Editorjal | 10 ta’ Awwissu 2008 Nr 93
Mhux sew li l-ħaddiem tat-Tarzna qed jitpoġġa dahru mal-ħajt mill-Gvern. Ma ngħidux dan b’xi romantiċiżmu għal dan
il-post tax-xogħol li hu l-benniena tat-trejd unjoniżmu.
Nifhmu l-għadab ta’ ħaddiema oħrajn li m’għandhom l-ebda garanzija għall-impjieg tagħhom jekk l-affarijiet imorru ħażin. Dawn ma jistgħux jemmnu kif il-Gvern jista’ jħallas €49 miljun mit-taxxi tagħna lkoll biex tat-Tarzna jirtiraw.
Iżda l-Gvern hu azzjonist fit-Tarzna u għalhekk impjegatur u ma jistax jaħrab mir-responsabbiltajiet soċjali tiegħu. Irid iġorr ukoll parti mir-responsabbiltà għal fejn l-azjenda waslet s’hawn.
Mal-ewwel daqqa t’għajn l-iskemi ta’ irtirar kmieni li ppubblika l-Gvern din il-ġimgħa jidhru ġenerużi ħafna. €49 miljun mhumiex ftit.
Iżda kif sostna lbieraħ l-ekonomista Lino Spiteri, “ir-raġunar tal-Gvern qisu maħsub biex ibeżża’ u jixtri lill-ħaddiema fl-istess ħin, għax qegħdin jiġu offruti li jitilfu ħobżhom basta jieħdu s-somma, jew ma jieħdu xejn bla ma jkollhom garanzija li jibqgħu fl-impjieg.”
Il-ħaddiem impjieg irid. Anki jekk fost uħud mill-ħaddiema s-somma tista’ tfisser gwadann tajjeb għax jafu jsibu xogħol alternattiv fil-privat, imma mhux il-ħaddiema kollha għandhom din l-opportunità.
Kif sostna Spiteri, l-għaġla tal-Gvern biex joħroġ l-iskemi ta’ irtirar kmieni mingħajr ma jaf min se jixtri t-Tarzna u kemm se jkollu bżonn ħaddiema, tista’ twassal biex jinħlew il-flus f’somma sostanzjali u fl-istess ħin tkun ippreġudikata l-privatizzazzjoni.
Illum m’hemm l-ebda battibekk fuq il-privatizzazzjoni. Jeżisti kunsens nazzjonali, anki jekk din l-għażla hi sfurzata minħabba n-nuqqas ta’ rieda politika f’dawn l-aħħar snin biex it-Tarzna tassew issir vijabbli.
Il-kwistjoni hi biss dwar il-ħaddiema, l-għixien u tal-familji tagħhom u l-benefiċċju li jista’ jieħu l-pajjiż mill-privatizzazzjoni.
L-għaġla u l-ġlieda li qed jipprova jfittex il-Gvern la se jwasslu biex jitħarsu l-impjiegi u lanqas biex il-pajjiż jieħu l-aħjar li jista’ mill-bejgħ ta’ dan l-ass ewlieni fil-Port il-Kbir.
Hemm għażliet oħra li jistgħu jkunu offruti lill-ħaddiema, fosthom dik li ssuġġerixxa Spiteri li jkunu megħjuna jiffurmaw koperattiva biex il-ħiliet ma jintilfux. Hemm skop li f’pajjiżna jkollna koperattiva li toffri servizzi industrijali. Tista’ wkoll tispeċjalizza fil-produzzjoni ta’ tagħmir marbut mal-enerġija alternattiva, qasam li l-Gvern hu kommess li jinvesti fih fis-snin li ġejjin.
Hemm għażliet oħra. Il-ħaddiema jistgħu jkunu offruti impjieg mal-kumpanija statali IPSL bħalma ġara fil-passat. Jekk sena, sentejn, tlieta ilu għall-Gvern l-impjieg ta’ ħaddiema ‘żejda’ mal-IPSL kien ġustifikat ma narawx għalfejn m’għandux ikun ġustifikat illum. Jekk din l-iskema tkun offruta paripassu mal-iskema tal-koperattiva allura l-Gvern jista’ jagħmilha iktar vantaġġuża għall-ħaddiema biex jissieħbu mal-koperattiva milli mal-IPSL.
Jekk xejn il-kontribuzzjoni ta’ Lino Spiteri lbieraħ uriet li jeżistu soluzzjonijiet differenti li huma fattibbli. B’daqsxejn rieda, b’inqas għaġla imma mingħajr tnikkir, il-Gvern u l-GWU jistgħu jaslu għal ftehim fejn il-privatizzazzjoni sseħħ fl-aħjar interess nazzjonali imma wkoll fl-interess tal-1,700 ħaddiem li mhux ta’ min jarmihom.
Nerġgħu ntennu l-awgurju tagħna biex l-irjus jirtabu u s-soluzzjonijiet jinstabu madwar il-mejda. |
|
Kurt Sansone jintervista lil Patri Ġwann Xerri
Editorijal

Il Punt
Tony Zarb

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|