MediaToday

Aħbarijiet | 27 ta’ Lulju 2008 Nr 91

L-abbuż tal-ħaddiema barranin fuq ix-xogħol

Aktar minn 2,000 Malti jaħdmu bla ktieb fis-sena. Kemm verament huma problema għall-ekonomija Maltija l-barranin li jaħdmu f’pajjiżna? FRANICA PULIS tirrapporta

Dan iż-żmien tara nies ta’ ġilda skura jiġbrulek l-iskart, Serbi jibnulek id-dar, Pollakki jservuk f’ristorant, Filippini jiħdulek ħsieb it-tfal u Russi jinvistawk l-isptar.
Il-ħaddiema barranin f’Malta, kemm dawk ġejjin mill-UE u anki dawk li mhumiex, żdiedu.
Skond iċ-ċifri ta’ l-ETC bħalissa hawn 4,484 ħaddiema barranin mhux minn pajjiżi ta’ l-UE li jaħdmu f’Malta jew li għandhom permess tax-xogħol. Dawn jinqassmu f’3,133 ċittadin li mhumiex ġejjin minn pajjiżi ta’ l-UE u 1,351 immigranti: 47 refuġjat, 370 asylum seekers u 934 persuna li għandhom dritt għal ‘protezzjoni umanitarja temporanja’.
Barranin li m’għandhomx permess tax-xogħol mhumiex intitolati biex jaħdmu u permessi lil nies li mhumiex minn pajjiżi Ewropej jingħataw xogħol biss fejn id-domanda għal ċerti xogħlijiet hi akbar mill-għadd ta’ ħaddiema Maltin li jridu jaħdmu għalih, fosthom fil-kostruzzjoni u t-tindif.
L-ETC spiss tagħmel spezzjonijiet fuq postijiet tax-xogħol biex tiċċekkja li mhemmx ħaddiema rregolari u aktar issib ħaddiema Maltin li jaħdmu bla ktieb milli nies barranin li jaħdmu bla permess tax-xogħol. Biss biss, fl-aħħar sena finanzjarja (Ott 2006 – Sett 2007) l-ispetturi ta’ l-ETC għamlu 3,484 investigazzjoni fuq postijiet differenti tax-xogħol. Fihom sabu 2,114 persuna taħdem b’mod irregolari u 302 (14.3%) minnhom biss kienu barranin jaħdmu bla permess tax-xogħol.
Il-kwistjoni ddur fuq kemm qed isir abbuż mis-sistema tat-tħaddim li hawn bħalissa.

Kif taħdem is-sistema
Ħaddiema mhux mill-UE irid japplika għalihom min iħaddimhom ma’ l-ETC. Flimkien ma’ l-applikazzjoni, min iħaddem irid jibgħat deskrizzjoni tax-xogħol, inkluż dettalji bħal paga. L-ebda permess ma jingħata jekk il-paga mniżżla tkun inqas mill-paga minima u l-ebda applikazzjoni għat-tiġdid ta’ permess ma tiġi ikkunsidrata jekk ma jkunx hemm evidenza li l-persuna tħallset aktar mill-paga minima u li tkun tħallsitilha l-bolla u t-taxxa fejn applikabbli.
Jekk dawn il-ħaddiema ikollhom diffikultà dwar kundizzjonijiet tax-xogħol, inkluż dwar paga, għandhom id-dritt – bħalma għandhom il-Maltin u ċ-ċittadini mill-Ewropa – li jfittxu l-għajnuna tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u l-Impjiegi.
Iżda kemm verament ma jsirux abbużi u kemm iħossuhom komdi l-ħaddiema barranin jirrappurtaw l-abbuż li jsir fuqhom? Minħabba li s-sistema kif inhi ma tippermettix li ħaddiema barranin mhux mill-UE jkunu freelancers, dawn biex jibqgħu f’Malta jridu jibqgħu impjegati nkella jitkeċċew. Allura b’din il-biża’ jibqgħu jaħdmu b’pagi u b’kundizzjonijiet miżeri.

Ir-reazzjonijiet tal-GWU u tal-UĦM
Iż-żewġ Segretarji Ġenerali ta’ l-unions jaqblu li din hi waħda mill-kwistjonijiet nazzjonali li l-pajjiż qed iħabbat wiċċu magħha.
“Mill-esperjenza li għandha l-GWU din hi kwistjoni reali ħafna. Agħar minn hekk sirna nafu b’mod mhux uffiċjali li saħansitra hemm employers li jċemplu huma stess lill-Awtoritajiet biex jirrappurtaw lill-ħaddiema meta jkunu waslu biex iħallsuhom. Fil-fatt il-GWU ilha għal xhur sħaħ tirċievi ilmenti mingħand għadd ta’ ħaddiema immigranti regolari u irregolari dwar inġustizzji li kienu qegħdin isiru magħhom fejn jidħlu impjiegi minn sidien mingħajr skrupli.
“Il-GWU dejjem tipprova tasal biex jinstabu soluzzjonijiet bil-kelma t-tajba. Iżda fejn dan mhux se jkun aktar possibbli tħoss li wasal iż-żmien li tibda ssemmi lil dawk is-sidien jew kuntratturi li b’xi mod jew ieħor qegħdin konxjament jabbużaw minn dawn il-ħaddiema li għalkemm jagħtuhom servizz wara ma jħallsuhomx dak stipulat mil-liġijiet,” qal Tony Zarb mill-GWU.
Gejtu Vella mill-UĦM qabel miegħu u qal, “Għalina din hi waħda mill-akbar problemi li naffaċċaw b’ħaddiema mill-UE u mhumiex. Il-Gvern, flimkien ma’ l-ETC, għandu jieħu ħsieb li ma jkunx hawn social dumping tal-ħaddiema. L-ewwel nimpjegawhom biex imbagħad nagħtuhom pagi u kundizzjonijiet tax-xogħol inqas mill-Maltin. Dan la hu tajjeb għall-ekonomija u lanqas għall-ħaddiema. Għall-ekonomija għax bejn operaturi ta’ l-istess qasam għandek min qed iħallas kif suppost u min le. Allura l-kompetizzjoni bejniethom ma tiġix ġusta u tispiċċa min ikun operatur serju ma jħalluhx jaħdem.”
Zarb isemmi wkoll li biżżejjed qed issir inġustizzja ma’ ħaddiema li f’xi każijiet biex ssir ġustizzja magħhom iridu jgħaddu s-snin jieħdu każijiet il-Qorti kontra sidien li ma jħallsuhomx sew.
Zarb kompla jgħid li “l-GWU ilha tinforma l-Gvern dwar inġustizzji li xi sidien qegħdin iwettqu kontra ħaddiema, fejn dawn fost l-oħrajn iħaddmuhom bħala self-employed jew fuq l-istess xogħol iżda f’erba’ kumpaniji biex ma jagħtuhomx il-kundizzjonijiet u d-drittijiet kollha mistħoqqha.
“Għalhekk il-GWU tgħid li altru milli wasal iż-żmien li fih il-Gvern hemm bżonn li jaġixxi b’mod immedjat ħalli sidien u kuntratturi bla skrupli ma jibqgħux jabbużaw minn fuq dahar ħafna ħaddiema regolari, aktar u aktar, dawk irregolari.
“Jekk il-Gvern jieħu l-passi neċċessarji b’mod immedjat żgur li l-livell u l-kundizzjonijiet li għandhom il-ħaddiema ma jibqax nieżel ’l isfel. Barra minn hekk is-suq hu miftuħ għall-kompetizzjoni ġusta u mhux abbużiva. Il-GWU diġà qed tagħmel dak kollu possibbli biex tgħin lil dawn il-ħaddiema iżda finalment hu l-Gvern li jrid jimbarka ruħu magħha biex din il-problema tibqa’ tiġi indirizzata bis-serjetà.”
X’għandu jsir biex jitnaqqas l-abbuż?
L-ETC qalet li bħalissa qed jiġu studjati l-proċessi kollha involuti fil-ħruġ ta’ permessi ta’ xogħol. Il-permessi tax-xogħol bħalissa qegħdin joħorġu kif inhu “stipulat fir-regolamenti dwar l-immigrazzjoni”. Minbarra dan l-ETC għandha taqsima li tikkontrolla l-abbużi li jsiru fuq ix-xogħol: min jaħdem bla ktieb tax-xogħol jew permess tax-xogħol għall-barranin.
Iż-żewġ unions ewlenin jaqblu li s-sistema ta’ kif jitħaddmu l-ħaddiema barranin għandha tinbidel qabel ma ssir agħar milli hi bħalissa. Gejtu Vella jsostni li s-suq tax-xogħol wasal fi stat skandaluż bil-ħaddiema li spiċċaw jitlajjaw fil-Marsa jittallbu għax-xogħol.
“Hu deplorevoli kif is-suq tax-xogħol jispiċċa f’dan il-mod. L-ETC għandu jkollha reġistru tan-nies li jistgħu jaħdmu bil-kwalitajiet tagħhom u min għandu bżonnhom imur hemmhekk. Anki l-paga għandha tmur għand l-ETC biex żgur ma jkunx hemm abbuż.”
Iżid jgħid kemm hu ħażin li jaħdmu underground għax jista’ jiġrilhom xi ħaġa.
“X’se tagħmel imbagħad, ma tagħtix kasu? Ejja nitkellmu bis-serjetà u above board. Jekk il-pajjiż irid jitkellem dwar il-valuri l-ewwelnett irid jgħixhom.”
Tony Zarb iħoss li hemm bżonn tinħoloq “sistema serja u ġusta ta’ inklużjoni” qabel ma s-sitwazzjoni tmur għall-agħar. Isostni li “s’issa ftit li xejn sar u jekk sar, kollox sar f’iżolament.”
“Il-GWU qed tagħmel numru ta’ laqgħat ma’ persuni strateġiċi fuq din il-kwistjoni b’mod informali u kollha jaqblu li issa għandna iktar minn esperjenza biżżejjed biex nagħmlu xi ħaġa bis-serjetà.
“L-immigranti irregolari mhumiex xi ħaġa tal-mument. Għalhekk bħala pajjiż jeħtieġ li naraw li jkollna liġijiet aktar prattiċi bħal pereżempju dawn il-ħaddiema jibdew jikkontribwixxu finanzjarment lejn pajjiżna u ma jibqgħux jappartjenu lill-ekonomija s-sewda.
“Barra minn hekk din il-ġenerazzjoni jista’ jkun li toqgħod lura għax ilha ftit f’pajjiżna. Iżda ċertament li s-sitwazzjoni bit-tieni u tielet ġenerazzjoni tista’ tmur għall-agħar. Għalhekk żgur li ma nistgħux ma niħdux azzjonijiet konkreti minn issa.
“Faċli li taħsel idejk. Iżda l-GWU tisħaq li lesta li xxammar il-kmiem biex tassisti lil dawn il-persuni. Anzi tistieden lil kulħadd ipoġġi ruħu flokhom ħalli jifhem aħjar il-missjoni li l-GWU daħlet għaliha.”
Iż-żewġ unions għandhom membri barranin magħhom inkluż immigranti. It-tnejn li huma jħossu li hu dmirhom jiddefendu lill-membri tagħhom anki jekk mhumiex Maltin u jħossu li wasal iż-żmien li jitkellmu bil-fatti u mhux bil-kliem biss.
Bħalissa l-UĦM għaddejja b’diskussjonijiet mal-Kurja u ma’ l-ETC bl-iskop li l-kwistjoni ttellagħha fuq livell nazzjonali.
“Wasal iż-żmien li jkun hawn diskussjoni serja dwar x’qed jiġri f’dan il-qasam. Konna qegħdin nitkellmu dwarha minn qabel l-Elezzjonijet Ġenerali,” tenna Vella.
Zarb sostna li l-GWU “ilha għexieren ta’ snin tiddefendi l-interessi ta’ ħaddiema barranin membri tagħha fosthom Filippini, Indjani u Pakistani, li jaħdmu bħala baħħara peress li tirrapreżentahom f’pajjiżna. Żgur li aħna kommessi aktar minn qatt qabel biex naħdmu fuq din il-missjoni li għandna quddiemna li hi pjaga soċjali nazzjonali.

Fatti u ċifri

1,351 permess tax-xogħol maħruġ lill-immigranti mill-ETC
47 refuġjati
370 asylum seekers
934 persuni bi dritt għal ‘protezzjoni umanitarja temporanja’
3,133 permess tax-xogħol validu maħruġ lil ċittadini minn ‘pajjiżi terzi’

Saru 3,484 investigazzjoni fuq postijiet differenti tax-xogħol
2,114 persuna kienu qed jaħdmu b’mod irregolari
302 minnhom kienu barranin li qed jaħdmu mingħajr permess tax-xogħol

L-ETC taħdem fil-qrib mal-Pulizija biex tara li ma jkunx hawn barranin jaħdmu b’mod illegali. Il-pubbliku jista’ jagħmel rapport dwar xogħol irregolari billi jċempel fuq il-freephone 80076501 jew jibgħat fuq etc@gov.mt. Il-kunfidenzjalità ta’ min jikkuntattja l-ETC hi garantita.

L-abbuż fuq livell lokali

L-aħħar programm elettorali tal-Partit Nazzjonalista (p.43) jgħid li għandu “jissaħħaħ l-infurzar biex jiżdied il-livell tal-ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema b’mod partikulari tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol” kif ukoll li “jissaħħu d-drittijiet tal-ħaddiema billi fix-xiri tiegħu l-Gvern jimponi kundizzjonijiet fuq il-kuntratturi biex dawn jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet tal-ħaddiema u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom.”
Iżda skond Zarb l-affarijiet huma differenti.
“Ċertament li l-Awtoritajiet governattivi u ekkleżjastiċi jafu li bosta employers qegħdin jabbużaw sfaċċatament minn dawn il-ħaddiema immigranti għax iħossu li m’għandhomx id-dinjità tal-ħaddiema Maltin. Agħar minhekk hu meta l-Gvern, jew fergħat tiegħu bħala Kunsill Lokali, jgħinu biex ikun hemm abbuż fuq dawn il-ħaddiema,” żied jgħid Zarb.
Il-GWU bagħtet bosta ittri dwar abbuż fuq ix-xogħol lil Ministeri ta’ John Dalli u Carm Mifsud Bonnici kif ukoll lid-Direttur ta’ l-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali dwar każ partikulari li l-GWU għandha f’idejha u li s’issa għadha ma ngħatatx tweġiba.

Il-każ ta’ Okbachristos
Emanuel Spiteri minn Raħal Ġdid, sid il-kumpanija Leli & Sons Ltd, għandu jagħti €1,154.50 lil ħaddiem B. Weldegebreal Okbachristos għal xogħol li għamillu bejn Marzu u April ta’ din is-sena. Il-kumpanija tagħmel xogħol ta’ ġbir ta’ skart mal-Kunsill Lokali tal-Floriana. Sa llum Spiteri għadu ma ħallasx lil Okbachristos anki jekk sarulu diversi tentattivi bil-kelma t-tajba mill-GWU.
Il-GWU tħoss li b’dan it-tip ta’ abbuż, il-Gvern u l-Kunsilli Lokali għandhom ikunu fost l-ewwel li jagħtu eżempju billi fil-kuntratti li jagħmlu ma’ sidien jew kuntratturi jaraw li dawn ta’ l-inqas jorbtuhom b’kundizzjonijiet u pagi minimi u jekk il-ħaddiema ma jitħallsux jiġu blacklisted minn kuntratti oħrajn.

Intervista

Minn Cinderella għal prima donna

Kurt Sansone jintervista lil Leo Brincat



Il Punt
Ġirien nukleari
Carmel Cacopardo



Emmanuel Micallef
Postna fl-Ewropa ... wasalna?!


Carmelo Mifsud Bonnici

Dieħel is-sajf


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan