament. Kont għidt dak kollu li ħassejt li kelli ngħid. Kull min irid ifittex dak li għidt dak iż-żmien hu ppubblikat.”
Illum 10 snin wara f’ħidmietu fi Strasburgu l-Imħallef Giovanni Bonello hu meqjus awtorità.
Fl-aqwa Universitajiet Amerikani tal-Liġi, waqt il-lectures jikkwotaw deċiżjonijiet u opinjonijiet tiegħu.
“Niddejjaq niffanfra żżejjed imma jien smajt ripetutament li l-opijonijiet tiegħi huma użati bħala study papers jew discussion papers f’diversi Universitajiet. L-aktar Università prestiġġuża tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ewropa kollha li qiegħda l-Olanda fl-eżami tal-Masters waħda mill-mistoqsijiet li kienet imniżżla fl-aħħar eżami kienet ‘Judge Bonello is the greatest of them all. Discuss.’
“Naturalment dan hu kumpliment, anke jekk inħossni mbarazzat. Inħossni flattered.
“Imħallef mhux qed jagħmel xogħol bħal kwalunkwe xogħol ieħor mid-9am sal-5pm. Jekk m’intix missjunarju ma naħsibx li hu postok f’dik il-Qorti.”
Jitkellem ukoll dwar xi diżappunti.
“Id-diżappunti prinċiparjament mhumiex professjonali. Hu ta’ diżappunt meta l-punto di vista tiegħek ma ġiex milqugħ u allura jibqa’ fil-minoranza. L-opinjoni tal-minoranza ma torbotx. Hi qiegħda hemm bħala forma ta’ kuxjenza. Imma għandha wkoll funzjoni oħra li tistimula dibattitu akkademiku. Jekk ikun hemm appell l-opinjonijiet tal-minoranza huma meqjusa importanti u diversi drabi ġara li fl-appell jilqgħu l-opinjoni tal-minoranza u mhux tal-maġġoranza. Kelli sodisfazzjon li din f’każijiet tiegħi din ġrat diversi drabi.”
Giovanni Bonello hu wkoll awtur ta’ 13-il ktieb. Kif nibtet l-imħabba lejn il-Patrimonju Malti u għaliex il-bżonn li jikteb?
“Jien qatt ma kelli ntenzjoni li nsir avukat. Jien sirt avukat għax kelli avukati minn naħa ta’ missier ommi u sirt avukat kontra l-volontà tiegħi.”
B’ċajta jgħid li anke jekk ħadd m’għamillu pistoli ma rasu qatt ma tawh alternattiva. Iżda fi tfulitu Giovanni Bonello kien espost għall-istorja ta’ pajjiżna. Missieru kien storiku tal-arti u tort ta’ dan il-fattur trabba dejjem għatxan biex jiskopri aktar fuq dak li sawwar l-istorja.
“Il-professjoni legali u l-arti u l-kultura żammejthom paralleli. Ippruvajt dejjem ma nagħtix preċedenza lil waħda fuq l-oħra. Ħajti kollha kont nagħmel ir-riċerka anke jekk ma kontx nippubblikaha. Meta spiċċajt minn avukat bdejt insib il-ħin nikteb ir-riċerka li kont għamilt. Għall-grazzja t’Alla kellha suċċess popolari li jinkoraġġini ma naqtax u li nkompli għaddej,” jispjega.
Fi kliem Giovanni Bonello meta jkun Malta jqatta’ l-ħin “qisu ġurdien jgħarrex u jqalleb fl-arkivji u l-bibljoteki.” U fi tmiem il-ġimgħa meta jkun Strasburgu jintasab jikteb. Fuq l-għatba hemm żewġ kotba, Histories of Malta Numru 9 li se jkun ippubblikat f’Ottubru u ieħor dwar fotografija antika Maltija li mistenni joħroġ kmieni s-sena d-dieħla.
Din ta’ Malta fl-imgħoddi ġġib magħha mistoqsija awtomatika. Jaqbel ma’ min jgħid li Malta saret ċappa konkos?
“L-iżvilupp mhux kollu ħażin. Jien m’għandi assolutament l-ebda nostalġija għall-faqar, għall-injoranza u għas-superstizzjoni. Meta nara ritratt ta’ 100 sena ilu ma ngħidx kemm hu sabiħ għax hemm in-nies ħafja. Dejjem hemm prezz x’jitħallas – il-progress.
“Il-bini ma jħallix sodisfazzjon wisq għax naħseb li abbużajna u esaġerajna. Però jekk tistaqsini jekk aħniex aħjar illum jew 100 sena ilu tistaqsinix għax ir-risposta hi ‘illum’.”
Suppost l-Imħallef Bonello baqa’ jaħdem fi Strasburgu sa sentejn ilu meta għalaq is-70 sena. Imma sakemm ikun hemm qbil dwar is-suċċessur tiegħu obbligat li jżomm il-kariga. Għall-futur ma jixtieqx jerfa’ għall-kollox mix-xogħol.
“Jien ma nixtieqx ninqata’ mil-liġi tad-drittijiet fundamentali. Dik hi parti minni. Jidhirli li tkun ħasra kbira jekk narmi esperjenza ta’ ħajja sħiħa. Fl-istess ħin m’iniex preparat nerġa’ mmur naħdem fil-Qrati ta’ Malta. Dik nista’ neskludiha kompletament. Miftuħ għall-għażliet kollha. Jekk ikun hemm offerta interessanti nikkunsidraha. Għall-grazzja t’Alla nħossni għadni f’saħħti biżżejjed biex inkompli għaddej. Basta xogħol li narah konformi mal-esperjenza tiegħi. Il-bqija l-passatempi tiegħi għandi biżżejjed mhux sa 100 sena imma sa 150 sena! Jekk nikteb in-noti kollha li għandi, għandi biżżejjed biex ngħaddi x-xjuħija mballata.”

Intervista

Il-kawża ta’ Giovanni Bonello

Julia Farrugia tintervista lill-Imħallef Giovanni Bonello



Il Punt
Is-sistema edukattiva f’Malta: Quo Vadis?
John Bencini



Carmelo Mifsud Bonnici

Il-liġi fis-soċjetà


Carmel Cacopardo
It-Tarzna... ’il fejn?


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan