Editorjal | 27 ta’ Lulju 2008 Nr 91
Kwalità importanti li għandu jkollu politiku hi l-ħila tad-dixxerniment. Il-ħila li tieqaf taħseb, tevalwa l-informazzjoni li għandek quddiemek, tifhem il-ħsibijiet, il-biżat u l-aspirazzjonijiet tan-nies ta’ madwarek u tasal għal konklużjoni li tkun l-aħjar fiċ-ċirkostanzi.
Mhux kulħadd għandu din il-ħila u kultant anki min jaf jaqra s-sitwazzjoni ta’ quddiemu jippreferi jwarrab l-aħjar ġudizzju minħabba l-vanaglorja personali.
Wara l-għażla ta’ mexxej li ġab arja friska fil-partit u lil hinn minnu bl-attitudni miftuħa tiegħu, id-delegati għażlu li jibbalanċjaw iż-żgħożija u l-Ewropeaniżmu ta’ Joseph Muscat b’żewġ karattri iktar ġellieda u b’saqajhom fl-għeruq tal-partit bl-għażla ta’ Anġlu Farrugia u Toni Abela.
Illum it-tmexxija tal-Partit Laburista għandha direzzjoni ċara ta’ fejn trid tmur b’garanzija li mhux se tinqata’ mill-għeruq.
Imma l-kwadru għadu mhux sħiħ. Il-Partit Laburista għal darb’oħra jinsab f’salib it-toroq. Id-delegati jeħtieġ jagħżlu segretarju ġenerali ġdid u l-membri l-oħra ta’ l-amministrazzjoni.
Ma naqblux li Jason Micallef kellu jerġa’ jitfa’ n-nomina tiegħu għal segretarju ġenerali.
Inħossu li Micallef ma għamilx dixxerniment tas-sitwazzjoni.
Ir-rapport tat-telfa fih ħafna nuqqasijiet li jistgħu jkunu attribwiti lilu forsi bl-ikbar nuqqas ikun il-battalja personali ma taqta’ xejn li żviluppat bejnu u l-eks deputat mexxej Michael Falzon.
Forsi l-ġlied li nqala’ seta’ kien kawża ta’ inkompattibbiltà bejn żewġ karattri imma l-fatt li llum ukoll donnu li qed tiżviluppa antipatija mad-deputat mexxej il-ġdid li ħa post Falzon, allura wieħed bilfors jasal għall-konklużjoni li parti mill-ħtija hi ta’ Micallef.
Ir-rapport tat-telfa tkellem ukoll dwar il-fatt li kienu ħafna dawk li sabu l-bieb magħluq meta offrew l-għajnuna tagħhom. Donnu li s-segretarju ġenerali u l-erbgħa l-oħra li mexxew il-kampanja elettorali riedu jieħdu l-glorja kollha fuqhom.
Il-konklużjonijiet li hemm fir-rapport tat-telfa weħidhom huma l-bażi li fuqhom Micallef missu ddeċieda li ż-żmien tiegħu fl-ogħla kariga amministrattiva wasal fi tmiemu.
Ma jfissirx li Micallef għandu jintrema. Għandu kwalitajiet oħra tajbin. Meta tela’ hu fl-2003 bil-limitazzjonijiet kollha li kellu rnexxielu jdaħħal apprezzament ikbar għall-media u d-dehra. Jaf ‘jaqra’ it-televiżjoni u nemmnu li l-ħiliet tiegħu f’dan il-qasam jistgħu jintużaw b’mod aħjar mill-partit aktar mill-ħiliet jew in-nuqqas tagħhom fil-kariga ta’ segretarju ġenerali.
Micallef jaf li s-saħħa ta’ l-uffiċċju tiegħu tagħtih bażi soda biex ikun jista’ jegħleb l-isfida tal-ħames kandidati l-oħra speċjalment bis-sistema tar-rebħ kif inhi. Il-power of incumbency li l-MLP akkuża lill-PN bih l-għada tat-telfa elettorali qed igawdi minnu Micallef fuq livell ta’ partit.
Hu ovvju li jekk Micallef jintgħażel segretarju ġenerali se jkun mażżra ma’ għonq Muscat għall-ħames snin li ġejjin għax se jagħti lill-avversarji politiċi granpun li jistgħu jiggranfaw miegħu. Sa llum l-attakki kontra Muscat kienu bla effett mhux għax ma kinux qawwijin imma għax Muscat għandu stil tant differenti minn ta’ qablu li l-attakki kontrieh jidhru vojta u bla sens. B’Micallef ma’ saqajh din is-sitwazzjoni tista’ tinbidel.
Nemmnu li s-segretarju ġenerali għandu jkun persuna miftuħa għan-nies, moderat u matur biex jgħaqqad il-kwadru sħiħ tat-tmexxija.
Jeħtieġ ikun politiku imma fl-istess ħin amministratur tajjeb. Ir-rapport tat-telfa tkellem ċar dwar in-nuqqas ta’ organizzazzjoni amministrattiva li kkaratterizzaw il-ħidma tal-partit. Ikun żball jekk id-delegati ma jikkoreġux dawk in-nuqqasijiet. L-għażla trid taqa’ fuq persuna li kapaċi timplimenta d-deċiżjonijiet li jittieħdu, lesta li żżomm il-bieb miftuħ għal min ikun irid jikkontribwixxi bil-ħidma u l-ideat tiegħu u li b’maturità tissielet kontra l-klikek personali u mhux tkun parti minnhom. |
|
Kurt Sansone jintervista lil Leo Brincat
Editorijal

Il Punt
Carmel Cacopardo

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici
Dieħel is-sajf
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|