Carmelo Mifsud Bonnici | 27 ta’ Lulju 2008 Nr 91
Dieħel is-sajf 1. F’jum il-festa tal-Madonna tal-Karmnu wasalna fit-tmiem tas-sessjonijiet tal-Parlament. Is-seduti waqfu u għalaqna b’numru ta’ liġijiet li ġew approvati minn kull stadju. Approvajna b’vot unanimu wkoll l-għażla ta’ l-Awditur Ġenerali u tad-Deputat Awditur Ġenerali. Dan apparti minn Kummissjoni miż-żewġ naħat tal-Kamra fuq it-tisħiħ ta’ l-organi demokratiċi tagħna li huwa pass kbir iktar ’il quddiem. Ngħid li fl-aħħar jidher li tlaqna fuq toroq li għandhom ibiddlu l-klima inutili ta’ konfrontazzjoni sterili li konna qed naraw fl-aħħar leġiżlaturi. 2. Il-fatt li wasalna daqshekk fuq l-Uffiċċju ta’ l-Awditur Ġenerali huwa pass kbir ’il quddiem. Skantajt bir-rapidità tat-tweġiba. Imma jidher ċar li huwa parti minn strateġija li dak kollu li kien qed jinġarr bla skop mill-Partit Laburista issa qiegħed jinxteħet ’il barra. Ma kienx hemm raġuni li timpedixxi ftehim ħlief attitudni żbaljata li issa forsi qed tintilef. Anzi s-sitwazzjoni kienet verament perikoluża għax għamilna żmien twil b’istituzzjoni li tħares l-infiq sħiħ tal-finanzi tal-pajjiż wieqfa u mhux qed taħdem. F’ħafna kienet tidher kontradizzjoni bejn li fuq naħa tattakka l-Gvern fuq l-infiq żbaljat u fuq l-oħra li ma taqbilx jew ma tippruvax tasal fuq min demokratikament huwa nkarigat li verament jikkontrolla. 3. Hu x’inhu se jkun hemm passi tajbin ’il quddiem għax forsi hemm min qiegħed jifhem li l-attitudni negattiva tnaqqas mill-popolarità. Tnaqqas mill-appoġġ tal-poplu li baqa’ wieħed li jrid jara l-ġid isir. Aħna, sforz il-pedamenti nsara tagħna, għandna ġewwa fina mekkaniżmi li japprezzaw lil min iħares li jipproteġi l-pedamenti tal-valuri li writna. Fl-aħħar elezzjoni kien hemm ukoll ġlieda ta’ kultura għax iż-żewġ partiti kienu qed jirrappreżentaw viżjoni differenti tal-ħajja. Kien hemm fil-fatt telfa ta’ linja materjalista lejn bniedem u s-soċjetà. Il-kunċetti Marxisti-Leninisti tilfu dak li nittama li kienet l-aħħar ġlieda tagħhom fuq din il-gżira. Ikun żball politiku għall-Partit Laburista li jerġa’ jitlaq fuq dik it-triq 4. Dawn kunsiderazzjonijiet importanti. Is-sajf però dieħel u għalkemm nara li hemm min baqa’ u qagħad fix-xemx, mhux kulħadd kien kapaċi joħroġ bi proposti bis-sens. Għax is-sħana taffettwa ħafna u wieħed irid joqgħod attent għax inkella jispiċċa jagħmel u jgħid ħmerijiet kbar u jitlef ir-raġuni kompletament. L-attenzjoni pubblika hija ħaġa, ir-raġuni hija ħaġ’oħra. Ma għadux iż-żmien ta’ soluzzjonijiet faċli. Dan għax il-verità hi li s-soċjetà tant kibret u tant ikkumplikat ruħha li jekk ma jkunx hemm riflessjoni adegwata u preċiża r-riżultat ma jkunx proprju tajjeb. Il-kalma, il-paċi u s-sens komun jagħtu u jġibu magħhom dibattitu kostruttiv u proposti li jistgħu jiġu verament integrati fis-soċjetà. Jekk dan ma jsirx ikun biss ħela ta’ ħin, spejjeż u enerġija. 5. L-argumenti ma jintrebħux bid-daqq tat-tnabar stunati, wisq inqas bil-forza, imma bi djalogu kostruttiv. Mhux biss, imma t-tmexxija tal-pajjiż timxi iktar ’il quddiem meta jkun hemm pjan. L-affarijiet, kif iddikjara diversi drabi l-Prim Ministru, jiġu b’ħidma kbira u kollaborata. Kull min irid jimxi fit-toroq tal-progress veru u mhux apparenti jrid jieħu din it-triq itwal, iktar diffiċli u kkumplikata. L-intenzjonijiet tajba hemm ikunu u anki t-tentazzjoni. Imma dan ma jfissirx li tista’ tinbena soċjetà stabbli li kapaċi tiflaħ ġebla oħra fuqha jekk fiha ma jkollniex il-paċenzja li nidħlu fid-dettall u fil-konsiderazzjonijiet kollha li dan il-Partit baqa’ mpenjat li jwettaq. 6. Is-sajf tajjeb għax minnu nnifsu jitlob mumenti ta’ serħan. Għalina l-politiċi li sibna ruħna fl-eżekuttiv ifisser ferm aktar għax għandna l-ħin nirriflettu u naqraw. Il-moħħ għandu bżonn il-mistrieħ tiegħu. Għandu bżonn il-ħin biex jara fejn aħna u fejn għandna mmorru. Ħa jidħol dan l-istaġun, ħa jiġi biex inkomplu nissudaw it-tajjeb li għandna, il-familji tagħna, is-soċjetà ħanina u ġusta li aħna parti minnha. Hawn huwa anzi ż-żmien meta naraw it-truf ta’ dak li rnexxielna nwettqu biex inkomplu r-ritmu ta’ bidla. Dan aħna mpenjati li nagħmluh għax aħna parti minn partit li jħares li jwettaq is-sewwa lill-poplu li jixraqlu gwida tajba.
|
Intervista
|
|
Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan