Aħbarijiet | 10 ta’ Awwissu 2008 Nr 93
Kurt Sansone
In-nuqqas ta’ direzzjoni minn fuq wasslet biex fil-Partit Laburista seħħ terremot bil-kontra ta’ dak li xtaq il-mexxej Joseph Muscat fl-elezzjoni għall-ħatra ta’ segretarju ġenerali.
Minkejja li fl-aħħar ġimgħa tal-kampanja grupp żgħir ta’ nies viċin ħafna ta’ Muscat intefgħu b’ruħhom u b’ġisimhom wara l-kandidatura ta’ Joe Vella Bonnici, l-assistent personali ta’ Muscat, David Borg kien qed jikkampanja attivament favur Jason Micallef.
Is-sehem ewlieni ta’ Borg, magħruf bħala l-Wise, u missieru, li lura fiż-żmien kien is-segretarju ta’ Lorry Sant, wassal biex ħafna delegati jifhmu li Micallef kellu l-appoġġ tal-mexxej.
“Il-perċezzjoni li kellhom id-delegati Laburisti li Jason Micallef kellu l-appoġġ ta’ Joseph Muscat ma ġietx mix-xejn. Kull darba li kienu jaraw lil David Borg spalla ma’ spalla ma’ Micallef fehmu li s-Segretarju Ġenerali kellu l-barka ta’ Muscat anki jekk dan mhux bilfors kien il-każ,” sostna delegat ma’ din il-gazzetta.
“Ma kien hemm xejn ‘wise’ fl-għażla ta’ Borg li jappoġġa lil Micallef,” sostna delegat ieħor b’ton sarkastiku.
Dwar il-perċezzjoni tkellem ukoll Lino Spiteri f’artiklu fit-Times nhar it-Tnejn li għadda, fl-istess ġurnata li d-delegati kellhom jagħmlu l-għażla.
“Se tkun tiġrija viċina ħafna, b’Micallef jibbenefika mill-perċezzjoni li t-tmexxija hi warajh. Ma naħsibx li attwalment qegħdha warajh. Imma l-perċezzjoni għandha l-piż,” sostna Spiteri fil-kitba tiegħu.
Bil-kontra ta’ dak li ngħad fil-media Nazzjonalista Muscat ma xtaqx lil Micallef imma pprefera lill-ekonomista Vella Bonnici. Madankollu n-nuqqas tiegħu li jitfa’ l-ankri b’mod ċar wara l-ekonomista wassal biex inħoloq sens ta’ inċertezza fost id-delegati.
In-nuqqas ta’ direzzjoni nħasset iktar meta assistent ieħor ta’ Muscat, Willie Grech, l-ewwel beda jaħdem għal Joe Chetcuti mbagħad wara li dan irtira ntefa’ jaħdem ma’ Vella Bonnici fl-aħħar erbat ijiem tal-kampanja.
Il-ħatra mill-ġdid ta’ Micallef wasslet biex fil-Partit Laburista jinħoloq sens ta’ diżillużjoni. Minkejja li r-rapport tat-telfa kien indika lil Micallef bħala wieħed mill-ħamsa li mexxew kampanja elettorali li falliet, id-delegati għoġobhom jaħtruh b’iktar voti milli kien ġab ħames snin ilu.
Apparti dan Micallef għandu problema biex jaħdem ma’ ħafna minn nies fil-Grupp Parlamentari li jħossu li kien sors ta’ nkwiet intern fil-partit, speċjalment bil-ġlieda ma taqta’ xejn li kellu mal-eks deputat mexxej Michael Falzon.
Intant sorsi fil-Partit Laburista sostnew ma’ Illum li bħalissa l-mexxej għaddej b’tentattiv biex jidentifika kap eżekuttiv, kariga li sal-lum ma teżistix. It-twaqqif ta’ din il-kariga kienet issuġeritha għall-ewwel darba fir-rapport tat-telfa tal-2003 madankollu qatt ma ttieħdu passi konkreti biex titwaqqaf.
Għalkemm l-għan ewlieni ta’ kariga bħal din tkun biex ix-xogħol amministrattiv jaħdem aħjar ħafna qed isostnu li dan jista’ jkun ukoll mezz li bih jintrabtu l-ġwienaħ ta’ Micallef ħalli ma jerġax jispiċċa fiċ-ċentru tal-attenzjoni kif ġara f’dawn l-aħħar ħames snin. |
|
Kurt Sansone jintervista lil Patri Ġwann Xerri
Editorijal

Il Punt
Tony Zarb

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|