MediaToday

Sports | 29 ta’ Ġunju 2008 Nr 87

Il-ħolma li saret realtà

Din l-intervista ma’ wieħed mill-ħbieb personali li għandi ssir b’kundizzjoni waħda li għamilhieli priorità qabel ma qalli iva. “Dak li taf personali fuqi ma jinkitibx u jibqa’ bejnietna.” Deal!..Forsi ma basarx li dak li naf personali fuqu mhux konvenjenti niktbu hawn għax joħodli gazzetta sħiħa u mhux żewġ paġni. Etienne Barbara jaċċetta li jitkellem ftit sigħat biss qabel ma jħalli pajjiżna għal avventura ġdida f’ħajtu fil-Ġermanja.
Iltqajt ma’ Etienne it-Tnejn wara nofsinhar, proprju sitt ijiem qabel ma jaqbad l-ajruplan li se jieħdu l-Ġermanja. Etienne jispjegali kif sa fl-aħħar din il-ħolma saret realtà. Għalih dan hu t-tielet ċans u determinat li ma jħalliħx jaħrablu kif ġralu fid-darbtejn ta’ qabel.
“Inutli naħbu li għal kull plejer Malti l-ikbar ħolma hi li jmur jilgħab barra minn xtutna. Meta plejer Malti tiġih din l-opportunità diffiċli biex jitlifha. Nemmen li jridu jkunu l-klabbs stess li jgħinu lill-plejers Maltin biex iwettqu din il-ħolma. Meta kont ma’ Birkirkara kien ġieni dan iċ-ċans nilgħab il-Kroazja imma ma kien sar xejn. Issa għandi din tal-Ġermanja u suppost li kollox hu lest.”
Etienne Barbara twieled fl-10 ta’ Ġunju 1982 u joqgħod Ħal Qormi. Hu iben George u Mary. Bejn ħutu u ħbieb l-aktar nies viċin tiegħu f’ħajtu huma Yanica, Charlene, Sue u Silvan. Jispjegali kemm verament iħobb il-futbol u kif ħajtu bdiet f’dan l-isport minn ta’ tifel żgħir.
“Ommi tgħidli li minn mindu tlaqt nimxi missieri tagħni ballun f’saqajja. Dejjem xtaqt li nilgħab il-futbol bħala plejer professjonali. Kont bdejt ma’ Ħal Qormi u ġejt fi stadju f’ħajti fejn kont se nieqaf minn kollox. Kien missieri li żammni fil-logħba. Minn Ħal Qormi kienu xtrawni l-Furjana. Hemmhekk niftakar li n-nursery tagħna kienet il-krema tal-futbol Malti ta’ llum. Ta’ età żgħira tawni l-opportunità nilgħab Premier. Imbagħad ġew Birkirkara u Sliema Wanderers.
“Iva, naħseb li jien dedikat. Meta nkun liberu mill-futbol inħobb ingawdi l-ħajja kif jagħmlu nies oħra tampar tiegħi imma waqt il-futbol u t-taħriġ jien bniedem serju. Sejjer żbaljat min jaħseb il-kontra.”
“Jien niftakru bil-flokk tal-Furjana meta magħhom kien iddebutta fil-kampjonat Premier. Etienne kien jilgħab f’nofs il-ground irtirat, ħafna differenti mill-ġurnata ta’ llum. Minn dak iż-żmien s’issa ħajtu inbidlet ħafna u magħha bidel ħafna pożizzjonijiet differenti fil-ground. Etienne lagħab fil-karriera tiegħu bħala difensur, midfielder u attakkant iżda hu dan l-aħħar rwol li għoġbu l-aktar fil-karriera u li jixtieq jibqa’ jilgħab fih.
“Minn dejjem kont plejer versatili bi rwol liberu aktar milli difensur, midfielder jew attakkant. Lgħabt anki bħala stopper fil-karriera tiegħi u anki bħala midfielder irtirat. Iżda rrid ngħidlek li attakkant inħossni aktar komdu. L-aqwa pożizzjoni għalija jkun qabel il-ponot. Illum il-ġurnata qiegħed f’pożizzjoni li ngħid li importanti li ma nkunx ’il bogħod mil-lasti.”
