MediaToday

Il-Punt John Bencini | 17 ta’ Awwissu 2008 Nr 94

Is-sistema edukattiva f’Malta: Quo Vadis?

Ninsabu f’nofs Awwissu. L-għalliema u kull min jaħdem fl-iskejjel qed jieħdu l-mistrieħ mistħoqq għalkemm ħafna mill-kapijiet xorta waħda ssibhom fl-iskejjel minkejja li suppost u bi dritt ikunu qed igawdu l-vaganzi bħal ħaddieħor.
It-tfal u l-istudenti wkoll jinsabu ’l bogħod mill-iskejjel għalkemm hemm bosta minnhom li qed jieħdu sehem fl-iskejjel tas-sajf. Iżda ftit ġimgħat oħra u terġa’ tibda sena skolastika ġdida. Ħafna forsi jistaqsu: x’hemm lest għalina?
F’nofs Settembru madwar 95,000 student jirritornaw l-iskola, kif se jagħmlu 9,000 għalliem, fosthom Kindergarten Assistants u Learning Support Assistants. Ħafna studenti se jbiddlu l-iskola u se jsibu ambjent ġdid. Numru sew minnhom se jżanżnu xi waħda mill-iskejjel ġodda li għadhom jew qegħdin jinbnew. Il-Gvern qed jonfoq eluf kbar ta’ ewro fi skejjel moderni u sbieħ. Hawnhekk sar investiment qawwi ħafna u bosta skejjel, Primarji u Sekondarji, iħabbtuha bil-kbir ma’ skejjel privati f’pajjiżna.
Iżda l-mistoqsija li qed tqum fuq f’fomm kulħadd, fosthom l-edukaturi, l-għalliema u l-ġenituri hi din: x’tip ta’ edukazzjoni qed joffri pajjiżna? Veru li ħadd mhu qed jibqa’ lura? X’qed jigri minn wara li twaqqfu l-Kulleġġi? L-eżami tal-Junior Lyceum jew tal-Common Entrance se jibqa’?
Sar xi studju jew xi tip ta’ assessjar dwar kif mexa l-Kulleġġ San Benedittu fejn għandek taħlita ta’ livelli? Għaliex donnu qed nibżgħu nużaw il-kelma “sistema komprensiva” meta fil-fatt hekk qed jiġri f”San Benedittu?
Is-sistema li qed tiġi pprattikata f”dan il-Kulleġġ se tibda tiġiipprattikata f”Kulleġġi oħra? Jekk le, allura x’se jiġri?
Tajjeb li wieħed isemmi li l-għalliema li jaħdmu fil-Kulleġġ San Benedittu riedu li permezz tal-Union tagħhom, l-MUT, iwasslu messaġġ lill-Awtoritajiet u dan il-messaġġ twassal għand id-Direttorati f’Ġunju li għadda.
L-istaff ħassew li wasal iż-żmien li ssir evalwazzjoni tal-proġett pilota li beda tliet snin ilu u li fih l-għalliema kollha għandhom ikunu direttament involuti. Dan kien proġett li fih ħafna affarijiet pożittivi, iżda bħal kull ħaġa oħra, fih in-nuqqasijiet tiegħu wkoll.
Dawn in-nuqqasijiet ma jistgħux jibqgħu hemm sena wara l-oħra. Hemm bżonn li l-Awtoritajiet jisimgħu u jieħdu azzjoni konkretament b’mod partikulari fejn jidħlu l-programmi tal-Foundation (ex-opportunity Centers Students) u n-numru ta’ livelli differenti ta’ tagħlim li din is-sistema ta’ dik l-iskola titlob mill-għalliema.
Jekk se nħallu ż-żmien ikompli għaddej mingħajr ma tittieħed azzjoni, allura l-Awtoritajiet qegħdin ikunu responsabbli għal dawk l-istudenti, l-aktar batuti, li minħabba li s-sitwazzjoni hi dik li hi, xorta mhumiex jintlaħqu mis-sistema edukattiva.
L-għalliema f’dik l-iskola ma jridux li dak li rnexxielha tikseb din l-iskola f’dawn l-ewwel snin tagħha, bis-saħħa, bl-impenn, bis-sagrifiċċju u bid-determinazzjoni ta’ kull min kien involut, jinħatt f’qasir żmien. L-Awtoritajiet minn Settembru li ġej iridu juru impenn ġenwin biex l-affarjiet ma jibqgħux kif inhuma.
Biex din is-sistema ta’ 3-in-1, fejn taħt saqaf wieħed għandek studenti li qabel kienu jmorru l-Opportunity Centers, Area Secondary jew Junior Lyceum trid strutturi u appoġġ totali, jekk verament irridu li din tirnexxi. Trid ukoll aktar riżorsi umani u mhux tipprova tinqeda bl-inqas numru ta’ għalliema possibbli, b’għalliem jingħata l-ogħla ammont ta’ lezzjonijiet possibbli u tippretendi li kulħadd ilaħħaq ma’ kollox. Din hi sistema li tqum ħafna flus. Wara kollox jekk verament f’pajjiżna rridu edukazzjoni ta’ kwalità rridu nħallsu għaliha, inkella nibqgħu kif konna!
Fl-4 ta’ Ġunju li għadda l-MUT kitbet liż-żewġ Diretturi Ġenerali u talbet laqgħa biex tiġi diskussa din is-sitwazzjoni prekarja, sitwazzjoni li probabbilment se tibda tinfirex f’Kulleġġi oħra.

