MediaToday

Intervista | 10 ta’ Awwissu 2008 Nr 93

Minn isfel għal fuq

Kurt Sansone jintervista lil Patri Ġwann Xerri

Sakemm nistennih nieżel minn fuq nintasab fil-kuridur inħares lejn l-affreski mal-ħajt. Il-kunvent ta’ San Duminku fil-Belt hu kbir imma m’għandu xejn x’jaqsam mal-kunventi tal-istess Ordni fir-Rabat u l-Birgu fejn il-postijiet huma iktar imdawla u miżmuma aħjar.
Lil Patri Ġwann Xerri kont iltqajt miegħu xi darba jew tnejn. Iktar nafu minn għemilu fost l-ifqar tal-Brażil u l-ħidma ‘politika’ tiegħu favur il-ġustizzja soċjali. Għandna xi ħbieb komuni wkoll.
Imma din hi l-ewwel darba li qed nagħmel diskursata miegħu. Niltaqgħu f’xi l-10.30am u qabel is-1pm ma ninqalgħux mis-sala fejn idaħħalni biex nintervistah.
Ħadem fil-Brażil mill-1974 sa l-2001 meta mbagħad ingħata kariga għolja fil-ġerarkija tal-Ordni Dumnikana. Illum, wara li skadielu ż-żmien, jerġa’ jinsab lura Malta.
“Dan hu proċess diffiċli għalija għax irrid nerġa’ nibda nifhem lill-pajjiżi. Irrid nadatta għar-realtà ta’ pajjiż żgħir,” jgħidli filwaqt li jirrifletti fuq is-sitwazzjoni tal-immigranti li jiġu fostna. “Inħossni bħalhom,” itenni.
Kliemu meqjus imma mhux diplomatiku.
“Jien kurjuż. Tgħallimt li trid tisma’ ħafna. Lil dawk li aħna nqisu bħala klassijiet inferjuri mingħalina li nafuhom. Isiru t-teżijiet u l-istudji fuqhom, imma fuqhom biss. Fuq il-klassi medja u s-sinjuri ma jsirux studji. Dawk huma l-komdi u mhux sew li nidħlulhom fil-privatezza ta’ djarhom biex insiru nafuhom iktar,” jibdieli meta niftaħlu fuq il-festi u r-reliġjożità marbuta magħhom.
“F’Malta għandek dawk li huma favur il-festi u dawk kontra imma l-problema li nsib hi li m’hemm l-ebda djalogu bejn it-tnejn. Kulħadd jitkellem għal rasu. Dawk ta’ kontra ddeċidew li huma għandhom l-aħjar pożizzjoni għax huma moderni u għalhekk l-oħrajn meqjusin bħala inferjuri.
“Fis-Sittinijiet il-ġenerazzjoni tiegħi kienet tgħid li se nkunu aħna l-aħħar żgħażagħ li niftakru l-festi. Ma ġarax hekk. Sorpriż li dak li ħlomt li se jiġri ma seħħx. Fl-istess ħin nammira dan il-fenomenu. Tgħallimt nammira kif in-nies jorganizzaw lilhom infushom. Filwaqt li ħafna organizzazzjonijiet f’Malta huma mfassla top-down, minn fuq għal isfel, f’ħafna minn dawn il-festi l-organizzazzjoni hi bottom-up, minn isfel għal fuq.
“Kont festa partikulari u stagħġibt kif persuna ta’ 20 sena torganizza n-nar tal-festa. Dan jiġbor il-flus għan-nar, għandu n-nies li jgħinuh u li jsegwuh, għandu l-fiduċja ta’ ħafna fil-komunità. Għandu l-poter bħalma għandu l-kappillan, imma l-kappillan poġġih l-Isqof u lil dan għamluh in-nies.”
Għal Patri Xerri dan il-bżonn tan-nies li jinġabru f’komunità jista’ jkun reazzjoni għad-dinja individwalista li qed tixxettel u li hi predeterminata minn poteri li qajla għandna kontroll fuqhom.
Għal dan il-patri ta’ 61 sena l-individwaliżmu hu karatteristika tal-klassi medja li ħafna drabi tasal biex tgħaddi ġudizzju negattiv fuq dawk li jħobbu jiċċelebraw il-festi u jinġabru f’komunità.
Patri Ġwann jikkritika l-idea ta’ suq ħieles li sar domma għall-Punent.
“Il-klassi medja hi mbuttata mis-suq ħieles biex taħseb għal rasha. M’għadx għandna dik l-utopja tal-full employment. Dan id-diskors tisimgħu biss minn nies bħal Evo Morales u Hugo Chavez li jitqiesu fil-kultura dominanti bħala mġienen. Iżda filwaqt li sfaxxaw l-utopji globali twieldu dommi tal-fidi ġodda li jirridikolaw lil min jippreżenta diskors differenti.
“Is-suq ħieles sar domma tal-fidi imma mhu ħieles xejn għall-pajjiżi tat-Tielet Dinja. Is-suq ħieles jgħidlek x’għandek tagħmel, isegwik, jgħidlek x’inhu tajjeb imma meta jmur ħażin tbati int biss.
“Ħares lejn il-kriżi tal-Arġentina fl-2001. Dan pajjiż li ħaddan is-suq ħieles. Mar minn taħt il-poplu meta mar kollox żmerċ. Għall-fqir is-suq ħieles kien ilu sejjer ħażin imma żbroffa kollox meta lanqas il-klassi medja ma kellha flus biżżejjed biex tiċċelebra l-Milied kif jixraq. Fi spazju ta’ ftit jiem waqgħu tliet gvernijiet waqt il-festi tal-Milied.”
Ħafna drabi l-ħidma li saret mix-Xellug biex tgħolli lin-nies mill-faqar u l-miżerja wasslet għat-twelid tal-klassi medja bħalma ġara f’Malta fis-Sebgħinijiet. Il-klassi medja hi biss maġġoranza ta’ nies komdi u għala biebhom?
“Il-klassi medja għandha domma li l-konsum hu kollox. Litteralament tgħix biex taħdem għax temmen li l-kejl tal-kwalità tal-ħajja hu dak marbut ma x’se takkwista. Kważi kważi aħna konsumaturi qabel m’aħna ċittadini jew saħansitra bnedmin. Anki fil-kummerċ bejn il-pajjiżi n-nies isiru konsumaturi u għalhekk jgħodd x’suq għandu dak il-pajjiż. Din mhix soċjetà sostenibbli. Tibda titmermer.
“Irridu neqilbu din il-filosofija. Taħdem biex tgħix u mhux tgħix biex taħdem. Hu fl-interess tal-hena tal-klassi medja li toqgħod attenta mid-domma li l-konsum hu kollox.
“Hemm nies mill-klassi medja li jafu x’inhi s-solidarjetà u l-ħtieġa tal-komunità. Meta tħares lejn gruppi żgħar bħall-Graffitti, Żminijietna u tat-Tielet Dinja, li ħafna jwaqqagħuhom għaċ-ċajt, huma gruppi ffurmati minn nies ġejjin mill-klassi medja. Anki fuq livell internazzjonali. Il-Medecins Sans Frontieres huma tobba ġejjin mill-klassi medja. Jeżisti sens ta’solidarjetà wkoll. Inħoss li gruppi bħal dawn iżommuna ħajjin bħala soċjetà. Huma l-kuxjenza tagħna lkoll.”
F’dan il-kuntest ta’ differenzi soċjali kbar u stili ta’ ħajja differenti hu possibbli li l-Knisja tkun ta’ kulħadd?
Patri Xerri jieqaf jaħseb.
“Meta tkun il-Knisja tal-maġġoranza ssir il-Knisja ta’ kulħadd imma hekk tkun qed tieħu biss kont tal-ideoloġija dominanti. F’dawn iċ-ċirkostanzi l-kelma profetika tiddgħajjef. Imma jkun żball jekk nemmnu li xi isqof jista’ jdawwar it-tmun kif irid għax biex tagħmel hekk irid ikollok ukoll ir-riħ jgħinek.
“Għalija l-messaġġ universali hu marbut ma’ dak li nsibu fil-Bibbja. Se nkunu ġġudikati fuq il-mistoqsija ‘fejn hu ħuk?’ X’se nwieġbu, li m’aħniex responsabbli minn ħuna.
“Fis-Sebgħinijiet fl-Istati Uniti nħolqu movimenti kbar ta’ solidarjetà mal-Amerika Latina. Kienu movimenti spirati mit-twemmin ta’ Papa Ġwanni XXIII. Imma dawn il-movimenti ħolqu wkoll sens ta’ kumdità fl-Istati Uniti għax filwaqt li l-missjunarji kienu megħjuna u meqjusin bħala eroj, dik is-solidarjetà internazzjonali ħadet post is-solidarjetà interna.
“Jien li naf li m’iniex tajjeb daqs Pelè iktar infaħħru u nkabbru biex inpoġġi lili nnifsi f’pożizzjoni komda li nkun telespettatur mhux plejer ukoll.”
Jekk kellek tissostitwixxi lil Pelè b’xi għaqda filantropika Maltija li qed tiġbor flus biex jinbena xi sptar fl-Afrika l-analoġija ta’ Patri Xerri tista’ tkun applikata għal Malta. Huma ħafna li jserrħu l-kuxjenza li għamlu xi ħaġa mal-proxxmu barrani billi jkunu taw il-flus f’xi maratona darba f’sena.
“Ħares lejn il-fenomenu tal-immigrazzjoni. Sakemm dawn l-Afrikani jibqgħu f’arthom u qed ngħinuhom mill-bogħod ma jimpurtax imma għax dawn qed jiġu hawn u jiskomodaw l-istil ta’ ħajja tagħna allura dawn ma jistħoqilhomx l-għajnuna.
“Nitnikket meta l-istil ta’ ħajja jsir domma fundamentali tant li ħaddieħor li ma jidħolx f’din il-kaxxa hu inferjuri għalina. Allura nasal ngħid aħjar għadna f’dak iż-żmien fejn ommi kienet temmen fil-mit li d-dar ta’ Loretu kienet verament id-dar tal-Madonna li ġiet trasportata minn Alla mil-Lvant Nofsani għall-Italja. Għallinqas dak kien mit simpatiku. Illum għandna mit li jagħżel li jaħsad lil min jisfidah.
“Malta m’għandhiex l-istorja tal-immigrazzjoni miktuba. Il-passat hu mnaqqax fil-mit ta’ San Pawl li ġie hawn u ntlaqa’ min-nies. Fil-verità laqgħuh għax beżgħu minnu għax ħasbuh xitan, bħalma nibżgħu mill-Afrikani llum. Imbagħad għandna l-mit tal-emigrazzjoni, li kull Malti li siefer mar għax ried u sar sinjur. Ma nitkellmux fuq kemm kienu sfurzati wħud li jitilqu minħabba ċirkostanzi diffiċli u d-diffikultajiet kollha li sabu ma’ wiċċhom meta waslu fl-artijiet imwiegħda. Jekk ma nifhmux il-passat kif se nibnu l-futur?
“Jekk xejn, bħala nsara, irridu nifhmu li missierna Abram kien immigrant idur minn post għall-ieħor. Dan hu l-qofol tal-Kredu tagħna. Irridu nifhmu dawn l-għeruq biex nibnu s-solidarjetà mal-immigranti.”
Mill-ftit li ilu Malta beda jipprova jifhem dan il-fenomenu li ħoloq sens ta’ frustrazzjoni u nuqqas ta’ sigurtà fost in-nies.
“Kemm ilni hawn bdejt inħuf, nistaqsi u nisma’. Inżilt taħt l-art, għax hekk tgħallimt il-Brażil. Il-mekkanik li jħares lejn il-qiegħ tal-karozza, anki jekk qatt mhu se jkollu l-flus biex jixtri waħda bħalha, ikun jaf il-verità kollha dwar dik il-karozza. Meta tinżel taħt l-art, titħallat man-nies, tifhem il-verità. Dawn l-Afrikani huma fost l-iżgħar komunitajiet ta’ barranin li hawn Malta. Hemm komunitajiet ferm ikbar fin-numru imma ħadd ma jgħid xejn dwarhom. Forsi għax huma bojod.
“Il-Malti jisma’ biss dwar id-drabi li jaslu d-dgħajjes u ma jisma’ qatt kemm telqu. Probabbilment ikunu telqu illegalment u għalhekk ħadd ma jgħid xejn. Inħolqot din l-impressjoni li hawn ħafna eluf ta’ Afrikani fostna. Kollox mibni fuq il-biża’.