Hu ir-rwol ġdid li kien skopra fih Stephen Azzopardi lura fiż-żmien meta kien ma’ Birkirkara. Dak iż-żmien ir-relazzjoni bejn it-tnejn kienu ħafna differenti mil-lum. Etienne jitkellem fuq dan kollu meta nagħmillu l-mistoqsija, ‘Imma int taqbel ma’ Stephen Azzopardi?’
“Lanqas xejn. Stephen hu coach tajjeb ħafna u bħalma jien għandi karattru b’temperament daqsxejn stramb, Stephen għandu karattru għalih. Jekk tasal tifhem kif taħdem miegħu mhu se jkollok problemi qatt miegħu u dan għax għandu għerf kbir tal-logħba tal-futbol.
“Meta konna Birkirkara u għaraf jimxi mal-karattru tiegħi mxejna ħafna. Imma Stephen hu bniedem li jrid jifhem aktar il-plejer minn xiex ikun għaddej u l-iżvantaġġ tiegħu hu li plejer f’dawn il-livelli ma kien qatt. Idum ma jieħu deċiżjoni u qabel ma joħodha jisma’ ċerti pariri tan-nies imma jekk imbagħad jieħu deċiżjoni ma jdawru ħadd minnha. Isir rasu iebsa u dittatur fuq dak li jkun iddeċieda. Jiġifieri int kellek raġun meta fl-intervista tal-ġimgħa li għaddiet ma’ Stephen Abela iddiskrivejtu li biex dubbiena tmur fuq flixkun tal-Cola trid il-permess tiegħu. Iddiskrevejtu eżatt u ħaqqek prosit.”
Huma ħafna dawk il-klabbs u uffiċjali tagħhom li jgħidu li Etienne għandu karattru diffiċli u l-biża’ tagħhom minnu hi li jħarbat tim sħiħ. Nistaqsi lil Etienne hux konxju li jingħad dan id-diskors fuqu minn ta’ madwaru.
“Iva. Naħseb li jista’ jkun minħabba t-temperament li għandi. Jien nispiċċa niġġieled mal-kumitati tal-klabbs meta ma jirrispettawx il-kuntratt li jkolli. Hawnhekk issib klabbs li mhux kollha jħallsuk fl-aħħar tax-xahar.
“Jien niddependi mill-futbol u għalhekk meta niffirma kuntratt nippretendi li fl-aħħar tax-xahar nitħallas fil-ħin. Mas-Sliema qatt ma kelli problemi minn dawn u qatt ma kelli problemi magħhom.
“Is-sena li ħadt il-kampjonat ma’ Birkirkara qatt ma kelli problemi. Bdew il-problemi l-istaġun ta’ wara għax bdew jaraw kbir. Jekk ma tirrispettanix int bħala plejer ma nistax nirrispettak jien bħala klabb.”
Birkirkara kien wieħed mill-klabbs li skarta lil Etienne ftit taż-żmien ilu. Kienu ħafna dawk li ma qablux magħhom l-aktar meta fl-istaġun li rebħu l-kampjonat Etienne kien kandidat serju li jirbaħ il-Plejer tas-Sena ta’ l-MFA, unur li mbagħad bl-aktar mod stramb mar għand Andrew Cohen għat-tieni sena wara l-oħra.
“Nemmen li Birkirkara ta’ dak iż-żmien kienu wieħed mill-aqwa timijiet li qatt rajt u bla dubju dik kienet l-aqwa sena tiegħi. Minn dak il-lat Birkirkara tawni ħafna. Li kont nilgħab ma’ dawk it-tip ta’ plejers kien diġà ta’ privileġġ kbir għalija.
“Il-problema tiegħi f’Birkirkara kienet fuq il-Kumitat. Ma jifhmux kif imorru l-affarijiet fid-dinja tal-futbol. Kieku dak it-tim ta’ meta rbaħna l-kampjonat kien għand Robert Arrigo jew Victor Sciriha kienu jirbħu ħafna aktar milli rebħu Birkirkara taħt dak il-Kumitat.”
