Sports | 27 ta’ Lulju 2008 Nr 91
Mark Attard
Huwa wieħed minn sitta! Donnu twieled għall-atletika. Dedikat u ffukat. Anki fi kliemu. Qabel ma jgħid xi ħaġa jaħsibha darbtejn, jekk mhux aktar. Intenzjonat jibqa’ ħabib ma’ kulħadd u jżomm l-aqwa relazzjoni ma’ l-atleti kollha preżenti fil-pajjiż.
Dan huwa ftit minn Nicolai Portelli. Almenu din hija l-impressjoni li ħadt tiegħu meta ltqajna għal madwar siegħa nhar it-Tnejn wara nofsinhar.
Nicolai jirrakkuntali ħajtu fil-qosor. Ikellimni fuq l-ewwel żminijiet tiegħu fl-atletika sal-ġurnata ta’ meta rrappreżenta lil Malta fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar għall-ewwel darba. Jgħidli kif għalih kienet fost l-ikbar ferħa u sorpriża ta’ ħajtu meta ħa l-aħbar li kien proprju hu l-persuna maskili li se jmur Beijing jirrappreżenta lill-pajjiżna fl-atletika. Jgħidli li din l-aħbar tant kemm kienet sorpriża għalih li kultant għadu sa llum joħlom jekk li se jaqbad l-ajruplan lejn iċ-Ċina minn hawn u ftit jiem oħra hux xi ħolma f’nofs raqda li għadu ma qamx minnha.
“L-Olimpjadi dejjem kienu l-ħolma tiegħi. Dejjem xtaqt immur iżda qatt ma bsart li dan kollu seta’ xi darba jsir realtà. Se nkun ilħaqt il-quċċata tiegħi fil-kompetizzjonijiet. Ma kontx qed nistennieha għax ma kienx jiddependi mit-tajjeb tiegħi biss iżda mill-atleti l-oħra wkoll.
“Il-fatt li ntgħażilt hija diġà xi ħaġa kbira. Il-fatt li l-grupp se jkun wieħed żgħir ta’ sitta u jien wieħed minnhom hija xi ħaġa kbira wisq. Se nsir Olimpjan u dan huwa ta’ sodisfazzjon kbir. Huwa proprju l-post fejn kull atleta minn madwar id-dinja jimmira li jasal f’ħajtu minn meta jkun żgħir. L-għan se jkun li nagħmel l-aqwa ħin personali. Jien se niġri l-200 metru għax bħalissa hija d-distanza li qed inħossni l-iktar b’saħħti fiha.”
Nicolai kellu l-għażla f’liema distanza jiġri, jekk hux il-200 metru jew l-400 metru. L-atleta għamel tajjeb ħafna fit-tnejn iżda fl-aħħar mill-aħħar id-deċiżjoni kienet tiegħu biss.
“Kelli l-għażla x’niġri bejn il-200 u l-400 metru. Iżda l-200 metru ili nippjana għaliha fuq medda ta’ tliet snin. Kont qed immur tajjeb u ġrejt il-kampjonati nazzjonali u rbaħthom ukoll. Meta ġiet l-aħbar li sejjer l-Olimpjadi ħsibt li kien jaqbilli aktar li nikkompeti fil-200 metru.”
L-atletika mhux l-uniku sport li prattika Nicolai f’ħajtu. Minn żmien meta kien student kien attiv f’diversi sport differenti. Fl-aħħar mill-aħħar induna liema kien l-aqwa sport għalih.
“L-iskola kont nagħmel ħafna sports u minn dejjem żammejt ruħi attiv. Kont nilgħab il-futbol, il-volleyball u anki niġri l-cross country. Maż-żmien indunajt li fl-atletika kont nispikka aktar. Il-futbol kien jogħġobni minn dejjem ukoll imma ġieli kont naqbad niġri u nħalli l-ballun warajja. Kont iddeċidejt li l-atletika kien l-aktar sport li għandi l-aktar x’nagħti u x’nieħu lura.
“Niftakar li l-iskola kien hemm ħabib tiegħi u kien ħajjarni nidħol mal-klabb AS Libertas. Dak iż-żmien kienu klabb kbir ħafna għall-atletika f’pajjiżna. Bdejt nitħarreġ u nikkompeti. L-ewwel darba li rrappreżentajt lil Malta fl-atletika kien fl-1996, fl-Ingilterra. Kont għamilt xi żmien wieqaf sakemm dħalt l-università fl-1998. Kien hemmhekk fejn iddeċidejt li nkompli f’dan l-isport b’aktar serjetà. Minn dakinhar sal-ġurnata ta’ llum ma waqaft qatt u kkompetejt għal Malta diversi drabi. Ma jiddispjaċinix.”
Nicolai Portelli twieled fis-17 ta’ Diċembru 1981. Joqgħod is-Swieqi u huwa iben Joseph u Margeret. Għandu tliet ħutu oħra li huma Mirco, Ivana u Enrica u għarus lil Simone Ellul.
M’hemmx dubju li l-atleta maskili favorit li jmur għal dawn l-Olimpjadi kien Darren Gilford. Darren weġġa’ u kien nieqes ħafna mill-prattika. Dan kollu tefa’ l-piż u r-responsabbiltà fuq Nicolai. Dan kollu jammettih…
“Darren kien l-ikbar favorit li jmur. Huwa atleta ta’ klassi kbira u l-ikbar sodisfazzjoni jiġi meta tkun se tiġri u tarah fil-lane ta’ ħdejk. Kien żvinturat għax weġġa’ u ma laħaqx irkupra. Minfloku bilfors li kellu jmur ħaddieħor u finalment intgħażilt jien. Bejni u bejn Darren hemm ħbiberija kbira li se tibqa’ għal dejjem.
“Fost l-atleti m’għandi problema ma’ ħadd. Anzi pjuttost nipprova ngħin u nagħti l-appoġġ tiegħi lil kulħadd għalkemm mhux dejjem sibt l-istess appoġġ lejja minn naħa ta’ ħaddieħor. L-għira ssibha kullimkien imma jien nipprova nibqa’ dejjem ħabib ta’ kulħadd.”
Is-sorpriża u l-ferħ fuq fommu jidher biċ-ċar. Nistaqsih x’ħass meta ngħata l-aħbar li tant għamlitu kuntent u li se tħalli fost l-ikbar memorji ta’ ħajtu.
“Meta ħarġet uffiċjali anqas kont Malta. Kont għadni kif wasalt minn barra iżda kelli idea ta’ xi ħaġa għax xi ħadd kien infurmani li kont ktibt dak l-artiklu int fuq is-sitta li konna se mmorru Beijing.
“Iżda qabel ma tisma’ direttament mingħand il-Kumitat Olimpiku Malti qisek ma temminx. Xi 1am ftaħt l-email u sibt ittra fejn qaluli li ġejt magħżul biex immur l-Olimpjadi. Dak il-ħin anqas kont naf x’se naqbad nagħmel. Ma stajtx norqod. L-emozzjonijiet kienu inkredibbli. L-aħbar li mmur l-Olimpjadi ħlomtha dejjem imma meta ġiet fuqi għidt, ‘Imma jien qed noħlom jew m’jienix?’ Kienet waħda mill-isbaħ aħbarijiet li qatt ħadt f’ħajti.”
L-atleti li se jkunu ma’ Nicolai huma Charlene Attard fl-atletika, William Chetcuti fl-isparar, Madeleine Farrugia u Ryan Gambin fl-għawm u Marcon Bezzina fil-judo. Ikellimni fuqhom…
“Minn naħa ta’ Charlene ili nafha s-snin. Kellna ħafna esperjenzi flimkien. L-oħrajn nafhom xi ftit ukoll u kollha huma stilel kbar fid-dixxiplina tagħhom. William huwa uniku għal dan il-pajjiż fejn jidħol l-isparar u bla dubju fost l-aqwa tiraturi fl-Ewropa. Naħseb li William kapaċi jasal sa l-aħħar. Mhux xi sport faċli. Trid konċentrazzjoni u saħħa kbira. Nemmen li kapaċi jasal safejn wasal erba’ snin ilu u aktar minn hekk. L-għawwiema ftit li xejn nafhom. Lil Madeleine iltqajt magħha Monaco u nafha hemmhekk. Ryan ma naħsibx li għandu bżonn ta’ xi introduzzjoni. Li kkwalifika għall-Olimpjadi fuq il-merti personali tiegħu hi xi ħaġa kbira għal Malta.”
Mill-ħamsa l-oħra hija Charlene Attard l-aktar waħda li Nicolai idum ikellimni fuqha. Bla dubju hija atleta li ta’ kuljum jaraha u jitħarreġ magħha.
“Jien u Charlene insibuna tajjeb ħafna flimkien. Niltaqgħu l-aktar fuq it-track iżda ħbieb kbar fuq livell personali wkoll. Il-fatt li se ngħixu flimkien tliet ġimgħat u nofs ma naħsibx li se jkollna problemi.
“Atletikament Charlene laħqet livell uniku f’kull distanza ta’ età daqshekk żgħira. U mhux xi atleta li għamlet dan kollu darba jew għal perjodu u ma erġajniex rajniha. Iżżid fil-livelli tagħha minn sena għall-oħra u li se tikkompeti f’dawn l-Olimpjadi huwa kollu fuq il-merti tagħha. Naħseb li fadlilha fejn iżżid aktar jekk tibqa’ moħħha hemm.
“Għalija personali Charlene hija fost l-aqwa, jekk mhux l-aqwa atleta femminili, li qatt ħarġet minn Malta. Li jimpressjonani fiha hu li kapaci tagħmillek żewġ ħinijiet kbar f’żewġt itlielaq differenti fl-istess ġurnata.”
Nicolai għandu r-rekord nazzjonali fl-400 metru meta rreġistra ħin ta’ 48.14 sekonda fl-2003. Jgħidli li l-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li saru pajjiżna dik is-sena kienu atmosfera unika għalih u mhu se jinsihom qatt.
“Il-Marsa kien hemm atmosfera unika. Rari tara dawk in-nies mat-track u dik li wara kull tiġrija beda jqum kulħadd bil-wieqfa u jċapċpilna kienet sabiħa wisq.
“Monaco kienet esperjenza sabiħa wkoll. Ġrejna fi stadium li fih ġrew l-aqwa atleti tad-dinja. Ġrejt heat il-vera komdu u ħsibt li fil-finali se mmur tajjeb aktar milli mort. Spiċċajt irbaħt il-bronz. Tlifna minn ħalqna r-relay tal-4x4. Dik kienet waħda mill-akbar diżappunti meta nqis li ġejna l-ħames u d-differenza bejnha għal ta’ qabilna kienet ta’ ftit millimeżmi ta’ sekondi.
“Bħala disfatta personali ngħidlek li kieku fl-2003 iddeċidejt li nippakkja l-bagalji u mmur f’pajjiż barrani f’xi università oħra fejn nitħarreġ u nistudja wkoll nemmen li l-ħinijiet tiegħi llum huma ħafna aħjar minn dawk li għandi.
“Iżda ma nistax ma nirringrazzajax lill-coach Vladimir Douchenkov. Mhux qed ngħid li ta’ qablu ma servewnix iżda ma’ Vladimir għamilt affarijiet ġodda li ma kontx nafhom fl-atletika. Ili miegħu aktar minn 10 snin u jaf eżattament kif naħdem fiżikament u mentalment.”
Nicolai isemmili idolu Malti u ieħor barrani li ta’ tifel żgħir dejjem ammira u mexa fuq il-passi tagħhom.
“Meta kont żgħir kont ngħid kemm hu tajjeb u kemm u b’saħħtu Mario Bonello. Qatt ma ġietni f’rasi li kelli nispiċċa niġri miegħu. Naħseb li Mario kien ta’ eżempju għal ħafna nies għax tista’ titgħallem ħafna mingħandu.
“Bħala idolu barrani naħseb li Michael Johnson kien jagħmel l-400 metru u qisu ma għamel xejn. Impressjonanti ħafna l-aktar għax naf li ħafna atleti jinqasmu bl-isforz li jagħmlu meta jiġru distanzi ta’ 400 metru.”
Nicolai jgħidli li bħalissa moħħu huwa ffukat biss fuq l-Olimpjadi. Għalih huma mumenti rilassanti biex ikun ċert li lejn iċ-Ċina jitlaq bl-aktar moħħ frisk possibbli.
“Qed inżomm ruħi rilissat kemm jista’ jkun. Kont qed immur nilgħab il-bowling. Għamilna tim u dħalna fil-kampjonat ukoll. Ovvjament m’għandix il-livelli ta’ Sue Abela.
“Il-futbol jogħġobni ħafna iżda nipprova nevitah għax inweġġa’. Inzertajt bħalek inħobb lit-Taljani b’differenza li int mal-Juventus u jien mal-Milan. Sentejn ilu bħala tim nazzjonali Taljan esperjenzajna xi ħaġa li forsi hawn min anqas joħlomha bit-tim nazzjonali li jappoġġa. Lill-Milan inħobbhom ħafna u nammira ħafna lill-plejer Kakà. Nispera li jirbħu l-kampjonat din is-sena. Inħobb ħafna lil Gattuso għall-grinta li għandu u lill-akkwist il-ġdid Zambrotta. Iżda ma tistax tħalli barra lill-kbir Paolo Maldini.”
Nicolai Portelli jkellimni l-aħħar ftit qabel ma jirringrazzja lil dawk li għenuh l-aktar f’ħajtu qabel ma nsellmu lil xulxin.
“Bħalissa moħħi kkonċentrat l-aktar fuq l-Olimpjadi. Irrid insir Olimpjan u rrid ngħix ta’ atleta professjonali mqar għal ftit jiem. Wara Beijing se nkun qed niffoka mill-ewwel fuq il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li jmiss f’Ċipru. Nispera li nkun nista’ ntejjeb il-ħin f’dawn iż-żewġ avvenimenti.
“Nirringrazzja lill-familja tiegħi ta’ l-appoġġ li dejjem sibt mingħandhom. Lit-tfajla tiegħi ta’ kemm tieħu paċenzja bija u lill-coach u l-kollegi tiegħi Karl u Therese Mallia. Fl-aħħar nett ngħid grazzi lill-kollegi tax-xogħol tiegħi fil-Gutenberg talli sibthom kollha warajja.” |
|
Kurt Sansone jintervista lil Leo Brincat
Editorijal

Il Punt
Carmel Cacopardo

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici
Dieħel is-sajf
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|