Xkien jgħid? | 29 ta’ Ġunju 2008 Nr 87
Illum minn Lixandra t-thewdin tiegħi se jmur lejn qiegħ Għajn Dwieli. Bilfors inkun interessat f’dak li jiġri fit-Tarzna għax kien hemmhekk li jxettlu l-għeruq mhux biss tas-soċjaliżmu u tat-trejdunjoniżmu, imma anki tas-soċjetà bħalma hi l-MUSEUM. It-Tarzna kienet ukoll il-benniena ta’ l-aqwa snajja’ u l-bidu ta’ l-edukazzjoni teknoloġika ġewwa pajjiżna.
Inħsadt u ma nħsadtx meta dan l-aħħar ingħatat l-aħbar li l-ħaddiema tat-Tarzna jridu jonqsu minn madwar 1,700 għal 250 impjegat. It-Tarzna ilha li bdiet it-triq tan-niżla u n-Nazzjonalisti bħal donnu dejjem kellhom l-ambizzjoni politika li din in-niżla jqassruha flok itawluha. Jekk irridu ngħidu l-verità kollha l-qabża li kellha tagħmel it-Tarzna minn waħda li purament kienet taqdi l-bżonnijiet tas-Servizzi Ingliżi għal waħda kummerċjali, qatt ma rnexxielha tagħmilha. Meta l-Ingliżi taw l-indipendenza lill-Indja u bdew iżarmaw ftit ftit l-Imperu li minn fuqu x-xemx ma kienet tinżel qatt, it-Tarzna ta’ Malta u dawk li kienu jaqielgħu l-ħobża ta’ kuljum minnha, bdew jieħdu daqqa wara l-oħra.
L-esperimenti varji li saru biex it-Tarzna tittrasforma ruħha f’entità kummerċjali, fallew wieħed wara l-ieħor… it-trasferiment lill-Bailey’s u lil Swan Hunter kienu qosra fil-għomor u falliment totali.
Il-maniġment barrani attwali wkoll kien vroma liema bħala.
Kavilja politika
Minn bniedem ideoloġiku bħali nistema’ xi ftit kontradittorju meta ngħid li l-militantiżmu fit-Tarzna kien fattur ieħor li ikkontribwixxa biex din tasal fix-xifer ta’ preċipizju li tinsab fih illum. L-istrajk ta’ disa’ xhur fl-1970-1971 li ntemm eżatt kif il-Partit Laburista rebaħ il-Gvern jibqa’ jissemma’ għall-mod kif il-ħaddiema tat-Tarzna kienu jintużaw bħala kavilja politika. Fit-teorija l-esperiment tat-tmexxija tal-ħaddiema li nbeda f’nofs is-Snin Sebgħin, seta’ jinstema’ jdoqq tajjeb f’widnejn minn bħali kien jemmen b’ruħu u b’ġismu fid-drittijiet tal-ħaddiema.
Imma sistema bħal dik lanqas kienet tagħmel sens f’intrapriża li taħleb il-profitti l-ħin kollu bħal-lottu u l-lotteriji, aħseb u ara f’Tarzna li l-ħin kollu taħsad it-telf.
Il-militantiżmu trejd-unjonistiku li ma jħarisx sal-ponta ta’ l-imnieħer, ikkontribwixxa wkoll biex jitħaffar il-qabar li qed jiġu mitfugħin fih il-ħaddiema tat-Tarzna. Għal snin twal il-Union kienet tisħaq fuq żidiet sostanzjali fil-pagi u ħafna liwi ta’ l-idejn, theddid u pressjonijiet żejda biex jiġu ffirmati ftehmiet kollettivi li l-qagħda finanzjarja tat-Tarzna żgur ma kinitx tiflaħ għalihom.
Li kieku l-miljuni kbar li ntefqu f’sussidji għall-pagi, allowances eċċ intefqu minflok f’investimenti f’impjant, teknoloġija u taħriġ, x’aktarx li s-sitwazzjoni ma kinitx tkun dik li hi llum. Jisgħobbija ngħid li l-ħaddiema u r-rappreżentanti tagħhom ma rawx fil-bogħod, ma nvestewx fil-futur tagħhom u kien moħħhom wisq f’xi jistgħu jaħtfu tal-mument.
La Salle
It-Tarzna u kulmin jaqla’ l-għajxien tiegħu minnha ntużaw bħala ballun politiku anki mill-istess Nazzjonalisti li fi żminijiet oħra kienu jisħqu li m’għandhiex tiddaħħal politika partiġġana fit-Tarzna. Mhux l-ewwel darba li n-Nazzjonalisti użaw il-kwistjoni tat-Tarzna bħala provokazzjoni biex jistuzzikaw reazzjoni qawwija min-naħa tal-Partit Laburista jew tal-General Workers’ Union.
Tiftakarha l-kwistjoni tal-USS La Salle li kienet ġiet ippreżentata minn Fenech Adami bħala muftieħ għall-gelgul ta’ kuntratti li kellhom jiġu minn Navy Amerikana li baqgħu ma ġew qatt? Fenech Adami kien għamel indirizz lin-nazzjon fuq it-televiżjoni waqt li l-Pulizija u s-suldati qassmu ittri li kienu jgħidu li jekk ma kinux se jaħdmu fuq dan il-vapur minħabba l-kwistjoni tan-newtralità, kienu se jispiċċaw bla xogħol. Il-ħaddiema xogħolhom għamluh fuq dan il-vapur. Imma kuntratti oħra min-Navy Amerikana baqgħu ma ġewx.
L-istess qed jiġri bħalissa bid-deċiżjoni ħabta u sabta u mingħajr konsultazzjoni li ħa l-Gvern Nazzjonalista li jipprivatizza t-Tarzna minkejja li lejlet l-elezzjoni Dottor Gonzi kien serraħ moħħ l-impjegati kollha li l-impieg ta’ ħadd minnhom ma kien se jintmess.
Il-PN fil-programm tiegħu wiegħed li jkompli jgħin lit-Tarzna, safejn tippermettilu l-Unjoni Ewropea, biex tirristruttura ħalli ssir ekonomikament vijabbli. F’temp ta’ ftit ġimgħat il-PN qed idawwar kollox sottosopra, u se jmur għall-privatizzazzjoni li se tfisser li 85% tal-ħaddiema se jitilfu ħobżhom. Trawma liema bħalha, speċjalment għal dawk li huma ta’ 45 sena ’il fuq. Ta’ ġurdien xiħ li jien intendi li ngħid li din l-għaġla żejda li qed jimxi biha l-Gvern Nazzjonalista tista’ tkun animata minn konsiderazzjonijiet partiġġani. L-iskop jista’ jkun li hu li jiġi interrot il-qamar il-għasel politiku ta’ Joseph Muscat b’għadma iebsa bħal din fejn ma jistax jidher li qed jabbanduna ħaddiema li huma parti mis-sinsla tal-MLP meta fl-istess ħin jaf li l-kawża tal-ħaddiema tat-Tarzna mhi xejn popolari fost il-parti l-kbira tal-popolazzjoni. Raġuni oħra għal din l-għaġla sfrenata tista’ tkun ġejja mill-fatt li diġà hemm ideat ċari f’idejn min tista’ tmur it-Tarzna ġaladarba tiġi privatizzata. Imma dan jista’ jkollu thewdin ta’ moħħ xiħ għakka li ilu li boloq.
|
|
Franica Pulis tintervista lid-dwett Chasing Pandora
Editorijal

Il Punt
Joanna Drake

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|