Inkompli nagħfsu biex jagħtini raġunijiet konkreti. Imma fiex ma taqbilx mal-Kumitat Karkariż?
“F’ħafna affarijiet. Ħafna minn nies m’għandhomx idea ta’ futbol. Jekk trid eżempju wieħed ngħidlek li ma naqbilx f’din tal-pagi li ma jaslux fl-aħħar tax-xahar kif ikun miftiehem skond il-kuntratt. Ikollok diversi plejers bħali li l-futbol hu x-xogħol ewlieni tagħhom u ma jistgħux idumu ma jitħallsu. Din huma ma jistgħux jifhmuha.
“Ma jiddispjaċini xejn għall-mod li kont ġejt skartat minn ma’ Birkirkara. Anzi għamluli pjaċir. Meta morta mas-Sliema mort ma’ amministazzjoni serja ħafna u Sliema jemmnu ħafna li l-kuntratti għandhom jiġu irrispettati bħala l-ewwel ħaġa.”
Problema oħra li jista’ jkollu Etienne hi fil-ground. Kultant ikun qisu iljun ifferuċjat u biex tim jispiċċa b’10 plejers daqs tazza ilma. Nistaqsih x’inhi r-raġuni din il-ħeġġa żejda kollha fuqu waqt id-90 minuta tal-logħba.
“Għax ma naċċettahiex telfa. Dejjem irrid nirbaħ u meta tibda ġejja ħażin ma nniżżiliex. Forsi vera li għandi ħeġġa żejda fil-ground imma din hi xi ħaġa li nħossa tgħini fil-ground. Inħoss li rranġajt ħafna fuq din il-biċċa xogħol. Iżda dik hi ġo fija. Għandi ċerta rabja żejda li rrid nirbaħ dejjem. Wieħed mill-aktar coaches li f’ħajti għenuni biex nikkalma kien Eric Schembri fiż-żmien il-Furjana. Mingħandu tgħallimt ħafna.”
L-avventura qasira ma’ Sliema Wanderers. Nitkellmu fuq dan il-perjodu li għal Etienne seta’ kien wieħed ta’ pawsa flok klabb ġdid.
“Kont qed naħsibha nagħmilx sena wieqaf sakemm ċempilli Robert Arrigo u ltqajna. Jien kont għidtlu x’għandi f’moħħi li xtaqt insib klabb barra minn Malta u hu fehimni għax wegħidni li jekk tinqala’ l-opportunità mhux se nsib ostakli. U hekk kien. Kien ċempilli l-aġent ta’ Andrè Schembri u qalli li hemm klabb interessat fija. Kienu rranġaw mill-ewwel u hawnhekk irrid nirringrazzja lil Sliema Wanderers li m’għamluhilix diffiċli.
“Għall-ewwel darba se nkun fuq bażi professjonali. Inħoss li hawn Malta m’għandix fejn nagħmel aktar titjib u barra biss jista’ jgħini ngħolli l-livell. Sfida bħal din qed inħares b’ottimiżmu kbir lejha. Jien sejjer hemmhekk għal din l-ewwel avventura u l-ħolma tiegħi se tkun li ’l quddiem insib klabb aqwa minn dan li sejjer miegħu din il-ġimgħa u nibqa’ barra.”
It-tim nazzjonali Malti. Nagħmlu ftit ħin nitkellmu fuqu wkoll. Etienne konvint li kienet il-prestazzjoni tiegħu kontra Leichestein li ġiegħlet lil FC Verle juru interess fih.
“Vetrina importanti ħafna. Hi l-ħolma ta’ kull sportiv li jilbes il-flokk tat-tim nazzjonali ta’ pajjiżu. Nagħtu kas il-partita kbira li kellna kontra l-Leichestein tagħtni spinta kbira ’l quddiem biex sibt dan il-klabb fil-Ġermanja. Ma rridux ninsew li peress li aħna pajjiż żgħir, pajjiżi kbar bħal Ġermanja ma jħarsux lejn pajjiżi bħal Malta meta jkunu jridu jixtru plejer.”
Etienne hu plejer li libes ħafna numri differenti. Lagħab bin-numru 8 ma’ Birkirkara, bin-numru 46 ta’ Valentino Rossi ma’ Sliema Wanderers u issa bin-numru 5 mat-tim nazzjonali. Madankollu jistqarr li n-numru favorit tiegħu baqa’ ma rnexxielu qatt jilbsu.
“In-numri jogħġbuni u n-numru fortunat tiegħi u wieħed mill-aktar numri li nħobb hu n-numru 10. Sfortunat li dejjem sibt lil xi ħadd u qatt ma stajt nilgħab bih. Li tilgħab bin-numru 10 hu attrazzjoni. Ilu hekk minn meta kien jilbsu Maradona.
“Bdejt nilgħab bin-numru 5 mat-tim nazzjonali għax inzerta li kontra l-Leichestein ma kellhomx flokkijiet b’numri kbar u Ivan Vella tagħni lilu. Ħarġitli logħba kbira u bqajt nilgħab bih.”
M’hemmx dubju li l-futbol għen lil Etienne biex sar aktar popolari f’pajjiżna. Minn plejer sempliċi ma’ klabb sab post anki fit-tim nazzjonali u dawn l-aħħar snin anki fuq il-billboards tar-reklamar madwar pajjiżna. Etienne jaqbel ma’ dan kollu.
“Naħseb li l-futbol tagħni imbuttatura kbira. Jien u int kemm-il darba nkunu flimkien u int taf biżżejjed. Hawn Malta hawn passjoni fuq il-futbol u nemmen li veru ħadd popolarità kbira minħabba fih. Iżda ma naħsibx li nidher fir-reklami bis-saħħa tal-futbol. Veru li tkun plejer jagħtik vantaġġ iżda jien naħseb li kieku ma kontx plejer tal-futbol u d-destin ried li niltaqa’ ma’ ċerti nies li huma midħla fil-media xorta kienu jagħżluni għar-reklamar. Ma naħsibx li għażluni għax jien plejer tal-futbol.”
M’hemmx dubju li quddiemi kelli wieħed mill-aktar plejers popolari man-nisa f’Malta. Ħafna jqisuh bħala sex symbol u fost l-aktar jekk mhux l-aktar plejer attraenti f’pajjiżna. Għall-ewwel jilgħabha li mhux konxju ta’ dan.
“Le, xejn affattu. Jekk tismagħhom jgħidu hekk fuqi ħallihom jgħidu hekk imma jien ma nqisnix sex symbol.”
Inkompli nimbuttah. Imma possibbli ma tafx li biex tidher fir-reklamar trid tkun mudell?
“Iva, dik veru wkoll. Imma kieku rrid immur nimmudella kont nagħmel bħal David
Camenzuli u naqbad dik il-karriera. Imma jien ma naħsibx li jien maqtugħ għal dan ix-xogħol.”
Inkompli nimbxu…Imma mintix konxju li kulħadd jgħid li int il-playboy tat-tim nazzjonali?
“Hemm ħafna playboys hemm fuq. Hemm Justin Haber u Kevin Sammut li huma aqwa minni.”
B’mod intelliġenti mill-ewwel idawwarha fuq sħabu. Ngħidlu li lili qaluli li inti, kont il-king.
Fl-aħħar jidħak u bħal donnu jammetti.
“Mela jekk smajt hekk naħseb li veru.”
Filwaqt li nitkellmu ftit fuq il-ħajja personali Etienne jurini dispjaċir li l-ikbar żball li għamel fil-karriera kien meta ġieh iċ-ċans jilgħab barra imma kellu jibqa’ Malta.
“Kienet ġietni l-opportunità u ma stajtx noħodha. Jien il-problema li kelli kienet li dejjem għamilt kuntratti kbar. Dak hu żball li ma nerġa’ nagħmlu qatt. Nemmen li jekk plejer Malti jħobb vera l-futbol għandu jħares lejn barra.”
Etienne jgħidli li l-iktar mument sabiħ u emozzjonanti fil-karriera tiegħu kien meta rebaħ il-kampjonat ma’ Birkirkara filwaqt li jqis mument glorjuż dak inhar li ġab il-goal tad-draw kontra l-Bulgarija.
“Meta ħadna l-kampjonat ma’ Birkirkara kien l-ewwel unur li qatt irbaħt f’għomri. Hemmhekk kelli esperjenzi li ma ninsihom qatt.
“Wieħed mill-isbaħ goals li nibqa’ niftakar għomri kollu kien kontra l-Bulgarija. Konna ġejna 1-1 u skurjajt jien lejn l-aħħar. Tfajt il-flokk lin-nies. Ivan Vella kien qalli biex nitfgħu u jagħtini ieħor. Jien hekk għamilt. U tagħni ieħor.”
Wieħed mill-presidenti li kien magħruf għall-ħbiberija kbira li kellu ma’ Etienne kien Victor Sciriha. Ċertu għidut persistenti kienu qed jgħidu li bejn it-tnejn kollox kien intemm iżda Etienne ixejjen dan kollu meta nistaqsih fuqu.
“Victor raġel mill-aħjar ħafna. Li għamel miegħu hu bħala President naħseb li m’għamlu ħadd. Ma bqajtx daqshekk viċin tiegħu għax kont ma klabb ieħor iżda dejjem bqajt inżomm il-kuntatt. Ma kontx naraha sew li niffrekwenta regolarment President meta qed nilgħab ma’ klabb ta’ President ieħor. Iżda mhu veru xejn li jien u hu iġġilidna u ma nitkellmux aktar kif kien qed jinstema’. Bħalissa m’għandix f’moħħi li nilgħab miegħu iżda ma nħassar xejn x’jista’ jiġri bejnietna ’l quddiem.”
Il-lista ta’ Etienne b’nies li jixtieq jirringrazzja ma tispiċċa qatt. Fuq quddiemnett ommu u missieru, ħutu, Sue u Silvan li appoġġawh dejjem f’dak kollu li għamel.
“Ma nistax ninsa anqas lil Tuttosport, Dr Joe Mifsud, Ivan Vella, il-Wowi, Robert Arrigo, Eric Schembri, Nardu Farrugia, Dusan Fitzel, Stephen Azzopardi, Dennis il-hairdresser, Donald Spiteri il-masseur, Franco Azzopardi, iz-ziju Żeppi u lil-ħabib kbir tiegħu Manuel u l-President attwali ta’ Sliema Wanderers, Stephen Abela.”
Etienne jagħlaq billi jgħidli x’jixtieq li jara mibdul fih meta tispiċċa din l-avventura u jerġa’ jiġi lura pajjiżna.
“Nixtieq niġu lura bħala plejer aħjar u aktar komplut. Ma nafx x’se nsib hemm fuq jiġifieri daqsxejn diffiċli biex nara minn issa l-futur tiegħi. Nixtieq indum ma niġi lura lejn Malta kemm jista’ jkun. Mhux se taffettwani li se nkun taħt skema professjonali u se jkolli nagħmel ħafna mill-ħin ġewwa u ma toħroġx. Jien il-Ġermanja tiela’ xogħol u mhux vaganza.
“Jien f’ħajti sibt ħafna bsaten fir-roti. Jien bdejt mix-xejn u llum wasalt s’hawn. Qatt ma kelli min jgħini u min jimbuttani. Forsi għalhekk hawn ħafna li jgħiru għalija.”

Intervista

Il-mużika tal-ħajja

Franica Pulis tintervista lid-dwett Chasing Pandora



Il Punt
Vot li jwaqqaf it-Trattat. U issa?
Joanna Drake



Emmanuel Micallef
Flimkien xejn mhu possibbli


Carmelo Mifsud Bonnici

Il-valuri fundamentali tas-soċjetà



X'kien Jgħid
Qiegħ Għajn Dwieli



Wenzu Mintoff
Infern fl-art


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan