Intervista | 27 ta’ Lulju 2008 Nr 91
Kurt Sansone jintervista lil Leo Brincat
Ftit qabel ma niltaqa’ ma’ Leo Brincat insir naf li xtara karozza ġdida li taħdem bil-batterija u bil-petrol, teknoloġija magħrufa bħala hybrid u li tgħin biex jitnaqqsu l-gassijiet li jagħmlu ħsara lill-atmosfera.
Il-kelliem ewlieni Laburista għall-ambjent donnu jrid imexxi bl-eżempju, ngħid bejni u bejn ruħi, jien u nsuq lejn il-kwartieri fejn se niltaqa’ miegħu. Għall-Partit Laburista l-ambjent qatt ma kien ċentrali fil-politika li ħaddan minkejja l-oppożizzjoni li qajjem għal uħud mill-kwistjonijiet jaħarqu li tqajmu fl-aħħar żminijiet. Bil-għażla ta’ Brincat bħala kelliem ewlieni għall-ambjent u bl-enfasi li qed jagħmel il-mexxej il-ġdid jidher li minn Cinderella l-ambjent se jsir prima donna.
Niltaqa’ ma’ Brincat b’dan il-ħsieb ibehren f’moħħi. Imma l-ewwel naqbadlu fuq il-karozza.
“Ordnajtha eżatt wara li tlifna l-elezzjoni,” jgħidli. Hu kburi bil-għażla konxja li għamel favur karozza li tħammeġ inqas.
Tipiku ta’ bniedem li waqgħetlu żokortu fin-numri jispjegali l-kalkoli li għamel biex wasal jiġgustifika l-flus li nefaq fil-karozza, li mhumiex sold jew tnejn.
“Hemm min qalli li ma nafx x’qed nagħmel għax wara ftit snin ikolli nonfqilha madwar Lm2,000 f’batteriji ġodda,” jgħidli bi tbissima.
Meta jittieħed kont tal-vantaġġi ambjentali Brincat iħoss li għamel għażla tajba anki ekonomikament.
Wara din id-diskursata qasira fuq il-karozza nistaqsih jekk il-Partit Laburista jistax jirrikonċilja l-politika ambjentali mal-ġustizzja soċjali. Mhux kulħadd għandu l-mezzi finanzjarji biex jixtri karozza bħal tiegħu. Ħafna oħrajn jagħżlu karozzi second hand li jħammġu iktar jew appliances li mhumiex effiċenti għax ma jifilħux jixtru l-aħħar mudelli.
Jikkwotali dak li qal l-eks viċi president Amerikan Al Gore dan l-aħħar dwar il-mod ta’ kif għandha tinbidel l-istruttura tat-taxxi. ‘We need to shift from a pay as you earn system to a pay as you burn one’, jgħidli Brincat.
“Nemmen li hemm bżonn mhux li nintaxxaw aktar imma li bil-mod il-mod inbidlu s-sistema tat-taxxa ħalli l-familji jifdlilhom iktar flus fl-idejn u jħallsu taxxa skond ma jniġġsu. Iżda dan mhux biżżejjed. Hemm bżonn li jkun hemm iktar inċentivi biex ngħinu lin-nies jagħżlu stil ta’ ħajja li tħalli inqas impatt fuq l-ambjent.
“Pereżempju fil-każ tas-solar water heaters nemmen li jrid ikun hemm iktar inċentivi biex tinkoraġġixxi lin-nies, anki fuq pagi baxxi, biex jixtruhom. Hemm bżonn li dawn ikunu jifilħu jħallsuh għax ikun jaqbel ukoll għall-familji nfushom,” isostni b’ċertu żelu li jġiegħlek tifhem li l-ambjent hu suġġett li jinteressah anki jekk jammetti li għad irid jitgħallem iktar.
“Fil-familja kemm jista’ jkun ma niddiskutux politika imma dwar l-ambjent ikollna diskussjonijiet kbar,” jgħidli. “Fl-ambjent għandna bżonn bidla kulturali mhux l-inqas fostna l-politiċi. Hemm bżonn li jkollna viżjoni fit-tul.”
Il-viżjoni li qed jitkellem fuqha Brincat kienet nieqsa kważi għal kollox mid-diskors politiku tal-Partit Laburista. Anki jekk kien tħejja dokument estensiv dwar l-ambjent qatt ma kien pern ewlieni għall-partit. Il-kelliem Laburista jirrikonoxxi dan in-nuqqas, iktar u iktar mill-esperjenza tiegħu f’distrett elettorali li hu iktar sensittiv għall-kwistjoni.
“Naf li l-partit kellu polls juruh li fl-ambjent konna qed naqgħu lura ħafna. Kostitwenti tiegħi kienu jistaqsuni x’politika kellna fuq l-ambjent u kultant kont inkun at a loss biex inweġibhom. Ma rridx nitfa’ l-ħtija fuq il-kelliema ta’ l-ambjent għax dawn ħejjew dokument li kien fih ċertu dettall. Imma mbagħad inqasna milli nqassmu l-manifest elettorali lin-nies. Kellna ferħ ta’ ġenn biex nippubblikawh mill-ewwel kif tħabbret l-elezzjoni biex imbagħad ittieħdet deċiżjoni li ma jitqassamx. Ħallejna lin-nies fil-għama dwar dak li nemmnu fih.
“Bil-kontra tagħna, il-Partit Nazzjonalista għaraf li l-ambjent hu kwistjoni importanti għan-nies u tawh importanza kbira fil-manifest tagħhom, anki jekk twettqu dnubiet ambjentali kbar taħt il-PN.
“Fil-kampanja tagħna l-ambjent bilkemm tfaċċa ħlief fl-aħħar ġimgħa meta qamet il-kwistjoni ta’ Jeffrey Pullicino Orlando. Nitfa’ l-piż fuq min mexxa l-kampanja elettorali f’isem il-partit u mhux il-kelliema. Il-votanti ma kinux jafu fiex nemmnu.
“Ġralna l-istess fl-IT, il-qasam li kont responsabbli minnu jien. Kellna dokument tajjeb ħafna u meta fuq in-naħa l-oħra kellek lil Austin Gatt bil-mekkaniżmu kollu tal-Gvern warajh għaddej iħabbar inizjattiva waħda wara l-oħra lanqas ma konna kapaċi bħala partit nirreaġixxu. Min kien responsabbli mill-kampanja elettorali ma għarafx dan u b’hekk ħloqna l-perċezzjoni li aħna partit li għalih l-IT mhux daqstant importanti.”
Din il-qrara ta’ Brincat tikxef in-nuqqas ta’ strateġija li kellu l-MLP fl-aħħar elezzjoni speċjalment fejn jidħlu ċerti oqsma bħaż-żgħażagħ.
Jisħaq fuq il-bżonn li l-MLP jinfetaħ għall-għaqdiet ambjentali u jerġa’ jqerr ‘dnub’ ieħor.
“Forsi fil-passat kien hemm min fostna seta’ kellu l-perċezzjoni li l-NGOs huma viċin il-PN u għalhekk inħolqot l-attitudni why bother. Irridu nbiddlu din l-attitudni. Irrid li l-NGOs iħossuhom komdi jitkellmu magħna irrispettivament jekk jissimpattizzawx mal-PN jew le. Ma rridhomx għall-vot imma għall-ideat tagħhom,” isostni Brincat.
Iżda l-ikbar mistoqsija li jagħmlu n-nies hi dwar ir-relazzjoni bejn il-partiti l-kbar u l-kuntratturi. Għal ħafna, l-ambjent hu intrinsikament marbut ma’ l-isfreġju li jwettqu l-kuntratturi. Il-Partit Laburista hu fil-but tal-kuntratturi, nistaqsih kiesaħ u biered.
Jinġibed ftit lura. Brincat jinsisti li hu mhu fil-but ta’ ħadd.
“Ix-xogħol privat tiegħi marbut mal-konsulenza u ħafna mill-klijenti huma mis-settur tat-turiżmu. Jien m’jien fil-but ta’ ħadd u mhu se nagħmel xejn li jxellef il-kredenzjali ambjentali li jrid jibni l-partit. Irridu nsibu l-bilanċ bejn żvilupp li hu sostenibbli u vijabbli u l-ħarsien ambjentali. Irrid li l-inkwiet tar-residenti jkun indirizzat qabel ma joħroġ permess u mhux wara.
“Ma nistgħux inwaqqfu l-iżvilupp imma lanqas nistgħu naslu f’sitwazzjoni assurda bħalma kellna ftit tal-ġimgħat ilu fejn l-iżviluppatur ta’ Fort Cambridge wara li nħariġlu l-permess beda jitkellem dwar il-problemi tar-residenti, l-istess problemi li tqajmu fil-konfront ta’ l-iżvilupp tiegħu.”
Brincat itenni li lest jisma’ lil kulħadd imma jinsisti li ma jrid iwebbel lil ħadd b’affarijiet li mhumiex fattibbli.
Nistaqsih dwar il-korsijiet tal-golf, xi ħaġa li kienu għal qalb il-Partit Laburista bħala parti mill-iżvilupp turistiku fil-pajjiż.
“Dwar il-korsijiet tal-golf kont nemmen li kien hemm lok għal iktar minn waħda biex niġbdu turist ta’ kwalità. Illum ikkonvinċejt ruħi li ċ-ċokon tal-pajjiż u n-nuqqas ta’ ilma jagħmluha diffiċli ħafna biex ikun hawn iktar korsijiet tal-golf. Jekk hux fattibbli li tkun estiża tal-Marsa ma nafx għax minix infurmat biżzejjed imma kwalunkwe deċiżjoni trid tittieħed fil-kuntest tas-sostenibbiltà ekonomika u ambjentali.”
Kwistjoni li potenzjalment tista’ tqanqal kontroversja hi l-użu ta’ l-imtieħen tar-riħ biex tinħoloq enerġija alternattiva. Il-Gvern għandu l-idea li jinvesti f’proġett ta’ mtieħen f’baħar fond. Għal min jifhem fil-qasam proġett bħal dan mhu xejn ħlief ħolma fil-bogħod għax it-teknoloġija biex jinbnew l-imtieħen f’baħar fond ħafna hi għalja wisq u għada mhux żviluppata biżżejjed.
Għaldaqstant jekk il-pajjiż irid jipproduċi l-enerġija mir-riħ l-iktar soluzzjoni fil-qrib u fattibbli hi l-bini ta’ mtieħen fuq l-art jew fil-baħar viċin il-kosta. Dan iġib miegħu l-argument ta’ fejn se jinbnew.
Nistaqsi lil Brincat jekk it-twemmin tal-Partit Laburista fl-enerġija alternattiva hux se jieqaf malli jibdew jissemmew il-postijiet fejn jistgħu jinbnew dawn l-imtieħen għax ikun politikament konvenjenti li topponi s-siti proposti.
Ixengel rasu. Jurini li fehem id-diffikultà li qed inressaqlu. L-ewwel kelma tiegħu hi akkuża
lill-Gvern għax skond hu qed iħawwad l-imħuħ fuq is-suġġett bi stqarrijiet kuntrastanti minn ministri differenti.
Jgħidli li l-MLP se jżomm moħħ miftuħ fuq il-kwistjoni u jtenni: “Fil-kwistjoni dwar it-trasport pubbliku Joseph Muscat wera li mhux lest ikun opportunist politiku fejn jidħlu affarijiet ta’ importanza nazzjonali. Joseph seta’ ħa l-parir ta’ ħafna biex ikompli jrewwaħ l-inkwiet imma m’għamilx hekk. L-istess maturità lesti nuruha f’oqsma oħra bħall-enerġija alternattiva.
“Fuq l-għażla tas-siti għat-turbini tar-riħ il-Gvern kellu rakkomandazzjoni snin ilu biex jagħmel studju ta’ l-impatt fuq il-perċezzjoni tan-nies biex jara kif jaħsbuha fuq l-irdieden tar-riħ fuq l-art. Dak l-istudju qatt ma sar. Qabel ma nikkommeti ruħi nippreferi nara li dawk l-istudji jsiru biex l-affarijiet isiru bis-serjetà. Permezz tagħhom imbagħad inkunu nistgħu nevalwaw l-impatt li se jkollhom fuq in-nies u fuq l-ambjent u naraw x’miżuri nistgħu nieħdu u jekk humiex vijabbli.”
Suġġett sensittiv għaż-żewġ partiti l-kbar hu l-bini illegali fl-Armier. Tul iż-żminijiet mijiet ta’ nies serqu art pubbliku biex bnew kmamar b’mod illegali. Qabel l-aħħar elezzjoni Lawrence Gonzi kien iffirma ftehim sigriet ma’ l-assoċjazzjoni tas-sidien ta’ dawn il-kmamar u wegħidhom li fi żmien sitt xhur kien se jara li l-Mepa tibda l-proċess biex tippubblika l-pjan għaż-żona tal-Marfa li mingħajru ma seta’ jsir xejn.
Bil-barka tal-Gvern il-kmamar illegali se jkomplu jitgawdew. Imma ftehim ieħor simili sar bejn il-Partit Laburista u l-Assoċjazzjoni tas-Sidien lejlet l-elezzjoni.
Fl-MLP, bħan-naħa tal-Gvern, hemm skumdità dwar din il-kwistjoni li ilha tkaxkar is-snin.
“Jien fil-prinċipju kontra kull ftehim sigriet. Anki jekk ftehim sigriet ikun ġust u ekwu ma’ kulħadd dejjem se jħalli togħma morra f’ħalq l-elettorat ġenerali għax iħossu ttradut għax sar minn wara dahru. Fil-prinċipju jien ukoll kontra l-bini llegali u ma narax li jagħmel wisq sens li tillegalizzah.
“Fil-kwistjoni ta’ l-Armier il-Gvern għandu mpenn bil-miktub mas-sidien u għalhekk irridu naraw kif se tiżviluppa din is-sitwazzjoni. Meta nkunu fil-Gvern irridu naraw x’azzjoni ttieħdet mill-Gvern preċedenti, nieħdu kont tas-sitwazzjoni u naraw jekk hemmx rabtiet legali f’dak li jkun sar.”
L-għażla tal-kliem hi kruċjali. Inħoss li Brincat la jixtieq jiġġustifika lil min seraq art pubblika imma fl-istess ħin donnu jifhem li fl-Armier twieldet komunità b’għaġna soċjali li mhux lakemm tarmiha. Hemm ukoll kwistjoni ta’ voti, li mhumiex ftit.
Nistaqsi lil Brincat x’pożizzjoni se jieħu l-MLP jekk il-kwistjoni titla’ fil-Parlament f’din il-leġiżlatura. Jieqaf jaħseb.
“Irridu naraw eżattament x’se jkun qed jipproponi l-Gvern. Ma nistax nikkommetti lill-Grupp Parlamentari minn issa,” iwieġeb xott xott.
Jidher ċar li fuq din il-kwistjoni l-MLP għad irid jara kif se jsib il-bilanċ bejn il-ħarsien ambjentali u l-interessi politiċi u soċjali.
Indawwar id-diskors fuq il-Mepa. “Naqbel mal-Mepa, allaħares ma teżistix u d-dnub hu li ma twaqqfitx qabel,” jgħidli Brincat.
Infakkru li hu ġej minn żmien fit-Tmeninijiet meta l-permessi tal-bini kienu joħorġu bil-barka tal-ministru.
“Dak iż-żmien kien hemm il-PAPB. Illum bil-Mepa s-sitwazzjoni hi aħjar fid-deher imma f’ċerti ċirkostanzi l-Mepa saret ukoll verżjoni iktar sofistikata tal-PAPB. Inutli li l-partit ikollu sempliċi rappreżentant fuq il-bord għax it-tbażwir ħafna drabi jsir fil-livelli ta’ taħt. Hemm bżonn ta’ riforma sħiħa,” jgħidli.
Il-mistoqsija ovvja hi x’tip ta’ riforma. L-ambjentalisti jridu riforma li tissikka iktar lill-iżviluppatur filwaqt li l-kuntratturi jridu sistema li tħaffef il-proċess.
“Bħalma l-Ombudsman kien effiċenti u fair u għalhekk gawda l-fiduċja tan-nies nemmen li l-Mepa tista’ toħloq proċessi fasttrack imma xorta tkun qed timxi mar-regoli kollha.
“Imma hemm distinzjoni kbira bejn żviluppatur li jimxi mar-regoli ambjentali u jħares l-interessi tar-residenti bil-quddiem u wieħed li jitħalla jeżerċita pressjoni bla bżonn fuq il-Mepa nnifisha biex jasal fejn jrid jasal.” |
|
Kurt Sansone jintervista lil Leo Brincat
Editorijal

Il Punt
Carmel Cacopardo

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici
Dieħel is-sajf
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|