Ma jistax ikun li l-għalliema jagħmlu x-xogħol tagħhom, kif wieħed jistenna minnhom, jekk dawn se jkomplu jingħataw livelli differenti, b’numru esaġerat ta’ sillabi. Imbagħad jispiċċaw mingħajr dak l-appoġġ kurrikulari, mingħajr linji gwida u jispiċċaw għal għonq it-triq. L-MUT tistaqsi jekk meta l-Awtoritajiet riedu jadottaw din is-sistema edukattiva kinux konxji mill-konsegwenzi?
L-MUT ittenni l-impenn lejn għażla preferenzjali favur dawk it-tfal li l-aktar jeħtieġu attenzjoni u għajnuna individwali, filwaqt li tisħaq li l-għalliema għandhom jitħarrġu tul il-karriera professjonali tagħhom u mwensa b’mod xieraq biex l-istudenti l-aktar fil-bżonn jingħataw l-aħjar servizz possibbli. L-MUT tinnota li għad hawn numru mhux żgħir ta’ tfal u studenti li mhumiex jibbenefikaw mill-proċess edukattiv. Tfal li joħorġu mis-sistema mingħajr dak li l-pajjiż u l-komunità internazzjonali jqisu bħala bżonnijiet edukattivi bażiċi. L-MUT tħeġġeġ lill-Gvern li hi s-sistema edukattiva li trid tadatta għall-istudent u mhux bil-maqlub.
Biex dan jibda jseħħ l-MUT tesiġi li dak li nftihem fir-Riforma maqbula bejn l-MUT u l-Gvern jiġi implimentat fit-totalità tiegħu. Qed nistennew bil-ħerqa li dak li nftihem, speċjalment fejn jirrigwarda s-servizzi għall-istudenti, jiġi attwat u dan fl-aħjar interess ta’ tfal vulnerabbli. L-MUT tqis il-ġustizzja soċjali bħala l-pern li fuqu għandha ddur politika edukattiva ta’ kwalità għal kulħadd.

John Bencini hu President tal-MUT

 

Intervista

Il-kawża ta’ Giovanni Bonello

Julia Farrugia tintervista lill-Imħallef Giovanni Bonello



Il Punt
Is-sistema edukattiva f’Malta: Quo Vadis?
John Bencini



Carmelo Mifsud Bonnici

Il-liġi fis-soċjetà


Carmel Cacopardo
It-Tarzna... ’il fejn?


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan