MediaToday

Aħbarijiet | 27 ta’ Lulju 2008 Nr 91

Siekta dwar ir-reatturi nukleari tal-ġirien

Charlot Zahra

Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin Malti għadu ma nvokax il-Konvenzjoni ta’ Espoo ta’ l-1991 fejn jidħol il-bini ta’ reatturi għall-enerġija nukleari minn Franza fil-Libja u dawk ippjanati li jinbnew fl-Italja.
Din il-konvenzjoni tippermetti Stat Membru li jitlob konsultazzjoni miegħu dwar żvilupp fi Stat Membru ieħor tal-Konvenzjoni jekk dak l-iżvilupp ikun se jaffettwa b’mod negattiv l-ambjent f’dak il-pajjiż ġar.
Mistoqsi jekk il-Gvern Malti kienx se jinvoka l-Konvenzjoni ta’ Espoo jew le, kelliem għall-Ministeru għall-Affarijiet Barranin qal xott xott: “Il-Ministeru konċernat ma’ dawn it-tip ta’ affarijiet ġie nfurmat” bla ma speċifika liema hu dan il-Ministeru.
Il-kelliem kompla jgħid li “skond id-deċiżjoni ta’ dan il-Ministeru, imbagħad il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, f`ko-ordinazzjoni mal-Ministeru l-ieħor, jagħmel ir-rappreżentazzjonijiet tagħha jekk hekk ikun indikat.”
Dan ifisser li l-Gvern Malti għadu lanqas biss ħa d-deċiżjoni jekk jinvokax din il-Konvenzjoni ma’ l-awtoritajiet Franċiżi u Taljani.

Peress li l-kwistjoni hi marbuta mal-proċess ta’ assessjar ta’ l-impatt ambjentali jrid ikun il-Ministeru għall-Ambjent, jew l-Uffiċċju tal-Prim Ministru li taħtu jaqa’ l-ambjent, li jinvoka l-konvenzjoni.
Kien Carmel Cacopardo, il-Kelliem Ewlieni ta’ Alternattiva Demokratika (AD) għall-Iżvilupp Sostenibbli, li semma għall-ewwel darba din il-possibbità li l-Gvern Malti jinvoka din il-Konvenzjoni fejn jidħol l-iżvilupp nukleari fil-Libja u fl-Italja rispettivament fid-dawl ta’ l-aħħar inċidenti li kien hemm fir-reatturi nukleari fi Franza l-ġimgħa li għaddiet u aktar qabel fis-Slovenja u fir-Repubblika Ċeka.
F’Lulju tas-sena l-oħra, Franza ffirmat kuntratt mal-Gvern Libjan għal bini ta’ impjant għall-enerġija nukleari fil-Libja waqt ċerimonja li għaliha attenda l-President Franċiz Nicolas Sarkozy innifsu ftit tas-sigħat wara li nħelsu l-infermieri Bulgari li kienu qed iżommu lill-Unjoni Ewropea milli tinnormalizza għal kollox ir-relazzjonijet tagħha mar-reġim ta’ Gaddafi.
Fl-Italja, l-Gvern il-ġdid tal-Lemin ta’ Silvio Berlusconi reġà lura mill-politika dikjarata ta’ l-Italja kontra l-bini ta’ impjanti għall-enerġija nukleari fil-pajjiż ta’ dawn l-aħħar 20 sena wara r-referendum tat-8 ta’ Novembru 1987.Fit-22 ta’ Mejju l-Ministru għall-Iżvilupp Ekonomiku Taljan, Claudio Scajola, ħabbar li kien se jaqleb għall-energija nukleari bil-bini ta’ impjanti godda jibda sa tmiem il-leġiżlatura ħames snin oħra.
Osservaturi qalu lil din il-gazzetta li meta l-impjanti nukleari fl-Italja u fil-Libja jkunu tlestew u bdew joperaw fis-snin li ġejjin il-possibilità ta’ inċidenti nukleari fiċ-ċentru tal-Mediterran se tikber ħafna.
Ilkoll niftakru l-konsegwenzi ta’ l-isplużjoni tar-reattur nukleari f’Chernobyl, f’dik li kienet tissejjaħ l-Unjoni Sovjetika f’Novembru ta’ l-1986, li ħalliet konsegwenzi mhux biss fuq l-Ukrajna, ir-Russja u l-Belarus, li jinsabu fil-qrib, iżda wkoll fuq pajjiżi ’l bogħod.
Fil-fatt ir-radjazzjoni ta’ Chernobyl waslet ukoll fl-eks-Jugoslavja, fl-Isvezja, fil-Bulgarija, fin-Norveġja, fir-Rumanija, fil-Ġermanja, u fil-Polonja fost l-oħrajn.
Erbgħin fil-mija tat-territorju Ewropew kien ikkontaminmat mir-radjazzjoni li ħarġet minn Chernobyl b’riżultat ta’ l-isplużjoni b’firxa ta’ 3.9 miljun kilometru kwadru.

Intervista

Minn Cinderella għal prima donna

Kurt Sansone jintervista lil Leo Brincat



Il Punt
Ġirien nukleari
Carmel Cacopardo



Emmanuel Micallef
Postna fl-Ewropa ... wasalna?!


Carmelo Mifsud Bonnici

Dieħel is-sajf


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan