MediaToday

Il Punt - Carmel Cacopardo | 27 ta’ Lulju 2008 Nr 91

Ġirien nukleari

Fi Franza fi spazju ta’ 16-il jum seħħew tliet inċidenti nukleari.
L-ewwel inċident seħħ fil-lejl bejn is-6 u s-7 ta’ Lulju fis-sit nukleari ta’ Tricastin. Skart likwidu, madwar 30,000 litru li kien fih l-uranju, b’mod aċċidentali waqa’ f’żewġ xmajjar. L-awtoritajiet Franċiżi ħarġu struzzjonijiet lir-residenti biex ħadd ma jistad, ħadd ma jixrob ilma mill-bjar, kif ukoll biex ħadd ma jgħum fix-xmajjar jew jieħu sehem fi sports fl-ilma. Lanqas ma kien possibbli li jintuża ilma mix-xmajjar għat-tisqija.
It-tieni inċident seħħ fl-impjant nukleari ta’ Romans-sur Isere meta nhar it-18 ta’ Lulju spetturi tas-sit indunaw b’pajp mifqugħ li minnu ħareġ likwidu radjuattiv. It-tielet inċident seħħ mill-ġdid fi Tricastin nhar it-23 ta’ Lulju. L-impjant kien magħluq imma partiċelli radjuattivi ħarġu minn pajp li nqasam fl-impjant nukleari u 97 impjegat spiċċaw l-isptar fejn instab li kienu esposti għal doża baxxa ta’ radjuattività.
Franza tipproduċi 80 fil-mija ta’ l-elettriku tagħha permezz ta’ enerġija nukleari f’59 impjant imxerrda mal-pajjiż kollu. Bħala riżultat ta’ din id-dipendenza fuq l-enerġija nukleari Franza għandha industrija organizzata u b’saħħitha. Il-Gvern Franċiż jgħinha biex tistabbilixxi swieq ġodda billi tesporta t-teknoloġija nukleari.
Fost l-aħħar swieq li qed ifittxu li jippenetraw hemm dak fl-Afrika ta’ Fuq. Franza iffirmat ftehim ta’ kooperazzjoni mal-Marokk, ma’ l-Alġerija u mal-Libja biex tgħinhom jiżviluppaw impjanti nukleari għal skopijiet ċivili. L-iktar li jinteressana hu l-ftehim mal-Libja li se jwasssal biex jinbena impjant nukleari li permezz tiegħu jkun prodott ilma tajjeb għax-xorb minn ilma baħar. Ovvjament, dan l-impjant se jinbena viċin il-kosta.
Inċident f’impjant nukleari jista’ jseħħ bħala riżultat ta’ waħda minn tliet affarijiet: żball uman, ħsara li tiżviluppa fil-makkinarju inkella bħala riżultat ta’ attività naturali bħal terremot.
Hemm żewġ konsiderazzjonijiet li rridu nagħmlu. L-ewwel li l-Libja għandha xemx kemm trid. Teżisti t-teknoloġija biex tipproduċi ilma tajjeb għax-xorb mill-baħar permezz ta’ enerġija solari. Din qed titħaddem f’pajjiżi bħall-Kuwajt. Qed isiru ukoll esperimenti għal titjib sostanzjali f’din it-teknoloġija fl-Iżrael u f’Kalifornja.
Xi ħtieġa hemm ta’ impjant nukleari meta hemm enerġija mix-xemx b’xejn?
It-tieni konsiderazzjoni hi dwar kif niġu affettwati aħna bħala Malta jekk ikun hemm inċident nukleari fl-impjant Libjan. L-effetti jkunu jiddependu mill-gravità ta’ l-inċident. Inċident li jikkontamina l-baħar jaffettwa kemm l-industrija tas-sajd kif ukoll il-produzzjoni ta’ l-ilma f’pajjiżna. Irridu niftakru li 60 fil-mija ta’ l-ilma li nużaw jiġi mill-baħar. Inċident f’impjant nukleari mal-kosta Libjana li jniġġes il-baħar jista’ jaffettwa dan l-ilma li f’Malta s’issa m’għandniex alternattiva għalih għax l-ilma tal-pjan qed jispiċċa wkoll. L-effetti fuq Malta jistgħu jkunu ta’ gravità kbira għax l-uniku sors ta’ l-ilma mbagħad ikun dak impurtat fit-tankers minn Sqallija jew minn x’imkien ieħor.
Il-makkinarju fl-impjanti għat-tisfija tad-drenaġġ li qed jinbnew bħalissa ma jistgħux iservu alternattiva minħabba li l-ilma wara li jsaffuh jitfgħuh il-baħar flok ma jipproduċu ilma tajjeb għax-xorb kif jagħmlu per eżempju f’Singapore.
Apparti dan imbagħad hemm l-effetti fuq l-industrija tat-turiżmu. Kull aħbar ta’ allarm ikollha effett negattiv u t-turiżmu jieħu daqqa kbira b’inċident nukleari daqstant qrib tagħna.
Fid-dawl ta’ dan kollu l-Gvern Malti ma lissen l-ebda kelma. L-anqas l-Oppożizzjoni.
Dan mhux kollox. Il-periklu mhux ġej biss min-nofsinhar għax fit-tramuntana fl-Italja, beda jinħema periklu ieħor.
Il-Gvern ta’ Berlusconi ddikjara li fi ħsiebu jibda l-proċess biex jibni numru ta’ impjanti nukleari. Il-periklu għalina mill-Italja hu l-istess għall-periklu mil-Libja. Bid-differenza li l-iktar li jaffettwawna jkunu dawk l-impjanti li jinbew fin-naħa t’isfel ta’ l-Italja jew fi Sqallija.
Fil-konfront ta’ l-Italja hemm fattur wieħed li jista’ jkun ta’ għajnuna. Bħala riżultat tat-tisħib ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea tapplika għalina l-Konvenzjoni ta’ Espoo, iffirmata fil-Finlandja fl-1991. Din hi inkorporata fid-Direttiva tal-UE dwar l-EIA (assessjar tal-impatt ambjentali) u tipprovdi li fejn ikun hemm possibbiltà ta’ impatt ambjentali li jmur lil hinn mill-fruntieri ta’ pajjiż terz (transboundary impact) hemm l-obbligu li l-pajjiż affettwat ikun notifikat kif ukoll li jkollu l-possibbiltà li jinvolvi ruħu biex ikun assigurat li l-EIA jsir sew.
X’miżuri ħa l-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin f’dan ir-rigward? Ħadd għadu ma qal xejn minkejja d-dikjarazzjoni ta’ Claudio Scajola, Ministru Taljan għall-Iżvilupp Ekonomiku favur l-enerġija nukleari.
Fid-dawl ta’ dan kollu u fid-dell ta’ theddid li jista’ jkun daqshekk kbir il-Gvern għandu l-obbligu li jinforma dwar x’qiegħed jagħmel. L-Oppożizzjoni wkoll għandha l-obbligu li tispjega għaliex baqgħet ħalqha magħluq.

Carmel Cacopardo hu l-kelliem ta’ AD għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Gvern Lokali

 

Intervista

Minn Cinderella għal prima donna

Kurt Sansone jintervista lil Leo Brincat



Il Punt
Ġirien nukleari
Carmel Cacopardo



Emmanuel Micallef
Postna fl-Ewropa ... wasalna?!


Carmelo Mifsud Bonnici

Dieħel is-sajf


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan