Emmanuel Micallef | 27 ta’ Lulju 2008 Nr 91
Minn mindu dħalna fl-Unjoni Ewropea donnu li l-entużjażmu li kellna qabel dħalna majna ftit mhux ħażin. Jista’ jkun li issa li lħaqna l-aspirazzjonijiet tal-poplu allura m’għandniex għalfejn noqogħdu nuru li aħna iktar insara mill-Papa fis-sens tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea.
Ma nistgħux ngħidu li ma avvanzajniex
bis-sħubija għalkemm għad għandna fostna min isostni li s-sħubija fl-UE m’għamlitilniex ġid, anzi pjuttost ġabitilna iktar żvantaġġi. Iżda l-maġġoranza tal-poplu hija kburija li Malta llum hija meqjusa bħala stat membru ta’ din l-Unjoni.
Illum m’għandna l-ebda partit politiku li jgħid li huwa assolutament kontra din is-sħubija.
Il-kritika li nisimgħu hija dwar il-ħtieġa li jmissna avvanzajna ferm iktar milli għamilna s’issa permezz ta’ din is-sħubija.
Il-Partit Nazzjonalista jiftaħar li kien hu li witta t-triq biex pajjiżna llum jista’ jiftaħar li huwa parti minn din l-unjoni ta’ 27 stat membru. Mill-banda l-oħra l-Partit Laburista qed jimmira li bil-politika tiegħu jwassal lil pajjiżna biex ikun l-aqwa Stat membru fl-Unjoni Ewropea.
Ma naħsibx li llum il-politika barranija dwar l-Unjoni Ewropea għadha kwistjoni li taqsam lill-partiti politiċi tagħna. Jidher li dwar dan hemm konsensus naturalment b’xi varjanzi fejn jirrigwarda prioritajiet. Iżda minkejja dan il-qbil dwar is-sħubija xorta waħda għadna nbatu minn nuqqasijiet kbar fejn jidħol l-interess ta’ pajjiżna fil-konfront tal-UE. F’ċerti oqsma għamilna passi ’l quddiem iżda f’oħrajn għadna lura.
Niddejjaq nisma’ b’lista sħiħa ta’ twissijiet li tagħmlilna l-UE jew xi waħda mill-istituzzjonijiet tagħha dwar in-nuqqas ta’ konformità fir-regolamenti tagħha jew fil-miri imfassla minnha.
Ninħaraq meta nara li sa llum għadna m’aħniex kapaċi noħolqu proġetti biżżejjed biex inġibu lejn pajjiżna l-ikbar ammont ta’ fondi possibbli mill-UE.
Il-lista ta’ twissijiet hi tal-mistħija – jekk huma emissjonijiet ta’ gassijiet, jekk huma każi ta’ liberalizzazzjoni ta’ ċerti oqsma; jekk huma miri dwar il-qasam tax-xogħol u l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, is-saħħa u sigurtà, l-ambjent u bosta setturi oħra. Ma jistax ikun li nibqgħu nissemmew fuq in-naħa t’isfel tal-lista ta’ pajjiżi li mhumiex konformi mar-regoli tal-UE. Żgur li mhix konsolazzjoni li jpoġġuna fl-istess miżien ta’ pajjiżi ta’ l-Ewropa tal-Lvant li skond aħna konna naħsbu li minħabba l-Kommuniżmu kienu ferm warajna f’dak li huwa żvilupp soċjali u ekonomiku.
Għalhekk naħseb li kien pass għaqli li jkun ristrutturat il-MEUSAC biex jibda jaqdi l-funzjoni ta’ gwardjan għall-politika ta’ pajjiżna dwar l-Unjoni Ewropea u biex ikejjel l-impatt tas-sħubija u l-effetti tagħha fuq il-poplu tagħna.
Jidher li issa dan il-kumitat se jilqa’ fi ħdanu firxa iktar wiesa’ tas-soċjetà u se jibda juri snienu u mhux jispiċċa forum ta’ tpaċpiċ u rakkomandazzjonijiet mingħajr saħħa ta’ xejn. Għamel tajjeb ukoll il-Partit Laburista li mhux se joqgħod ċiċċibeqqi bħala osservatur imma se jipparteċipa b’esponenti ewlenin tiegħu u b’sehem attiv.
Wieħed jittama li anke min-naħa tal-Gvern dan il-kumitat ma jservix ta’ paraventu jew timbru għal dak kollu li jiddeċiedi u jwettaq il-Gvern f’dik li hija politika Ewropea ta’ pajjiżna. Il-fatt li f’dan il-kumitat issa se jkun hemm ukoll is-sehem attiv tas-soċjetà ċivili u organizzazzjonijiet non-governattivi għandu jservi biex il-ħidma ta’ dan il-kumitat tasal għand il-poplu u mhux tibqa’ bejn l-erba’ ħitan tas-sala tal-laqgħat tal-kumitat b’dominanza assoluta tal-partiti politiċi. Fuq kollox il-ħidma ta’ dan il-Kumitat m’għandhiex isservi biex toqgħod titfa’ taħt it-tapit dak li ma jdoqqx għal widnejna u toqgħod iddoqq it-trombi fejn jirnexxielna nagħmlu suċċess.
Il-kejl ewlieni li jrid juża dan il-kumitat għandu jkun il-livell ta’ għixien taċ-ċittadin. Is-suċċess ta’ pajjiżna ma jinkisibx billi noqogħdu niftaħru kemm irnexxielna niġbdu fondi lejn pajjiżna mill-450 skema ta’ finanzjament li toffri l-UE.
F’dan ir-rigward ukoll baqagħlna x’naqdfu – iżda nkunu lħaqna l-miri tagħna meta bil-fondi li jirnexxielna nġibu ċ-ċittadin Malti jħossu li qed imur aħjar.
Il-Kumitat tal-MEUSAC m’għandux iservi biss ta’ laboratorju biex noqogħdu nanalizzaw ir-raġunijiet jew il-ġustifikazzjonijiet għalfejn pajjiżna mhux qed jisfrutta s-sħubija biżżejjed. Jekk verament huwa kumitat ta’ azzjoni allura l-enfasi tal-ħidma tiegħu għandha tkun fuq l-azzjoni u mhux paroli.
Fis-sustanza għad irridu nesperjenzaw id-differenza ta’ pajjiżna wara li ddikjarajna li “Postna fl-Ewropa”.
Il-MEUSAC jista’ jwassalna biex nagħmlu dan. |
|
Kurt Sansone jintervista lil Leo Brincat
Editorijal

Il Punt
Carmel Cacopardo

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici
Dieħel is-sajf
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|