Carmelo Mifsud Bonnici | 10 ta’ Awwissu 2008 Nr 93 Jiem importanti fil-ħajja ta’ Alessandru 1. Għandi rabta mal-letteratura Russa li ma jiddispjaċini xejn minnha. Il-kittieba li qrajt u rajt sibthom, ħafna drabi, ta’ kwalità differenti. Mhux bħall-oħrajn għax jirnexxilhom jispjegaw aħjar il-kundizzjoni umana. Il-bniedem fil-kumplessità sħiħa tiegħu joħroġ aktar sħiħ. Mhux biss imma ħassejt li nista’ nifhem aħjar dak li jiġi rappreżentat fil-qalba tas-sustanza tal-affarijiet. Anzi t-tradizzjoni Russa toħroġ aqwa meta rnexxieli naqraha fit-traduzzjonijiet tal-lingwa Taljana. 2. Biss id-dinja hi debitriċi lejn dik l-art tad-diversi ġenji li sabu rwieħhom attivi fl-arti. Hemm però destin iebes li qabad ħafna minnhom li sabu rwieħhom eżiljati għal pajjiżi oħra. L-avvenimenti Russi ma kinux salutari u indikattivi għal pedamenti veri tal-ħajja. Il-mewġa li nħakmet minnha bir-Rivoluzzjoni Sovjetika qalbet ta’ taħt fuq dak kollu li kien hemm qabel. Kitbiet Karl Marx u warajh Lenin qabbdu nar ta’ ħsibijiet li qasmu u farrku dak li kien hemm. L-avvenimenti li nġabru f’dik ir-rivoluzzjoni hi wkoll kaġun ta’ mwiet u tixrid tad-demm li wasslu lejn ambjent soċjali fejn inħanqet il-kultura. 3. Igor Stravinsky li hu iben din l-art, għadda minn dan it-trattament stramb f’qalbu u f’moħħu. Telaq minn pajjiżu proprju għax ma kienx iktar possibbli għalih li jgħix f’art li flok kompliet tħajru jikber u jiżviluppa t-talenti tiegħu, ħanqithomlu. Il-komuniżmu Sovjetiku kellu l-karatteristika distruttiva li joħnoq il-bniedem. Ma jippermettilux ikun li jrid iżda jikkundizzjonah f’kull parti tiegħu nnifsu. Is-Sovjeti kienu stabbilixxew li l-arti, mill-mużika sal-kitba, riedet tkun strument tar-rivoluzzjoni. Mekkaniżmu biex flok jiġu espressi t-talent, il-kreattività, l-immaġinazzjoni u l-espressjoni sħiħa ta’ dak li hu uman fl-artist, fil-kittieb jew fil-mużiċist, jispiċċaw bnedmin bla ħsieb u bla ras. Stravinsky ma kienx waħdu. Għaddew diversi oħra bħalu minn din l-esperjenza iebsa. Però s-sabiħ tagħhom hu li proprju f’din l-atmosfera anti-umana rribellaw. 4. Telqu arthom u għamlu minn pajjiżi oħra postijiet ta’ rifuġju. Il-ġimgħa li għaddiet sellimna lil Alessandru Solzhenitsyn. Iben ieħor Russu. Bniedem li ħalla warajh ġabra twila ta’ kitbiet li fihom irnexxilu jħalli prova ċara ħajja ta’ dak kollu li r-ripressjoni Sovjetika kienet kapaċi twettaq. Ir-rakkonti tiegħu, partikolarment “Jum fil-Ħajja ta’ Ivan Denisovich”,jew “Sala tal-Kanċer” jew l-“Arċipelagu Gulag” huma dokumenti li jimmortalizzaw kundanna. Ta’ ġuvnott dawn niftakarni naqrahom u sal-lum bqajt impressjonat bid-degradazzjoni kompleta tal-bniedem. Ta’ kif sistema politika ħakmet u ħaqret tant persuni. Solzhenitsyn irnexxielu juri bil-pinna ċara u diretta l-ħajja għar-razza tal-umani f’sistema totalitarja. Id-deskrizzjonijiet dettaljati għadhom fija anke wara dawn is-snin. 5. Niftakar li anke wara tant li erġajt ħassejt l-istess meta qrajt dak li ħalla Primo Levi fil-ktieb tiegħu “Se questo è un uomo”. Ix-xeni tad-degradazzjoni umana huma identiċi però d-deskrizzjoni titwieled minn viżjoni differenti. Għax filwaqt li Levi hu iktar analitiku, xjentifiku, partikulari u awtobijografiku, fil-kitba Russa hemm il-bniedem fl-aqwa tradizzjoni ta’ dak li hu awtur. Il-fatti, ċ-ċirkustanzi, il-kunflitti, it-tbatija, l-atroċità joħorġu fil-kuntest ta’ storja ħajja. Sitwazzjoni li tiżviluppa fl-“istorja” li kull Russu u kull bniedem ta’ rieda tajba jista’ jidħol u jpoġġi lilu nnifsu fiha. 6. Għal ħafna snin l-eżilju ta’ Solzhenitsyn kien simbolu. Sinjal li fil-qalb Russa s-sistema komunista ma kienx irnexxilha toħnoq il-bniedem. Kienet firda sofferta. Alessandru ma kien ferħan xejn jgħix f’ambjent mhux Russu. Baqa’ ħajtu kollha jittama li sseħħ il-bidla fit-tmun tar-reġim li nittamaw li qatt iktar ma jkollna. Dak il-jum wasal tul ħajtu. Mhux biss imma kellu x-xorti li jerġa’ lura f’artu. Dik kienet ġurnata fil-ħajja tiegħu li fissret ferm iktar minn sempliċi ċaqliq fiżiku. Għax anke Stravinsky f’din ix-xewqa Russa kien mar lura lejn l-aħħar ta’ ħajtu biex jidderiġi l-mużika, però hemm is-sitwazzjoni politika ma kenitx inbidlet. Mentri Alessandru f’dik il-ġurnata sab pajjiż mibdul, wieħed li ħeles għal dejjem minn ħakma li qerdet tant artisti u bnedmin ta’ kultura. Jum importanti għal Alessandru, jum immortali għall-umanità.
|
Intervista
|
|
Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan