MediaToday

Il Punt Tony Zarb | 10 ta’ Awwissu 2008 Nr 93

Soluzzjoni ġusta għat-Tarzna

Wara l-laqgħat li kellha mal-Gvern dwar il-kwistjoni tal-privatizazzjoni tat-Tarzna, il-GWU tħoss li l-Gvern għadu mhux jifhem dak li qed tgħid il-union dwar kif tista’ tigi solvuta l-problema tat-Tarzna. Il-Gvern, għaliex għaġġel jieħu deċiżjoni waħdu u ma kkunsultax mal-GWU, issa qed ikompli jirreżisti li tinstab soluzzjoni ġusta għall-ħaddiema.
Il-pożizzjoni tal-GWU hija ċara u tajjeb li nerġgħu nfakkru li l-GWU la hi kontra l-privatizzazjoni tat-Tarzna u lanqas hi kontra li skemi tal-irtirar kmieni mix-xogħol. Li trid il-GWU huwa li dawk il-ħaddiema kollha li mhux se jagħżlu l-iskemi jkollhom l-impjieg tagħhom garantit, kif wara kollox sar f’diversi postijiet oħra tax-xogħol li ġew privatizzati u li fihom kienet involuta l-GWU.
Il-GWU tħoss ukoll li għandu jiġi identifikat min hu x-xerrej prospettiv tat-Tarzna biex b’hekk il-ħaddiema jkunu iktar faċli li jagħmlu l-għażla tagħhom. Din il-pożizzjoni tal-GWU hija waħda ġusta tant li esperti industrijali u kittieba indipendenti qed jaqblu magħha.
Dwar il-privatizzazzjoni tat-Tarzna l-Gvern telaq jiġri waħdu mingħajr ma ra li jkollu diskussjonijiet mal-GWU. Il-Gvern telaq jiġri waħdu wkoll meta nhar l-Erbgħa li għadda ddeċieda li joħroġ l-iskemi ta’ rtirar kmieni għall-ħaddiema u dan għamlu meta għad m’hemmx qbil dwar il-pakkett finanzjarju li fuq kollox l-istess Gvern iddeċieda waħdu u ma ddiskutix fuqhom mal-GWU.
Min-naħa l-oħra l-messaġġ tal-GWU lill-ħaddiema tat-Tarzna dwar dawn l-iskemi huwa biex ma jgħaġġlux fid-deċiżjoni li se jieħdu għaliex se jbatu finanzjarjament.
Bħala GWU għandna suspetti serji li l-Gvern ħaffef biex mar għall-privatizazzjoni biex jgħatti żbalji serji ħafna li saru fit-Tarzna. Wieħed isemmi l-kuntratt tax-xogħol tal-Fairmount fejn fuq żewġ vapuri huwa stmat li t-Tarzna se titlef €80 miljun. Għalhekk huwa ġust li l-GWU tinsisti mal-Gvern biex issir inkjesta pubblika u indipendenti dwar dan il-kuntratt. Il-Gvern iżda qed jaħrab milli jagħmel din l-inkjesta.
Li kieku kellhom tort il-ħaddiema l-Gvern kien joħroġ jgħaġġel iwaħħal fihom u jakkużahom bħalma jħobb jagħmel.
Il-GWU qed tinsisti fuq l-inkjesta dwar dan il-każ biex il-poplu Malti jkun jaf il-verit u jkun jaf ukoll min ġab lit-Tarzna fil-qagħda li tinsab fiha. Sal-lum il-poplu dejjem kien jemmen il-propaganda tal-Gvern kontra dawn il-ħaddiema tat-Tarzna. Iżda issa wasal iż-żmien li joħroġ l-ingann tal-Gvern li ħalla għaddej mismanagement kbir b’telf ta’ miljun li jridu jitħallsu mit-taxxi tal-poplu.
Is-sitwazzjoni tkompli tiggrava meta għal tal-apposta qed jittieħdu deċiżjonijiet li t-Tarzna titbiegħed mix-xogħol u ordnijiet ta’ tiswija tal-vapuri u dan meta huwa magħruf li t-tiswija tal-vapuri tħalli qligħ għat-Tarzna. Infatti, minn kalkoli li saru, jidher ċar li minn 30 proġett ta’ tiswija tal-vapuri t-Tarzna għamlet qligħ ta’ €21 miljun.
Xi ħaġa oħra li l-GWU qed titkellem dwarha huwa l-ingann li sar mill-Gvern mal-ħaddiema tat-Tarzna meta ftit xhur ilu biss, qabel l-elezzjoni ġenerali, il-Gvern mhux biss wiegħed li fit-Tarzna mhux se jsir downsizing iżda wiegħed lill-ħaddiema u l-familji tagħhom li se jkollhom iktar xogħol, se jaqilgħu iktar u jħallsu inqas taxxi.
Il-GWU tfakkar li qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet kienet stqarret bl-iktar mod ċar u bil-miktub lill-partiti politiċi kollha li ħadd m’għandu jagħmel wegħdiet li ma jistax iwettaq u li dawk il-wegħdiet li jsiru jkunu attwati.
Wieħed ma jistax ma jinnutax ukoll f’liema ansjetà jinsabu fiha l-ħaddiema tat-Tarzna u l-familji tagħhom f’dawn il-ġranet kaġun tal-intransiġenza tal-Gvern. Dan iktar u iktar minħabba li jidher ċar li hemm deċizjoni li ma jinġiebx, u ma jiġix aċċettat iktar xogħol għat-Tarzna sakemm issir il-privatizzazzjoni.
Dan mhux biss qed ikollu effett psikoloġiku negattiv fuq il-ħaddiema imma jista wkoll ikun detrimentali għat-Tarzna anki minħabba l-fatt li min ikun interessat jixtri t-Tarzna se jsibha vojta u bla kuntratti ta’ xogħol.
Il-GWU tittama li din il-manuvra min-naħa tal-Gvern mhux qed issir biex bħal ma għamel bis-Sea Malta l-prezz li jitħallas għat-Tarzna jkun wieħed baxx jew b’xejn.
Il-GWU tibqa’ tappella lill-Gvern biex verament ikompli jiddiskuti magħha u mhux jimponi biex tinstab soluzzjoni li sserraħ moħħ il-ħaddiem kif kien imwiegħed mill-Gvern stess qabel l-elezzjoni li għaddiet.

Tony Zarb hu Segretarju Ġenerali tal-GWU

 

Intervista

Minn isfel għal fuq

Kurt Sansone jintervista lil Patri Ġwann Xerri



Il Punt
Soluzzjoni ġusta għat-Tarzna
Tony Zarb



Emmanuel Micallef
L-istaġun ġdid tal-Labour


Carmelo Mifsud Bonnici

Jiem importanti fil-ħajja ta’ Alessandru


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan