Aħbarijiet | 29 ta’ Ġunju 2008 Nr 87
Ma kienx ikun żmien ieħor li l-Gvern iħabbar li se jipprivatizza t-Tarzna u ma jinqalax inkwiet. KURT SANSONE janalizza l-mod kif il-Gvern irnexxielu tul dawn l-aħħar 10 snin idgħajjef moralment, finanzjarjament u numerikament lill-General Workers’ Union
Dak li għamlet Margaret Thatcher lill-unions Ingliżi fit-Tmeninijiet b’ħafna storbju u ġlied il-Gvern Nazzjonalista rniexxielu jwettqu mingħajr ġlied imma b’ħafna flus f’dawn l-aħħar 10 snin.
Filwaqt li fl-Ingilterra Thatcher riedet tkisser il-unions u l-ħaddiema tal-minjieri tal-faħam, f’Malta wara l-1987 il-Gvern Nazzjonalista ried idgħajjef lill-GWU għal raġunijiet politiċi u ekonomiċi.
L-intenzjoni li tiddgħajjef il-GWU qatt ma kienet imnaqqxa f’xi manifest jew imlissna b’mod ċar waqt xi mass meeting, imma l-istrateġisti Nazzjonalisti minn dejjem għarfu li ġlieda ma’ l-union kienet tiswihom tajjeb fuq livell politiku minħabba l-assoċjazzjoni storika bejn il-union u l-Partit Laburista.
Fuq livell ekonomiku bis-saħħa li kienet tgawdi l-GWU l-Gvern dejjem kien se jsib problemi biex iwettaq ir-riformi u t-tibdiliet fil-qasam ta’ l-impjiegi, fl-entitajiet tal-Gvern u f’setturi kruċjali għall-ekonomija.
Il-GWU mhux biss kienet l-ikbar union fil-pajjiż f’termini ta’ sħubija imma saħansitra kellha rikonoxximent ewlieni f’setturi vitali bħall-portijiet, it-tarznari, il-ġarr u l-ħatt tal-merkanzija u l-ajruport li tawha mhux biss saħħa fin-numri imma wkoll saħħa strateġika.
L-azzjonijiet industrijali li setgħet tordna l-union f’dawn is-setturi kellhom il-potenzjal li jipparalizzaw il-pajjiż u għalhekk dejjem kien hemm kawtela kbira mill-Gvern meta ttratta ma’ l-union.
Anki jekk mal-qalba tas-Snin Disgħin il-kunċett tal-militantiżmu fost il-unions beda jonqos għax fil-pajjiż trabbiet klima iktar kwieta fejn in-nies bdiet tħossha komda u b’konsegwenza t’hekk inqas disposta li tapprezza u tieħu azzjonijiet industrijali spettakolari, is-saħħa strateġika tal-GWU xorta kellha piż qawwi fuq id-deċiżjonijiet li seta’ jieħu l-Gvern.
Il-vleġeġ ħomor
Ironikament, l-ewwel passi li setgħu ttieħdu biex tiddgħajjef il-GWU saru fl-amministrazzjoni Laburista ta’ bejn l-1996 u l-1998.
Waħda mill-ewwel deċiżjonijiet li kien ħa l-Gvern ta’ Alfred Sant li l-maniġment tat-Tarzna ma jibqax f’idejn il-ħaddiema kienet daqqa ta’ ħarta għall-benniena tas-soċjaliżmu u l-militantiżmu tal-ħaddiema. Dakinhar il-union ma għarfitx tirreaġixxi għall-istil ġdid maniġerjali ta’ Sant li ġustament għamel l-argument favur min iħallas it-taxxa biex jiġġustifika s-sehem akbar li kellu jkollu l-Gvern fl-operat tat-Tarzna.
Iżda fuq livell ta’ perċezzjoni, l-agħar kien għadu ġej. Il-GWU kienet baqgħet gallerija meta kien ippreżentat il-baġit f’Novembru ta’ l-1997 li kien wieħed mill-iktar baġits kefrin ta’ l-aħħar 10 snin, bis-Segretarju Ġenerali ta’ dakinhar jgħid li kien ipprefera jara l-futbol milli jsegwi d-diskors tal-baġit.
Imma kien wara l-1998 li rrankat
il-ġlieda siekta biex il-GWU tiddgħajjef, speċjalment fl-isfond tal-mixja lejn l-isħubija fl-UE li reġa’ tellaq il-Gvern Nazzjonalista.
Bilkemm għaddew ftit xhur
mill-elezzjoni li l-Gvern ma ddeċidiex li jagħlaq il-Kalaxlokk fejn kellek sezzjoni ta’ ħaddiema militanti. Madankollu l-Gvern xtara l-paċi industrijali billi lill-ħaddiema tagħhom somma flus kull wieħed.
L-istess tattika ntużat fit-Tarzna fejn il-Gvern kien innegozja ftehim kollettiv ġdid li permezz tiegħu ippompja iktar flus f’din l-azjenda
bil-ħsieb li jdawwar ir-rotta
għat-tajjeb fi żmien ħames snin.
Il-GWU ma setgħetx issabbat saqajha għax il-Gvern kien taha dak li riedet u fl-istess ħin kompla kabbar l-antipatija ta’ min iħallas it-taxxi kontra l-ħaddiema tat-Tarzna.
Ftit wara nqalgħet l-ewwel problema kbira fl-ajruport internazzjonali. Il-GWU spiċċat f’diżgwid qawwi mal-UHM dwar l-għarfien ta’ l-union mill-maniġment ta’ l-MIA. Il-kwistjoni tant saħnet li ħaddiema membri tal-GWU kienu ħadu azzjonijiet industrijali li xekklu l-operat ta’ l-ajruport. Dakinhar kienu anki arrestati xi ħaddiema u uffiċjali ta’ l-union, inkluż
is-Segretarju Ġenerali u l-avukat George Abela.
Dik l-azzjoni wriet li l-Gvern ma kienx se jibża’ juża l-forza fil-konfront tal-GWU.
Ħaddiema rikattati
Dan kien preludju għal dak li kellu jiġri fil-kwistjoni La Salle fis-sena 2001.
Sa meta faqqgħet dik il-kwistjoni l-GWU kienet tilfet is-servizzi ta’ George Abela f’dik li tqieset bħala mossa biex il-militanti jsaħħu jdejhom. Fis-sena 2000 il-union kienet ukoll imbarkat fuq serje ta’ mass meetings taħt it-tema ‘Issa Daqshekk’ biex toħloq kuxjenza dwar in-nuqqas ta’ xogħol u l-piżijiet fuq il-familja. Dawn il-meetings li waqthom kienet tingħad ħafna retorika militanti sfumaw fix-xejn.
Il-La Salle kien bastiment tal-gwerra Amerikan li skond ftehim li daħal għalih il-Gvern Malti kellu jissewwa fit-Tarzna.
Fost kontroversja sħiħa nazzjonali dwar jekk it-tiswija ta’ vapur militari Amerikan kienx imur kontra n-newtralità kif imnaqqxa fil-Kostituzzjoni, l-iktar elementi militanti fit-Tarzna ma ridux jaħdmu x-xogħol.
Hawnhekk dehru l-ewwel xquq. Sezzjoni tal-GWU, immexxija minn Karmenu Vella, li kienet tirrappreżenta kategorija partikolari ta’ ħaddiema fit-Tarzna, sostniet li l-membri tagħha kienu lesti jaħdmu l-vapur bil-kontra ta’ dak li kienet qed tgħid it-taqsima tarznari mmexxija minn Tony Coleiro.
Il-Gvern ra opportunità biex jifred u jsaltan. Eddie Fenech Adami kien mar fuq Xarabank u tenna twissija ċara lill-ħaddiema tat-Tarzna: jew jaħdmu x-xogħol jew it-Tarzna tingħalaq. Kienet sfida ċara.
Bl-appoġġ popolari warajh il-Gvern kien lest jiġġieled lill-GWU fil-baċiri tat-Tarzna.
Il-ħaddiema kienu rċevew ittra d-dar titlobhom kinux lesti jaħdmu x-xogħol fuq il-La Salle u jekk il-maġġoranza ma kinitx lesta l-Gvern kien se jagħlaq it-Tarzna. Kien rikatt dirett fuq l-impjieg tal-ħaddiema u l-Gvern ma marx għand il-union imma direttament għand il-ħaddiema u l-familji tagħhom.
Fl-aħħar mill-aħħar il-GWU ċediet l-armi u x-xogħol fuq il-La Salle sar mingħajr problemi ta’ xejn.
Studju biex jgħarbel l-istudji
Iżda l-musmar fit-tebut ta’ dik l-ewwel fażi li fiha l-GWU bdiet tiddgħajjef sammritu l-union stess.
Wara eżerċizzju estensiv ta’ studji dwar l-impatt tas-sħubija fl-UE fuq il-ħaddiem u l-pajjiż li wera kif kien jaqbel li pajjiżna jissieħeb, il-GWU, imbuttata mis-sezzjoni tarznari u diriġenti għoljin fil-Partit Laburista, injorat il-ħidma tagħha stess u reġgħet ikkummissjonat studju biex jgħarbel l-istudji l-oħra.
Fl-aħħar mill-aħħar il-GWU kienet waħda mill-ftit organizzazzjonijiet mis-soċjetà ċivili li kienet kontra sħubija minkejja li l-istudji tagħha stess kienu wrew li kien jaqbel għall-ħaddiem.
Wara l-2003 bdiet it-tieni fażi li fiha l-union inġiebet għal għarkubtejha.
L-ewwel ħsus ħarġu bil-ftehim ta’ riforma fit-Tarzna. Il-ftehim wassal biex jitneħħew mad-900 ħaddiem mit-Tarzna u kien jirrifletti dak li ġie negozjat ma’ l-UE dwar is-sussidji.
Għal darb’oħra l-Gvern uża l-flus biex jieħu dak li jrid. Il-ħaddiema li tneħħew jew ingħataw somma jew instabilhom impjieg ma’ kumpanija tal-Gvern li twaqqfet apposta biex tieħu magħha l-ħaddiema żejda fl-azjendi fejn kien qed isir ristrutturar.
Is-saħħa tal-union iddgħajfet numerikament u l-moral tal-ħaddiema tat-Tarzna tkisser. Dawk li qabel kienu lesti joħorġu fit-toroq anki b’solidarjetà ma’ ħaddiema oħra f’postijiet tax-xogħol oħra, bdew jirraġunaw li huma wkoll kellhom familja x’jieħdu ħsieb.
Il-Gvern kien irnexxielu jwettaq riforma f’dik li dejjem tqieset bħala l-benniena tal-militantiżmu ta’ l-union u bil-mannara ta’ l-UE mdendla fuq rashom qajla setgħu jitniffsu.
Il-pass li jmiss kien attakk fuq is-saħħa finanzjarja tal-GWU billi jitteħdilha l-kuntratt tal-ħatt u l-ġarr tal-merkanzija fil-portijiet.
Jingħalaq il-vit
Il-Gvern nieda proċess biex il-kuntratt ma jibqax jingħata lill-Cargo Handling, kumpanija tal-GWU, imma jinfetaħ għall-kompetizzjoni. Minkejja l-argumenti tal-Gvern kontra l-monopolju tal-Cargo Handling, il-kuntratt il-ġdid għadda għand kumpanija privata li xorta baqgħet f’sitwazzjoni ta’ monopolju u sal-lum għad hemm dubji kemm verament raħsu l-prezzijiet għall-industrija.
L-importanti għall-Gvern kien li jżarma l-Cargo Handling. Irnexxielu mhux biss itellef is-saħħa strateġika ta’ l-union fil-port imma jagħlqilha wkoll il-vit tal-ħajja. Il-mexxejja stess tal-GWU kienu ammettew li t-telfien tal-Cargo Handling kienet daqqa ta’ ħarta kbira finanzjarja għalihom.
Imma l-istrateġija biex tiddgħajjef il-union ma waqfitx hemm.
Meta fl-2005 il-Gvern iddeċieda li jipprivatizza s-Sea Malta l-Ministru Austin Gatt kien irnexxielu jġelled iż-żewġ kategoriji ta’ ħaddiema fil-kumpanija li wasslu biex il-union tinqabad bejn ħaltejn.
Mill-bidunett kien ċar li l-Gvern ftit kellu interess li jbigħ is-Sea Malta bid-dikjarazzjoni li jekk il-privatizzazzjoni ma sseħħx kien se jagħlaq il-kumpanija. Fl-aħħar mill-aħħar Grimaldi, ix-xerrej, kien iktar interessat fir-rotta milli fil-kumpanija Maltija.
Il-qasma bejn il-baħħara u l-ħaddiema ta’ l-art ħalliet il-union tiżfen fin-nofs bil-Gvern isaltan.
Dik il-ġrajja miskina wasslet biex il-ħaddiema ta’ l-art irriżenjaw mill-union u biex jidher benevolenti l-Gvern reġa’ solva l-problema bil-flus u offrilhom impjieg miegħu. Fl-istess waqt il-baħħara, li kienu kontra l-ftehim ta’ privatizzazzjoni kif propost mill-Gvern, spiċċaw jeħduha kontra l-union u ħadmu għal rashom għax kienu jafu li setgħu jużaw il-qorti biex jaqbdu l-uniċi assi tas-Sea Malta, il-vapuri, biex jitħarsu d-drittijiet tagħhom.
Meta l-Gvern għalaq is-Sea Malta, il-union mhux biss tilfet il-membri imma tilfet ukoll il-kredibbiltà f’għajnejn il-membri tagħha anki jekk dak li ġara ma kienx tort sa barra tat-tmexxija tal-GWU.
Abbandunata minn tax-Xatt
Dik il-ġrajja kexkxet ukoll lill-ħaddiema tax-Xatt membri tal-GWU, ukoll meqjusin bħala fergħa militanti.
Meta beda jberraq għall-ħaddiema tax-Xatt fuq ir-riformi li ried iwettaq il-Gvern dawn riedu li fin-negozjati jidħol għalihom George Abela li fl-2004 kien għamilha ta’ medjatur bejn l-erba’ unions rappreżentati fl-Air Malta.
It-tmexxija tal-GWU m’aċcettatx dan l-arranġament u biex iħarsu l-għixien tagħhom u jevitaw sitwazzjoni bħal tas-Sea Malta l-ħaddiema tax-Xatt irriżenjaw u ffurmaw union għalihom. F’salt il-union tilfet madwar 300 membru u s-saħħa kollha tagħha fil-port.
Dik l-azzjoni ġiet ukoll f’mument meta fil-qasam tat-tessuti bdew jintilfu l-impjiegi u saħansitra għalqu kumpaniji sħaħ.
Dan fisser li l-GWU bdiet tiddgħajjef ukoll fis-settur tal-manifattura fejn kellha u għad għandha ħafna membri.
L-aħħar kapitlu jidher li se jinkiteb din is-sena bil-privatizzar tat-Tarzna u l-isħab iswed li qed iberraq fl-ST.
Illum il-Gvern għandu s-saħħa morali u popolari li jżarma t-Tarzna u l-union qajla tista’ tmur kontra.
Għall-union l-ikbar inkwiet mhux tant li l-Gvern jipprivatizza t-Tarzna imma li din tispiċċa titlef għadd sostanzjali ta’ membri li jispiċċaw jieħdu s-somma offruta mill-Gvern.
U fl-istess sena, jekk l-ST tibqa’ għaddejja bil-pjanijiet tagħha li tnaqqas il-ħaddiema, din tkun it-tieni majnata f’termini ta’ membri li tieħu l-GWU.
Għad fadal sħab ieħor fuq ix-xefaq. Fl-Air Malta l-GWU għadha ma laħqet l-ebda ftehim mal-maniġment fuq il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema wara li ntemm il-patt azjendali miftiehem fl-2004 ma’ l-erba’ unions. Dik ġlieda oħra li l-Gvern jista’ juża biex ikompli jitfa’ l-melħ fil-ferita anki jekk fl-Air Malta s-sitwazzjoni hi kemmxejn differenti minn ta’ azjendi oħra statali.
Il-ftehim kollettiv li għamlet il-union din il-ġimgħa mal-maniġment tal-Borża ta’ Malta juri li qed tipprova tiddiversifika l-ħidma tagħha f’setturi mhux tradizzjonali.
Min-naħa l-oħra s-saħħa li tgawdi l-GWU fost il-health assistants u ħaddiema oħra fis-settur tas-Saħħa jagħtiha ċerta piż f’settur fejn se jkun diffiċli għall-Gvern biex idgħajjifha anki jekk azzjonijiet industrijali fil-qasam tas-saħħa dejjem huma sensittivi għax jistgħu jqanqlu l-għadab tan-nies.
Il-union għaddiet minn wisq burraxki f’dawn l-aħħar 10 snin u teħtieġ ħafna iktar xogħol biex terġa’ tikseb lura l-kredibbiltà u s-saħħa li tnaqqrulha minn strateġija ‘kwieta’ li għarfet twaddab il-flus lejn il-problemi u li ħafna drabi keskset lil min iħallas it-taxxa kontra l-membri tal-GWU, anki jekk dawn ukoll iħallsu t-taxxa.
|
|
Franica Pulis tintervista lid-dwett Chasing Pandora
Editorijal

Il Punt
Joanna Drake

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|