“Jien ġej mill-kultura tal-biża’. Meta konna żgħar kienu jbeżżgħuna bil-mażuni, imbagħad bl-integration, wara bil-Komunisti u minkejja din il-biża’ kollha Malta għadha hawn. Illum qed inbeżżgħu b’dawn l-immigranti qishom se jeħdulna lil Malta tagħna.”
Jirrakkonta ġrajja personali fil-bidu taż-żmien tiegħu fil-Brażil.
“L-Għarab immigranti li kienu jisimgħuni nitkellem kienu jiġu fuqi. Mill-aċċent ta’ kliemi u t-tonalità kienu jeħduni li jien minn xi pajjiż Għarbi. Kont niddejjaq. Domt ħafna biex naċċetta din ir-realtà. Wara kollox il-Malti hu Għarbi li kkonvinċa lilu nnifsu li ġej mill-Isvezja. Meta għaraft dan ħassejtni lliberat. Fhimt jien min jien u min fejn ġej. Fhimt id-diskriminazzjoni li kienu jirċievu l-Maltin li kienu jemigraw. Ma kellix għalfejn nistħi aktar li jien Malti ta’ veru u mhux falzità.
“Jekk ma nħobbx lili nnifsi sew ma nistax inħobb lil ħaddieħor. Imma rrid inħobb lili nnifsi tassew u mhux falzità ta’ x’nemmen li jien.”
Konxju mill-ħidma politika tiegħu favur il-ġustizzja soċjali nistaqsi lil Patri Xerri x’jaħseb fuq l-indħil tal-Knisja fil-politika.
“Ma jistgħux jinfirdu. Il-kwistjoni hi x’politika tagħmel il-Knisja. Jew id-difiża tal-privileġġati jew id-difiża tal-fqar. Nemmen li l-għażla għandha tkun id-difiża tal-fqar u allura mhux bilfors ikun diskors tal-maġġoranza.”
F’Malta l-esperjenza tal-indħil tal-Knisja fil-politika taż-żmien is-Sittin ħalliet togħma qarsa ħafna. Patri Xerri jifhem din id-diffikultà.
“Ma tistax tpoġġi liċ-ċittadin bejn ħaltejn. Ma tistax iġġegħlu jagħżel bejn il-fidi tiegħu u l-proġett politiku. Fis-Sittinijiet hekk kien ġara u dak kien il-ħażin,” isostni.
Imma b’dak l-argument jekk il-proġett politiku se jwasslek biex iddaħħal id-divorzju fil-pajjiż x’pożizzjoni ta’ fidi għandu jkollu n-nisrani?
“Fl-1971 kont wieħed minn grupp ta’ qassisin li ffirmajna petizzjoni favur id-dħul taż-żwieġ ċivili.
“Taħraqni meta nisma’ lil xi ħadd illum jgħid ‘Issa wasal iż-żmien li niddiskutu d-divorzju’. Qisu hemm xi ħadd li ddeċieda issa li hu l-aħjar mument. F’dawn iċ-ċirkostanzi d-dħul tad-divorzju ma jkunx biex jindirizza l-bżonn u t-tbatija taż-żgħir imma għax il-bżonn issa hu ta’ klassi iktar b’saħħitha u komda u għalhekk wasal iż-żmien li tinbidel id-domma.
“Għandha tibda diskussjoni imma kulħadd irid jirrikonoxxi li qabel ukoll kien hemm it-tbatija li twarrbet u ntesiet għall-konvenjenza. Irridu nieqfu naħsbu li d-dinja tibda kulmeta jsir president ġdid tal-banda.
“Ninħaraq għax sakemm kienu qed jisfaxxaw il-familji ta’ taħt id-divorzju ma kienx soluzzjoni. Imma issa għax il-problema qed tinfirex f’saffi ogħla tas-soċjetà allura hemmhekk f’daqqa waħda niskopru l-bżonn tiegħu.
“Allura ħadd ma jirrikonoxxi s-sehem li kellha l-Alternattiva Demokratika f’dan il-qasam u kemm qalgħu fuq wiċċhom l-attivisti tal-partit meta tkellmu fuq id-divorzju.
“F’dan il-pajjiż donnu l-agħar vjolenza seħħet meta l-Laburisti ħarqu t-Times. Dik mhux l-uniku att ta’ vjolenza u mhux l-ikbar. Dak kien att vjolenti stupidu, tant hu hekk li ma reġax seħħ ieħor bħalu. Imma hemm atti vjolenti oħra li jitwettqu bil-kwiet. Il-vjolenza li saret kontra l-AD u gruppi oħra żgħar. Id-demonizzazzjoni u t-twaqqigħ għaċ-ċajt mhux ukoll forma oħra ta’ vjolenza?”
Inwaqqfu u nerġa’ nistaqsih dwar xi tkun il-pożizzjoni tan-nisrani fl-eventwalità li f’pajjiżna jidħol id-divorzju.
“Il-fidi tagħna hi razzista? Le. L-ebda liġi tal-Istat mhu se tbiddel il-fidi f’dan ir-rigward. L-istess għad-divorzju. Mhux kulma hu fidi jrid jiġi leġiżlat u l-leġiżlazzjoni ma tbiddilx il-fidi. Bħalma l-liġi dwar il-logħob tan-nar mhux se tbiddel in-namra.
“Il-Liġi Ċivili qiegħda hemm biex tamministra l-ħajja ta’ kuljum tas-soċjetà l-istess bħalma għandna liġi biex tirregola t-traffiku. L-Istat hu l-Istat u l-Knisja hi l-Knisja. Ma naqbilx mad-divorzju imma naqbel mad-dritt ċivili tad-divorzju. Imma ċ-ċirkostanzi ta’ kif se jsir id-dibattitu qed idejquni għax ma jirrikonoxxux it-tbatija ta’ kulmin iċċaħħad minn dan id-dritt għax qalulu aħjar le għalissa.
“Nittama li ma tkunx liġi tad-divorzju lapazzata, fis-sens li jitnaqqru s-servizzi soċjali bl-iskuża li issa naqset it-tbatija. Qed nisma’ diskors kontra l-ommijiet weħidhom għax hemm uħud li jabbużaw. Dawn huma kategorija ta’ nies li huma fost l-ifqar. Jien nara kollox bħala ħolqa f’katina sħiħa. Għalhekk nittama li l-liġi tad-divorzju tkun liġi li tiddefendi lill-batut, li tagħraf tirregola sitwazzjoni diffiċli u li tiffavorixxi l-familja.”
Fl-isfond, fuq il-ħajt, ritratt żgħir tal-Arċisqof Pawlu Cremona li hu Dumnikan.
Patri Xerri jitbissem meta nsemmilu lil Patri Pawl. Fl-1965 kienu qed jistudjaw flimkien. “Patri Pawl kien persuna disponibbli. Kull min fittxu sabu. Pawlu kien wieħed minn dawk l-istudenti li kulħadd ifittex. Illum għadu dik l-istess persuna disponibbli, lest li jiltaqa’ ma’ kulħadd. Lest li jisma’.
“Ftit rajt nies li baqgħu jżommu karatteristika bħal din. Rasu ma kibritlux. Meta nisma’ diskors li l-Arċisqof iħobb jidher u qed jagħmel hekk minħabba l-image nifhem li dak diskors ta’ xi ħadd li lil Pawlu ma jafux.
“Pawlu hu sensibbli għat-tbatija u l-ħtiġijiet tal-individwi u dak hu vantaġġ kbir għax jista’ joħloq kanal għad-djalogu.”
B’dik l-aħħar kelma jwassalni sal-bieb tal-kunvent. Nagħmlu appuntament għal Novembru li ġej meta jerġa’ lura Malta. Nixref barra u ninzerta grupp qed iżejnu t-triq għall-festa. Jien ukoll ma nifhimhiex din il-passjoni lejn vara tal-kartapesta. Forsi jien ukoll għandi bżonn ‘ninżel taħt l-art’ biex nifhem iktar.

Intervista

Minn isfel għal fuq

Kurt Sansone jintervista lil Patri Ġwann Xerri



Il Punt
Soluzzjoni ġusta għat-Tarzna
Tony Zarb



Emmanuel Micallef
L-istaġun ġdid tal-Labour


Carmelo Mifsud Bonnici

Jiem importanti fil-ħajja ta’ Alessandru


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan