MediaToday

Emmanual Micallef | 10 ta’ Awwissu 2008 Nr 93

L-istaġun ġdid tal-Labour

Ħafna huma dawk il-kritiċi li ma jistgħux jifhmu kif dak li wiegħed il-mexxej Laburista Joseph Muscat jista’ xi darba qatt jitwettaq. L-istaġun politiku ġdid li jistgħu joffru dawk li huma politikament progressivi u moderati jidher li qiegħed fuq ix-xefaq u diffiċli wisq biex wieħed imiss miegħu. Skond dawn il-kritiċi minkejja kull rieda tajba li għandu l-mexxej iżda ntefgħu wisq dubji dwar kif dan jista’ fil-fatt iseħħ meta hu mdawwar minn uffiċjali tal-partit li b’xi mod jew ieħor huma marbutin mal-partit Laburista tal-passat.
Dawn għandhom ikunu l-id il-leminija tiegħu u magħhom irid jaħdem. Hemm min wasal għal konklużjoni li b’Joseph fit-tmexxija kien hemm xaqq ta’ dawl li l-partit se jinbidel mill-qiegħ iżda hekk kif ġew eletti d-deputati mexxejja u l-uffiċjali tal-Amministrazzjoni l-freskezza fid-dinamiżmu u l-kariżma ta’ Joseph kważi għebet għal kollox. Naturalment, il-kritika hi msejsa fuq azzjonijiet li seħħew fil-passat remot u riċenti u li fihom kienu involuti b’xi mod l-uffiċjali fit-tmexxija u l-amministrazzjoni tal-partit.
F’din il-kritika spikkat l-aktar it-tħaddim tad-demokrazija fi ħdan il-partit fis-sens li ħafna kienu dawk il-heavyweights li tkellmu b’mod mill-iktar miftuħ dwar żbalji kardinali li wettqu uffiċjali tal-partit stess u dwar kemm il-partit kien maħkum minn firda saħansitra matul l-aħħar kampanja elettorali.
Anke wara l-ħatra tal-uffiċjali tal-amministrazzjoni kien hemm min wera x-xettiċiżmu tiegħu dwar kemm verament il-partit se jinbidel issa li d-delegati għażlu tista’ tgħid nies “qodma” flok il-ġodda biex jokkupaw karigi importanti. Naturalment, kien ikun ferm aħjar kieku fil-partit inbidlu l-uċuh ukoll għaliex il-mod kif issir il-politika llum, għalkemm mhux xi proċess f’kompetizzjoni tas-sbuħija, iżda d-dehra tiswa ħafna.
B’danakollu jibqa’ fatt li l-partit irid jinbidel u jidher li qed jinbidel. Is-sustanza tal-bidla ma tiddependix fuq il-bidla fl-uċuh imma fuq it-twettiq ta’ miżuri maħsuba bil-għaqal li huma riżultat ta’ ħsieb profond u li jitwettqu minn nies kompetenti fuq strateġija u pjan ta’ ħidma intelliġenti.
Jista’ jkun li biex jinfatmu mill-passat tagħhom l-uffiċjali li bihom irid jaħdem Joseph iridu xi ftit taż-żmien. Żgur li jridu jifhmu aħjar l-istil tat-tmexxija u t-teħid tad-deċiżjonijiet li jieħu l-mexxej.
Joseph kien ċar u iebes fi kliemu għal dawk li se jaħdmu miegħu. Irid jagħmel terremot intern u jrid li kulħadd ixammar il-kmiem u mhux se jħalli min jippoża tal-primadonna! Lil dawk ta’ madwaru Joseph jafhom sew u jaf kif “ipoġġihom f’posthom”.
Ħażin jekk ma jagħmilx hekk għax illum l-awtokritika u l-iskrutinju politiku intern kibru mhux ftit fil-partit. Iżda fl-istess waqt wieħed irid japprezza li waqt li għandu responsabiltà kbira fuq spallejh Joseph bħala kowċ għandu biċċa xogħol iebsa biex irebbaħ lit-tim bil-plejers li għażillu ħaddieħor. Irid jiddefinixxi r-rwol ta’ kull uffiċjal. Ma jridx iħalli awbigwità fid-dmirijiet li jridu jwettqu. Statutorjament kulħadd jaf x’inhuma l-obbligi tal-uffiċjali iżda l-istatut ma jidħolx fid-dettal ta’ kif għandha ssir il-ħidma u kif titkejjel.
Ma naħsibx li jien żbaljat jekk ngħid li ftit huma d-delegati li kapaċi jiddistingwu r-rwol li għandu d-deputat mexxej għall-affarijiet tal-partit u s-segretarju ġenerali. Il-mexxej hu fid-dmir li juża l-aħjar riżorsi għad-disposizzjoni tiegħu biex minnhom jieħu l-potenzjal massimu tagħhom. Partit politiku modern ma jaffordjax li jbaxxi rasu quddiem ir-regoli tad-demokrazija li permezz tagħhom uffiċjal jinħatar fil-kariga, għad-detriment tal-kompetenza u l-effiċenza li titlob l-istess kariga.
Min qed jokkupa post biex jidduplika x-xogħol jew min tħalla jew ġie mġiegħel jilbes żarbun li ma jiġihx għandu jkun suġġett għar-reviżjoni tal-pożizzjoni tiegħu mhux fil-Konferenza Ġenerali imma fil-punt li tirriżulta l-inkompetenza jew in-nuqqas amministrattiv. Ma naħsibx li f’ċirkustanzi bħal dawn se jkun hemm min jiddejjaq jagħti x-xokkijiet meta fl-aħħar mill-aħħar irid jinħass it-terremot!
Joseph Muscat irid juri snienu internament f’dawn is-sentejn. Irid juri l-ħiliet tiegħu fit-tmexxija. Irid ikun hu li jgħasses lil min ilsienu jiġri bih, lil min juża l-pożizzjoni ta’ poter għal gwadann tiegħu jew ta’ sħabu u lil min jaħseb li d-dinja ddur miegħu.
Jekk il-partit jitmexxa b’mod dixxiplinat u serju allura jkun qed jikseb kredibbiltà ’l barra minnu wkoll. Min illum qed jikkritika lil Partit Laburista għax ma biddilx l-uċuh ikollu jimla ħalqu bl-ilma meta jara li l-bidla fil-partit seħħet tassew anke jekk bis-sehem ta’ “uċuh qodma”.
Jalla jibda jinħass it-terremot ta’ staġun politiku ġdid!

Intervista

Minn isfel għal fuq

Kurt Sansone jintervista lil Patri Ġwann Xerri



Il Punt
Soluzzjoni ġusta għat-Tarzna
Tony Zarb



Emmanuel Micallef
L-istaġun ġdid tal-Labour


Carmelo Mifsud Bonnici

Jiem importanti fil-ħajja ta’ Alessandru


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan