MediaToday

Wenzu Mintoff | 29 ta’ Ġunju 2008 Nr 87

Infern fl-art

Mela ftit tax-xhur ilu l-Kurja Vatikana ddeċidiet li tabolixxi l-Limbu fejn jingħad li kienu jmorru t-trabi li kienu jmutu qabel ma jiġu mgħammda. Issa jekk qatt kien hawn inġustizzja ma’ l-innoċenti, kienet proprju din li tarbija li ma tkunx rat id-dawl tal-ħajja u għax ma jkunux laħqu xarrbulha rasha, kienet tispiċċa mdendla fl-Limbu, la ’l hemm u lanqas ’l hawn.
Issa bħalma l-awtoritajiet Ekkleżjastiċi iddeċidew li jtajru l-Limbu, ma neħodiex bi kbira li għad xi darba jiġi skrappjat il-Purgatorju, l-ispeċi ta’ halfway house bejn il-jaħraq u l-fietel. Ma neħodhiex bi kbira li forsi mhux f’ħajjitna, għad xi darba jsibu sigħethom anki l-abbissi ta’ l-infern, fejn tinħaraq għal dejjem, imma ma tinħaraqx biżżejjed propju biex tkun tista’ tkompli tinħaraq.

Il-Ġenna
Fi żmien il-brodu fejn l-injoranza kienet kbira u l-bniedem kien jimxi bl-istint annimalesk li jinsab ġo fih, ma kinitx ir-raġuni li żżommlu r-riedni, imma l-biża’ tal-kastig li wara li jkun tilef għaqlu se jispiċċa jitlef ruħu u b’ġismu jinxtewa.
Illum il-ġurnata fejn il-biża’ tal-kastig lanqas fuq it-tfal ma taħkem, aħseb u ara kemm se taffettwa l-kbar, il-Knisja għandha biċċa xogħol ferm iktar iebsa li trid tikkonvinċi bir-raġuni u mhux iktar bit-twerwir tan-nirien ta’ l-infern.
Ara fil-każ tal-Ġenna din żgur li se tibqa’ teżisti b’kundizzjoni waħda…li l-Ġenna rriduha f’ħajjitna ta’ kuljum u f’din d-dinja u mhux fid-dinja li jmiss bħala premju għal li nkunu għamilna jew m’għamilniex hawnhekk.
Ngħid is-sew meta konna tfal id-dehra fuq is-santi ta’ l-erwieħ jgħumu fin-nar flok fl-ilma kienet tinkwetanti xi ftit. L-indannament ta’ l-infern etern mhux inqas.
Meta kont nagħmilha ta’ forċina għal San Mikiel fiż-żmien meta kien għadu joħroġ mill-knisja ta’ Ħaż-Żabbar, id-dehra ta’ Luċifru mgħaffeġ taħt saqajn l-Arkanġlu kienet timpressjonani daqsxejn. Illum il-ġurnata l-persunaġġi tal-kartuns Ġappuniżi li jsegwu t-tfal tagħna b’ċertu entusjażmu, għax tgħid għandhom ħafna minn Luċifru u xjaten oħra.

One way ticket
Il-ħajja tant saret mgħaġġla u ddaħħlek f’rutina li qajla jibqgħalek il-ħin taħseb u timmaġina kif jistgħu jkunu l-Ġenna u l-antitesi tagħha l-Infern. Għall-Musulmani il-glorja tal-Ġenna tfisser il-pjaċir karnali assolut, meta suppost fis-seba’ smewwiet titla’ r-ruħ u mhux il-ġisem bil-pjaċiri kollha li jmorru miegħu.
M’ilhux qrajt li terrorista suwiċida Musulman, li flimkien ma’ oħrajn ħatfu ajruplan, ġietu ħniena minn passiġġier li kien imwerwer u mberfel mhux ftit għax-xorti ħażina li messitu. It-terrorista biex isabbru qallu li ma kellux għalfejn jinkwieta. Mhux għax it-terroristi ma kinux se jisplodu l-ajruplan, imma għax ma kellux għalfejn jipprendi l-mewt.
It-terrorista kien mimli bil-kuraġġ u l-mewt ma kienx jibża’ jħarsilha f’wiċċha għax kien jemmen li qed jistennih il-premju tal-Ġenna li għal Musulmani li jinterpretaw il-Kuran kelma b’kelma jfisser pjaċir assolut ma’ biżibilju ta’ tfajliet verġni. Sintendi dejjem jekk sa dakinhar li jaqta’ l-one-way ticket ikun għad fadal biżżejjed tfajliet verġni.
Naturalment il-perċezzjoni tal-Ġenna tista’ tvarja skond jekk inti għadekx fl-aqwa tiegħek tbigħ is-saħħa u tkisser il-ġewż, inkella tkunx dħalt fl-età fejn kollox jibda jmajna. Fl-età li għandi llum nimmaġina l-Ġenna bħal meta San Pietru ried itella’ t-tined fuq il-muntanja u kien ferħan se jtir fil-kumpanija ta’ Kristu. Veduta ma taqta’ xejn ta’ muntanja fejn l-oħra b’daqsxejn ta’ deckchair, bl-istanjata fuq in-nar, u bi ktieb li jintrigak u kumpanija tajba għall-gosti tiegħek.

Iż-Żimbabwe
Imma l-Infern mhux bħal Ġenna, m’hemmx għalfejn toqgħod tiffantasizza fuqu u timmaġina kif jista’ jkun. Għax biżżejjed ssegwi dak li qed jiġri f’pajjiż bħaż-Żimbabwe u hemm tħoss l-Infern u l-vampi tan-nirien tiegħu.
Aħna tal-Maltese Gemgem, erħilna ngergru kemm nifilħu fuq il-Gvern, inżebilħu l-Oppożizzjoni u nikkuljunaw il-qassisin u l-Knisja. Mur ġibna qed ngħixu ż-Żimbabwe ara x’konna nagħmlu bil-gemgem li nispeċjalizzaw fih?!
Imma minn qed jgħix fiż-Żimbabwe prattikament tilef kollox u lanqas is-saħħa li jgemgem m’għad fadallu. Kontra dak li qed jiġri f’pajjiżi ġirien tiegħu ż-Żimbabwe flok iterraq ‘il quddiem ċeklem, ċeklem fl-iżvilupp ekonomiku, qed jispiċċa sejjer lura bħal granċ minħabba t-tmexxija tirannika u despotika ta’ Robert Mugagbe li ilu ’l fuq minn 30 sena. Il-ħajja togħla mhux minn xahar għal xahar imma minn minuta għal minuta, b’rata ta’ inflazzjoni astronomika li tilħaq ‘il fuq minn elf fil-mija fis-sena. Xkafef tal-ħwienet vojta għal kollox ħlief mit-trab, bin-nies qed ikollhom jaħarbu mill-pajjiż fuq stonku vojt minħabba faqar u ġuħ liema bħalu.
Qed jaħarbu bil-mijiet ta’ l-eluf minn tagħhom, l-iktar lejn l-Afrika ta’ Isfel, fejn anki hemmhekk qed jiġu maħqura u ippersegwitati bl-ikrah. Jinkixfu u jinqabdu mhux mill-kulur tal-ġilda tagħhom, imma minn ilsien li ma jafux, meta xi ħadd ikellimhom biex jonsobhom u ma jweġbuhx lura.
Sejjer żball minn jaħseb li l-agħar forma ta’ diskriminazzjoni hija dik razzjali bejn bojod u suwed. Hemm qiegħ iktar fond minn dan il-qiegħ…id-diskriminazzjoni bejn suwed u suwed, bejn dawk li m’għandhomx għaxja ta’ lejla u li jmorru jfittxuha f’pajjiż ieħor, u dawk li għandhom għaxja ta’ lejla u li qed iħossuhom mhedda li se jitilfuha.
Fiż-Żimbabwe għadhom kif saru elezzjonijiet li kienu jkunu farsa kbira li ma kinux ukoll parti minn traġedja infernali. Esponenti tal-partit ta’ l-Oppożizzjoni jisparixxu, jinqatlu jew jispiċċaw b’ħafna mill-għadam ta’ ġisimhom miksura. Dan kollu għax ma jaqblux li pajjiżhom jibqa’ taħt id-dittatura faħxija ta’ Mugabe.
Ma nafx kif qabel l-elezzjoni, kien hawn minn fuq it-televiżjoni ta’ l-Istat wasal biex xebbaħ ċerti sitwazzjonijiet f’Malta ma’ dak li jista’ hemm fiż-Żimbabwe.

Ħatriet
Intant biex mill-Infern u miż-Żimbabwe nkunu ġejna lura f’Malta Fior del Mondo, kont se nixraq fil-kafè meta din il-ġimgħa qrajt dwar l-aħħar ħatriet li saru fil-bordijiet tal-Gvern. Bis-sistema ‘meritokratika’ li qed jimxi biha l-gvern ta’ Dr. Gonzi, jidher li huma biss n-Nazzjonalisti tal-qalba li għandhom mertu f’dan il-pajjiż. Kontra dak li ġie mwiegħed fil-programm elettorali Nazzjonalista li dawn il-ħatriet kellhom jimtlew b’sistema ta’ konkors, qed jiġu maħturin figatelli Nazzjonalisti bħal Berta Sullivan f’bordijiet li jirrikjedu speċjalizzazzjoni teknika bħalma hi l-Awtorità Maltija għall-Komunikazzjonijiet. Imma issa jidher li l-affarijiet marru pass oltre. Il-mertu rikjest biex tiġi maħtur fuq bordijiet tal-gvern mhux biss li tkun predilett tal-PN imma li tkun paġġ tal-ministru li jkun qed jaħtrek. Parti mill-pjan tar-riabilitazzjoni tas-Sur John Dalli jidher li hu li jiġu riabilitati wkoll l-abbatini tiegħu. Tant hu hekk din il-ġimgħa tħabbar li ż-żewġ ċenturjuni tiegħu, Frank Zammit u Michael Mercieca, spiċċaw Deputat Chairman u Direttur ta’ l-ETC rispettivament.
Hemm fenomenu ieħor marbut mal-mod kif qed isiru dawn il-ħatriet li jsaħħaħ din it-teżi li biex issib ruħek f’bord tal-gvern trid tkun fil-grazzja mhux biss tal-partit fil-gvern imma anki tal-ministru li jkun ħatrek. Issa jidher li hekk kif ministru jkunu nbidlulu r-responsabiltajiet ministerjali tiegħu jieħu miegħu mhux biss il-karozza,
ix-xufier u s-segretarjat privat imma dawk li jkun ħatar bħala diretturi fil-bordijiet tal-gvern.

 

Intervista

Il-mużika tal-ħajja

Franica Pulis tintervista lid-dwett Chasing Pandora



Il Punt
Vot li jwaqqaf it-Trattat. U issa?
Joanna Drake



Emmanuel Micallef
Flimkien xejn mhu possibbli


Carmelo Mifsud Bonnici

Il-valuri fundamentali tas-soċjetà



X'kien Jgħid
Qiegħ Għajn Dwieli



Wenzu Mintoff
Infern fl-art


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan