MediaToday

Sport | 10 ta’ Awwissu 2008 Nr 93

Rigal tal-festa lill-Ħamruniżi kollha

Hu l-isbaħ rigal li seta’ jingħata lill-poplu Ħamruniż f’dawn il-jiem meta proprju llum tiġi ċċelebrata l-festa ta’ San Gejtanu li bla dubju hi fost l-isbaħ u l-ikbar festi li għandu l-pajjiż.
It-Tnejn li għadda dawk dilettanti tal-logħba tal-futbol kellhom festa oħra. Filgħaxija saret il-partita ta’ ħbiberija kontra Marsaxlokk u wara r-riċeviment li bihom Ħamrun Spartans qatgħu ż-żigarella fuq wieħed mill-isbaħ proġetti tal-futbol f’Malta.
Il-Victor Tedesco Stadium niftakru għalqa. Niftakar li ta’ tifel żgħir konna nilagħbu fih u l-priorità dak iż-żmien ma kinitx li tilgħab tajjeb u tiskorja iżda li ma taqax jew ma jwaqqgħukx biex meta tmur lura d-dar ommna tibqa’ tagħrafna.
Illum storja oħra. Illum flok dik l-art iebsa ta’ darba hemm tapit artab. Tapit aħdar li jagħtik li tilgħab u toħroġ l-aħjar tiegħek. Hu wiċċ li għal dan iż-żmien li ġej se jibqa’ jtella’ fost l-aqwa plejers fil-pajjiż kif wara kollox dejjem tellgħet in-nursery ta’ Ħamrun Spartans.
Wara dan il-proġett kien hemm ħafna nies. Kulmin kien involut imqar sekonda minn ħajtu f’dan il-proġett tal-ground ħaqqu l-ikbar prosit. Issa hu l-mument opportun biex il-Ħamruniżi ma jħarsu lura qatt. Min hawn trid tibda jew tkompli t-triq lejn era ġdida ta’ suċċessi għal Ħamrun Spartans. Dan hu ċ-ċans tad-deheb hekk kif kull sezzjoni fil-Ħamrun tidher magħquda wara l-klabb tal-futbol f’dan iż-żmien ta’ festa. Fuq dan nibda nitkellem ma’ Gejtu Cuschieri, il-President ta’ Ħamrun Spartans, hekk kif iltqajt miegħu nhar l-Erbgħa wara nofsinhar.
“Jien niftakar il-Ħamrun magħqud u l-Ħamrun mifrud. Bħalissa hawn għaqda speċjali fost il-poplu Ħamruniż. Jekk il-futbol fil-Ħamrun ikun b’saħħtu l-Ħamruniżi jinsew id-differenzi ta’ bejniethom kollha. Bħalissa kulħadd qed jagħti dak li jiflaħ iżda jien nibqa’ nappella biex kulħadd jibqa’ jagħmel is-sagrifiċċji kif qed nagħmlu aħna.”
L-atmosfera fil-Victor Tedesco Stadium f’dawn il-ħinijiet kienet waħda kalma għall-aħħar. Sakemm nidħlu fl-uffiċċju tal-Grounds Manager u Teżorier Manuel Fenech, ninnota l-plejers tal-Ispartans jitħarrġu b’mod ħafif in-naħa l-oħra tal-ground fil-ftit dell li kien hemm. Is-sħana kienet fl-aqwa tagħha iżda alternattiva oħra ma kienx hemm. Fi żmien 24 siegħa jmiss l-isfida kontra Sliema Wanderers. Ħamrun kellhom rebħa kbira ta’ 4-2 tliet ijiem biss wara li rebħu lil Marsaxlokk 1-0 fil-logħba li nawgurat il-proġett il-ġdid tal-Victor Tedesco Stadium.
“Miż-żminijiet tas-Sur Tedesco sal-lum inbiddlu ħafna affarijiet. Kont qed inħoss li tlifna l-kreddibbiltà mal-Ħamruniżi. L-ewwel għan tiegħi kien li nerġa’ niġbor ir-rispett li konna tlifna. Mhux se ngħidlek li rnexxielna mija fil-mija imma disgħin fil-mija rnexxielna żgur. Il-partitarji bdew ġejjin lura u anki f’logħba ta’ ħbiberija bħalma kellna nhar it-Tnejn hawnhekk kontra Marsaxlokk in-naħa tagħna kienet mimlija.
“Il-mira tiegħi hi li b’dan it-tim immorru l-Ewropa. Iebsa li nimmiraw li nirbħu l-kampjonat imma serraħ rasek li jekk jiġi ċ-ċans nippruvaw niħduh ukoll. M’aħniex qegħdin naħsbu s’hemmhekk iżda nassigurak li jekk ikollu jiġi ċ-ċans se naħdmu fuqha. Għandi f’rasi li dan it-tim jista’ jwassal anki sat-tieni post.”
Gejtu Cuschieri twieled fis-6 ta’ Jannar 1933 u joqgħod u għex fil-Ħamrun. Martu, Evelyn, ħallietna ħames snin u nofs ilu. Għandu żewġt itfal, Josef u Louis. Lil Louis nafu ftit. Hu l-President tal-Milan Club Malta u fil-passat serva wkoll ħames snin fil-Parlament f’isem il-Partit Nazzjonalista. Gejtu mhux b’inqas. Wiċċu fil-Ħamrun sinonimu l-aktar mad-Dar Ċentrali tal-PN u mal-Każin tal-Banda San Ġużepp. Meta nkellmu fuq dan kollu jidħak. Kien jaf li għalkemm quddiemu kellu Ħamruniż, il-persuna ġejja minn oqsma kompletmanet differenti.
“Il-background tiegħi tafu sew int għax Ħamruniż bħali. Iżda inzertajna ma naqblux f’kollox. Meta dħalt fil-Kumitat il-klabb kellu bżonn council member. Kienu fehmuni x’kienet is-sitwazzjoni u aċċettajt dak li kien hemm bzonn. Kont ukoll segretarju u f’dan iż-żmien bdejt naħdem fuq il-proġett tal-ground.
“Għadda ż-żmien u kellna bżonn president. Ma stajna nsibu lil ħadd. Ħadd ma ried jidħol għal dan il-vjaġġ. Jien kont xettiku wkoll kemm stajt nerfa’ din ir-responsabbiltà. Iżda ħsibt waħdi u għidt li ma jistax ikun li klabb bħal Ħamrun Spartans ma jkollux president. Ħadt din il-kariga tliet snin ilu. Meta dħalt lil sħabi għidtilhom li x-xewqa tiegħi kienet li t-tim jitla Premier u jibqa’ Premier. Ma ridtx nibqa’ tim tal-yoyo’s li noqgħod nitla’ u ninżel. Ħdimna fuq li ħdima u fl-aħħar irnexxielna nibnu tim.
“Jien Ħamruniż ferventi. Inħobb lill-pajjiżi u dilettant ħafna kemm tal-futbol u anki tal-muzika. Kont ukoll fil-Korp tal-Pulizija u lgħabt ukoll il-futbol ma’ Ħal Qormi u Ta’ Sliema. Mal-pulizija għamilt 25 sena servizz u spiċċajt surġent. Bħalissa naħdem mal-kumpanija Fexco. Illum qiegħed ngħin lill-klabb li ħabbejt minn dejjem fil-kariga ta’ president.”
Gejtu għandu mandat ta’ sentejn oħra f’din il-kariga. Madankollu jammetti miegħi hekk kif ngħidlu li għandi informazzjoni li dan se jkun l-aħħar staġun għalih bħala President.
“Illum għandi 75 sena. Il-Bambin ipprovda lil xi ħadd żagħżugħ li jista’ jerfa’ din ir-responsabbiltà. Jien lest biex inċedilu postu. L-idea tiegħi hi li nagħmel din is-sena biss. Bdejt najja u għandi affarijiet oħra. Minbarra hawn qiegħed ukoll segretarju tal-Banda La Vallette, il-Belt.”
Il-klabb Ħamruniż kellu battikata mhux ħażin sakemm għamel ċert mill-art. Gejtu jispjegali eżatt x’kienet is-sitwazzjoni sal-ġurnata ta’ meta kollox sar proprjetà ta’ Ħamrun Spartans.
“Hawnhekk kien hawn il-kwistjoni li l-gvern jista’ jżommna milli nagħmlu xi ħaġa fil-ground. Ridt inkun ċert li l-ground jiġi xi darba tal-Ħamrun. Kelli xi sitt laqgħat mal-Ministru Tonio Borg u fl-aħħar wasalna. Issikkajt kuljum u sa fl-aħħar wasalt.
“Il-President tal-MFA bir-raġun ried xi ħaġa fuq xiex iserraħ rasu. Ma setax jinvesti dawk il-flejjes kollha fi ground biex imbagħad jiġri xi ħaġa u jiġi l-gvern u joħodulna. Ried iċ-ċertezza li hawnhekk se jkun amministrat mill-Kumitat tal-Ħamrun. U ħadna dawn iċ-ċertezzi kollha ftit jiem qabel l-aħħar Elezzjoni Ġenerali. Minn hemm bdejna x-xogħol. “Din il-ħolma vvintaha Victor Cassar. Ngħidlek il-verità kont ftit dubjuż jekk naslux jew le iżda bl-għajnuna ta’ kulħadd ilħaqna l-miri tagħna. Ma nistax ma nirringrazzjax lil John Buttigieg tal-Papillon u lil Dun Anton Portelli li kieku ma kienx għalihom ma wasalniex għal dan kollu.
“Bejn il-233,000 ewro (Lm100,000) li se tagħtina l-MFA, il-50,000 ewro (Lm20,000) mill-Good Causes Fund u l-flus li ġbarna, aħna wasalna. Dr Mifsud wegħidna li jekk dak kollu li kellna f’moħħna jirnexxi jagħtina dik iċ-ċifra. Magħna żamm il-wegħda u ma nistax ma nirringrazzjahx. Għandna relazzjoni tajba ma’ kulħadd inkluż il-Kunsill Lokali u ż-żewġ każini tal-baned. Għaqqadna kollox u mxejna. L-iskop kien li niftħuh fl-aħħar ta’ Lulju imma ttardjalna d-dawl. Ġietna tajjeb għax ftaħnieh proprju fil-ġimgħa tal-festa ta’ San Gejtanu.
“Il-quddiem għad jistgħu jsiru affarijiet oħra. Diġà vvintaw li trid issir it-tinda u bdew jittieħdu ċerti inizjattivi. Dan il-ground irridu immexxuh professjonalment. Diġà għandna ground manager li qalli li diġà għandna bookings tajbin għall-ground li se jgħinuna ħafna.”
Waħda mill-affarijiet li komplew għarrqu lil Ħamrun Spartans fil-passat hi l-kwistjoni tad-dejn. Il-klabb ħa fama ħażina ħafna minbarra li fil-madwar kellu jħufu diversi spekulaturi u nies li ma servew għalxejn ħlief biex tibqa’ tiżdied il-ħsara. Gejtu jkellimni fuq dawn iż-żewġ ostaklu u jgħidli kif irnexxielu jegħlibhom.
“Mhux xi sigriet u mhux se niddejjaq ngħidlek li aħna kellna fama ħażina fuq il-finanzi. Illum b’wiċċi minn quddiem ngħid li fil-Ħamrun Spartanas ma fadalx dejn. Fadlilna biss ħmerija li għandna nagħtu lil Sliema Wanderers fuq it-trasferiment ta’ Rupert Mangion. U dawn mhux għax ma ħallasnihomx iżda għax il-ftehim hu f’termini ta’ pagamenti fix-xahar. Fadal żewġ pagamenti. Kif naqtugħom ma jkollna ċenteżmu dejn ma’ ħadd.
“Biex wasalna s’hawn kelli nieqaf lil kulhadd. Ma trid tħalli lil ħadd iħawwad u jgerfex u jrid ikollok nies imdawrin miegħek li jkollok il-fiduċja tagħhom. Kollha jimxu miegħi id f’id u kulma jsir dejjem qaluli bih minn qabel. Naħseb li għandi rispett kbir minn naħa tagħhom u jien nistmahom kollha ta’ ħbieb kbar.
“Sfortunatament kien hawn ċerti nies li kelli neħles minnhom bil-pulit. Se nibqa’ nisħaq ma’ sħabi li dawn in-nies m’għandhomx għalxiex jersqu aktar lil hawn. Ħdimt daqsxejn b’moħħi u bgħatt ħafna messaġġi indiretti. La tkun qed timxi sewwa m’għandek għalfejn tiddejjaq minn xejn. Sfortunatament dawn in nies jibqgħu jippruvaw jiġu jispekulaw u jidhru iżda miegħi m’għandhomx ċans. Naħseb li int bħali rajt tibdil kbir fil-Ħamrun Spartans. Trid issib lill-kollegi jgħinuk u ħadd ma jagħtik gambetti. Tinsiex li l-għira bażwija li ssib hi waħda kbira.”
Nitkellem ma’ Gejtu fuq it-tim ta’ l-istaġun li wasal biex jibda. Fost il-Ħamrunżi teżisti atmosfera sabiħa. M’hemmx dubju li dan hu l-aqwa tim ta’ Ħamrun Spartans f’dawn l-aħħar 15-il sena. Nistaqsih jekk is-suq tat-trasferimenti hux wieħed magħluq jew le.
“Jista’ jkun li fadal akkwist wieħed imma ma nistax ngħidlek min hu. Ngħidlek biss li għandna bżonn plejer ieħor fuq quddiem. Sal-bieraħ konna qed nidħadtu fuqu iżda għad m’hemm xejn.”
Ninsisti: Tista’ tgħidli min hu?
“Le, għalissa ma nistax.”
Ninsisti: Jekk ikolli ngħidlek li għandi informazzjoni li Terence Scerri qiegħed fil-pjanijiet tagħkom u biex takkwistawh għandkom biss l-opzjoni tat-tpartit ma’ Ryan Fenech, xi tgħidli?
“Min għaddielek din l-informazzjoni għamel żball. Dik hi informazzjoni sensittiva li waslet għand il-media u li tista’ biss tfixkel il-ħidma tal-Kumitat. Irrid nibqa’ ninsisti ma’ sħabi fuq affarijiet bħal dawn biex ċerta informazzjoni sensittiva tibqa’ waħda interna.
“Iżda la sibt min qallek se ngħidlek jien ukoll. Iva, jien naqbel li għandna bżonn plejer fuq quddiem bħal Terence Scerri. Għamilt technical board ta’ ħamsa minn nies. Qegħdin jaħdmu u rnexxielhom jiltaqgħu ma’ aġent li ġabulna dawn il-Brażiljani. Neħħejna lil Timotic u lil Monye’ u ridna żewġ plejers tal-livell tagħhom. Jien ngħidlek li huma fost l-aqwa barranin li hawn Malta. Iż-żmien jagħtina parir.
“Madankollu ridt naħseb f’ħafna affarijiet oħra. Żgur li ma rridx li ta’ warajja jsibu dak li sibt jien u li sabu ta’ qabli. Ta’ warajja għandu jkollu bażi soda biex ikompli dan il-proġett tal-ground. Jien lest nibqa’ ngħin sal-mewt.”
Inkellmu wkoll fuq Marco Gerada. Gejtu ma jkollu xejn ħlief kliem ta’ tifħir lejn il-bniedem li bidel kompletament is-sistema ta’ logħob u daħħal mentalità rebbieħa fit-tim Ħamruniż.
“Marco Gerada hu bniedem dedikat ħafna. Miegħu għandu lil Marco Grech li qed jgħinu ħafna. Coach moħħu hemm u tal-affari tiegħu. Sa mill-ewwel minuti li ġie hawn għidnilu li l-għazla tat-tim kienet se tkun f’idu u jien personali qatt ma kellimtu la biex jilgħab lil dak u anqas lill-ieħor. Inħalli f’idejh u l-affarijiet fejn tidħol għażla tat-tim jarahom hu biss. Aħna u anki l-plejers kuntenti ħafna bih.”
Gejtu jkellimni fuq l-akbar żewġ memorji li se jibqa’ jiftakar kemm ilu president ta’ Ħamrun. Jagħtini waħda ta’ ferħ u l-oħra ta’ dwejjaq.
“Bħala president kelli żewġ avvenimenti li nibqa’ niftakar. Mil-lat pożittiv insemmielek il-logħba kontra l-Hibs li spiċċat 0-0 u li biha dħalna fiċ-Championship Pool. Kienet logħba sofferta ħafna.
“Iżda l-finali mitlufa kontra Birkirkara ma nistax inneħħiha minn moħħi. Għadni ddispjaċut sal-lum. Ma kienx jixraqilna nitilfu. Il-kuraġġ li wrew il-plejers tagħna kien wieħed kbir. Qlajna goal fl-aħħar sekondi. Naħseb li dak kien l-ikbar dispjaċir li qatt kelli fil-futbol. It-tazza kont diġà bdejt naraha f’idejja. Kollox beda jiġina sew. Xtaqna niġu ma’ l-Imqabba u Floriana u hekk kien. In-nies bdew jgħiduli li dik it-tazza tagħna u qed tiġri warajna. Ma kellux ikun.
“Iddispjaċut iżda mhux se naqta’ qalbi. Jien fil-futbol ma jdejjaqni xejn. Niddejjaq biss meta jinqala’ xi partitarju mqareb u minħabba fih inkunu suġġett għall-kritika fil-mezzi tal-media. Kull tim għandu minnhom u żgur li nies bħal dawn ma jagħmlu ġieh lill-ebda klabb. L-istaġun li għadda ħadtha xi drabi kontra l-partitarji tagħna stess. Ma naħsibx li hu sew li nkunu għadna kif ġbarna xi flus u neħluhom multa minħabba l-ispejjeż li jagħmlu xi partitarji. Mhux sew.”
Lejn l-aħħar Gejtu jkellimni fuq Victor Tedesco, il-persuna li taħtu l-Ħamrun rebħu kollox u li llum dan il-ġojjel fil-Ħamrun issemma għalih.
“Illum għandu 92 sena. Għall-ewwel kien xettiku bħali fuq dan il-proġett. Nawguralu aktar għomor u ħajja. Xtaqtu li ġie hawn biex jara din il-ġawhra li għamilna għax żgur li kien jemozzjona ruħu u kien jibki. Nixtieq nassigura lil kulhadd li bejn Hamrun Spartans u Victor Tedesco kollox hu rranġat u ma fadal differenzi ta’ xejn. Il-passat hu midfun u llum qisu qatt ma kien xejn.
“Nixtieq nirringrazzja nies bħas-Sur Tedesco li llum, jekk Ħamrun Spartans huma xi ħaga, hu l-aktar bis-saħħa tiegħu. Ma nistax ninsa anqas li nirringrazzja lill-MFA u lill-President, Joe Mifsud u lill-Ministeru u tal-Finanzi u l-Infrastruttura. Grazzi wkoll lill-Kunsill Lokali, lill-għaqdiet oħra fil-Ħamrun u lill-benefatturi kollha ta’ dan il-klabb.”

Intervista

Minn isfel għal fuq

Kurt Sansone jintervista lil Patri Ġwann Xerri



Il Punt
Soluzzjoni ġusta għat-Tarzna
Tony Zarb



Emmanuel Micallef
L-istaġun ġdid tal-Labour


Carmelo Mifsud Bonnici

Jiem importanti fil-ħajja ta’ Alessandru


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan